Spazju għal Qalbi

English

Tnedija tal-ktieb nhar id-29 ta' Marzu 2023

Dwar il-Ktieb

Spazju għal Qalbi

Il-ktieb ‘Spazju għal Qalbi’ huwa miktub minn Silvana Cardona. Huwa riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u Żvilupp Spiritwali fl-iskejjel u ppublikat minn Pro.Motion Limited.

Il-ktieb jikkonsisti fi stejjer qosra bejn wieħed u ieħor ta’ madwar 500 kelma u l-iskop ewlieni tiegħu hu li t-tfal tal-primarja jkollhom ġabra ta’ stejjer qosra b’temi spiritwali f’idejhom. Permezz ta’ dan il-ktieb u b’mod immaġinattiv huma u jaqrawhom, ser ikunu jistgħu jmorru f’postijiet f’Malta u f’pajjiżi oħra, jiltaqgħu ma’ persuni, kif ukoll jagħmlu dak li jkunu għaddew minnu t-tfal.

It-Titlu tal-Ktieb

Il-ktieb tajnieh it-titlu ta’ Spazju għal Qalbi għax it-titlu jiġbor fih żewġ tifsiriet. Għal qalbi bħal meta jkolli ġugarell għal qalbi, u għal qalbi għax f’dan l-ispazju li ser niltaqgħu fih permezz tal-istejjer, qalbi ssib serħan u timtela bl-imħabba t’Alla

Stejjer fil-Ktieb

Il-ktieb fih sett ta’ 11-il storja oriġinali fejn it-tfal ikunu jistgħu jirrelataw magħhom huma u jaqrawhom. L-istejjer huma miktuba bil-Malti u maqluba għall-Ingliż. Dawn l-istejjer huma relatati mal-aktar 10 temi ta’ prayer spaces li jintużaw, kif ukoll storja dwar meditazzjoni fi ġnien.

Kull storja tinbena madwar tfal/persuni differenti li jkunu qed jagħmlu xi ħaġa jew attendew x’imkien per eżempju waqt xi logħba futbol, xi żjara kulturali f’pajjiżna, xi esperjenzi li jgħaddu t-tfal l-iskola, f’attivitajiet extra kurrikulari u lil hinn. Minn hemm toħroġ l-Prayer Space li rridu nwasslu f’dik l-istorja partikulari. B’hekk qed nuru li kull ambjent u esperjenza huwa spazju fejn Alla jiltaqa’ mal-persun

Each story is built around different children/people who are doing something or attending somewhere for example during a football game, a cultural visit in our country, some experiences that the children have at school, during extracurricular activities and beyond. From there comes the Prayer Space that we want to convey in that particular story. In this way, we are showing that every place and environment, offers a space where God meets the person.

1. Wara Ġimgħa Camping

Din l-istorja hija dwar tifel li mar kamping ma’ sħabu Għajn Tuffieħa. Fost il-kampijiet li ntramaw, kien hemm kamp b’kuxins fih biex min ried, seta’ jidħol fih, joqgħod għall-kwiet u japprezza s-silenzju. It-tifel jirrakkonta kemm ħass paċi f’qalbu fil-kamp tas-skiet

2. Ngħidu Grazzi

Din l-istorja hija dwar grupp ta’ ħbieb li laqgħu l-istedina li jipparteċipaw f’ċelebrazzjoni li kienet ser tittella’ għall-Jum Dinji tal-Gratiduni. Permezz taż-żfin u l-arti, it-tfal esprimew il-gratitudni tagħhom lejn il-familja, il-ħbieb, il-pets, it-talenti artistiċi u lejn il-ħajja

3. Uri u Għid – Tradizzjoni Maltija

Din l-istorja hija dwar tfal li jattendu d-drama. Waqt li jagħmlu mima bl-oġġetti li jsibu quddiemhom, dawn ifakkruhom fil-Quċċija, tradizzjoni Maltija. Waqt li jmorru quddiem il-mera l-kbira huma jgħidu grazzi lil Alla għal xi talent jew kwalità sabiħa li għandhom

4. Dinja Waħda

Din l-istorja hija dwar tifel li nkiteb mal-futbol nursery. Waqt il-half time ta’ logħba minnhom, huwa waqaf quddiem board tar-reklami b’mappa tad-dinja. Flimkien mal-kowċ u t-tfal plejers l-oħra, jiktbu talb għall-pajjiżi madwar id-dinja.

5. Wallpaper li Jiġbed l-Għajn

Din l-istorja hija dwar żewġt aħwa li bidlu d-dar tagħhom diversi drabi għal raġunijiet diversi. Fid-dar il-ġdida, huma żejnu l-ħajt tal-kamra tas-sodda tagħhom b’wallpaper attraenti u pinġew fuqu ħajt ta’ talb.

6. Il-Mistoqsija Oħt il-Għerf

Din l-istorja hija dwar tifla li tinteressa ruħha f’kollox u tħobb tistaqsi ħafna mistoqsjijet. Fil-klassi tal-katekeżi jagħtuha kartonċina kkulurita maqtugħa f’forma ta’ punt ta’ mistoqsija. Fuqha riedet taħseb dwar mistoqsija kbira li tixtieq tistaqsi lil Alla.

7. Kartun fuq Bankina

Din l-istorja hija dwar tifla li marret Londra tara musical. Fi triqtha mal-ġenituri tagħha lejn it-teatru, tilmah tifel ta’ mpara flimkien ma’ ommu mixħuta fuq biċċa kartuna fl-art fuq il-bankina.It-tifla rat kif tgħin lil dawn il-persuni bla saqaf fuq rashom.

8. Il-Luzzu tan-Nannu

Din l-istorja hija dwar in-nannu li kien sajjied. Huwa jirrakkonta l-avventuri li għadda minnhom fuq il-baħar lin-neputijiet tiegħu. Darba tellagħhom fuq il-luzzu u kif niżlu, it-tfal għamlu vapuri tal-karti u kitbu u pinġew il-biżgħat u l-inkwiet tagħhom fuqu

9. Żomm Ċagħka f'Idejk u Itlaqha

Din l-istorja hija dwar familja li jħobbu jmorru jimxu u jgħumu fil-bajja tal-Mistra. Il-papa’ jivvinta logħob ferrieħi mat-tfal tiegħu fosthom Noli qalb il-qasab u s-siġar u jittremblu fuq ir-ramel. Darba lagħbu logħba biċ-ċagħak fejn ħasbu f’persuni li qalulhom kliem iebes u weġġgħulhom qalbhom u tefgħuha l-baħar bħala sinjal li ħafrulhom.

10. Kastell fir-Ramel

Din l-istorja hija dwar tifel li jħobb iħaffer fir-ramel u jibni kastelli ħdejn il-baħar. Darba minnhom tifel ieħor ta daqqa ta’ sieq lil kastell fir-ramel u kissirulu. Tgħidx kemm beka t-tifel. Iżda ta’ tifel twajjeb li kien, ħafirlu u komplew jilagħbu flimkien.

11. Fis-Skiet fi Ġnien

Din l-istorja hija dwar tfal tas-sitt sena primarja li marru ħarġa sal-ġnien ta’ Sant’Anton. Huma mxew matul passaġġ qalb il-fjuri u s-siġar li wassalhom ħdejn bankijiet tal-injam. Poġġew bilqegħda f’pożizzjoni komda u daharhom dritt mal-bank u għamlu għaxar minuti ta’ meditazzjoni nisranija.

Għala dawn l-Istejjer

Dawn l-istejjer b’diversi avventuri fihom, inkitbu bil-ħsieb li t-tfal ikunu jistgħu jirrelataw magħhom huma u jaqrawhom għax huma esperjenzi komuni fost it-tfal.

Imma mhux biss. Billi kull persuna hija wkoll spiritwali, l-istejjer iwasslu lit-tfal qarrejja, biex jaħsbu, jirriflettu u jitolbu. Jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ Prayer Space (talb b’mod

kreattiv u interattiv) wara kull storja li jaqraw. Jistgħu jagħmlu Prayer Space kemm waħedhom, kemm mal-ħbieb fil-klassi tagħhom kif ukoll anke mal-familja tagħhom fid-dar

Illustrazzjonijiet

L-illustrazzjonijiet huma ta’ Mireille Tabone. Ma’ kull storja bil-Malti, il-qarrej jiltaqa’ ma’ żewġ illustrazzjonijiet u jsegwi żewġt illustrazzjonijiet oħra mal-istess storja bl-Ingliż.

QR Code

Fuq it-titlu ta’ kull storja, wieħed jista’ jsib QR code. Dan iservi biex dak li jkun jisma’ l-istorja moqrija.

Istruzzjonijiet biex tuża l-QR Code

  1. Niżżel QR Reader minn fuq il-mowbajl/tablet/ kompjuter.
  2. Poġġi l-mowbajl quddiem il-QR code.
  3. Skennja l-QR code u stenna ftit.
  4. Segwi l-istorja moqrija u l-attivitajiet relatati magħha

Riflessjonijiet għall-Qarrejja

Fuq il-paġni 162 u 164 tal-ktieb, wieħed jista’ jikteb ir-riflessjonijiet tiegħu. F’kull storja li tista’ taqra f’dil-website, tista’ tikteb il-ħsibijiet tiegħek fl’aħħar ta’ kull storja.

Ħarsetta

Fi ‘Spazju għal Qalbi’ ser niltaqgħu ma’ bosta tfal li jgħaddu minn avventuri f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’pajjiżi oħra wkoll; fosthom meta jmorrru kamping Għajn Tuffieħa, meta jilagħbu noli l-Mistra, limiti tax-Xemxija, meta jmorru fil-ġnien ta’ Sant’Anton u meta jsiefru Londra. F’dawn l-avventuri, it-tfal ser ikollhom iċ-ċans jaħsbu u jirriflettu dwar dak li qed jaraw, jisimgħu, imissu, u jħossu tfal oħra li bħalhom għaddejin minn esperjenzi simili fil-ħajja tagħhom.

Imma mhux biss! Apparti li ser immorru f’postijiet, ser niltaqgħu wkoll ma’ persuni fosthom, ħbieb, nanniet, membri tal-familja u kowċ tal-futboll fost l-oħrajn.

Jalla dan il-ktieb bit-titlu ta’ ‘Spazju għal Qalbi’ isir ktieb għal qalbi daqs xi ġugarell li għandi għal qalbi, u għal qalbi biex f’dan l-ispazju li ser niltaqa’ fih permezz tal-istejjer, qalbi ssib serħan u timtela bl-imħabba t’Alla

But not only! Apart from going to places, we will also meet people including friends, grandparents, family members, and a football coach among others.

May this book entitled ‘Spazju għal Qalbi’ become a beloved book just like a beloved toy, and beloved so that in the space provided through the stories, my heart will be at rest and filled with God’s love.

L-Erba’ Aspetti tal-Edukazzjoni

Dawn l-istejjer jikkontribwixxu sew fl-erba’ aspetti tal-edukazzjoni ħolistika fejn tirrikkjedi l-iżvillup spiritwali, morali, soċjali u kulturali. B’dan f’moħħna qed ngħinu lit-tfal jiżvilluppaw ħiliet meħtieġa fis-seklu 21.

English