English

Merħba

Il-kap, l-assistenti kapijiet jew l-edukatur li qed imexxi l-assembly jindirizza lill-istudenti b’mod pożittiv billi jawgura l-għodwa t-tajba lil kulħadd. Tista’ tibda l-assembly bir-radd tas-salib: “Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben, u tal-Ispirtu s-Santu. Ammen.”

Introduzzjoni

Kif tafu, ftit tal-ġranet ilu għadna kif sellimna (għedna bye) lis-sena 2020 u sellimna (għedna ħelow) lil din is-sena l-ġdida, l-2021. Iż-żmien jgħaddi u jħallilna ħafna memorji. Kemm tkun ħaġa sabiħa li jkollna memorji sbieħ x’ngħidu lil xulxin meta din is-sena li għadna kif bdejna tasal biex tispiċċa wkoll! Dan il-filmat li ser nisimgħu issa se jurina modi ta’ kif nistgħu nagħmlu memorji speċjali flimkien matul din is-sena li għadna kif bdejna.

Ara

Agħmel stedina lit-tfal biex jieqfu għal ftit sekondi biex jaħsbu fuq dak li raw.

Ħsieb Riflessiv

Li naraw il-popli tad-dinja kollha – in-nazzjonijiet kollha magħqudin u jgħinu lil xulxin tkun memorja tassew speċjali u sabiħa! X’dinja isbaħ u aħjar ikollna, x’pajjiż isbaħ u aħjar ikollna u xi skola isbaħ u aħjar ikollna li kieku l-Maltin, it-Taljani, ir-Russi kollha… (semmi eżempji ta’ nazzjonalitajiet li huma preżenti fl-iskola tagħkom) jittrattaw lil xulxin b’rispett. Sabiex din il-ħolma ssir realtà kollha rridu nippruvaw nagħmlu l-biċċa
tagħna u nuru rispett lejn il-bnedmin tan-nazzjonijiet kollha. Din il-ġimgħa l-Insara ċċelebraw il-festa tat-3 Slaten Maġi li vvjaġġaw ħafna biex il-ħolma tagħhom li jaraw lil Ġesù saret realtà. Marija u Ġużeppi laqgħuhom avolja dawn kienu ġejjin minn nazzjonijiet differenti. Bħal Marija u Ġużeppi, aħna mistiedna nilqgħu u nittrattaw lil kulħadd b’rispett. Madanakollu, ir-rispett irid jiġi miż-żewġ naħat u għalhekk bħal dawn it-3 slaten maġi aħna wkoll mistiedna nirrispettaw lil dawk li jilqgħuna f’pajjiżhom u f’ħajjithom. B’dan il-mod biss nistgħu nagħmlu memorji sbieħ flimkien.

Talba

O Alla, nirringrazzjawk għal dawn ir-rigali li tajtna; grazzi ta’ ġurnata ġdida u sena ġdida li qatt ma għexna waħda bħalha qabel. Nitolbuk tgħinna niftħu qalbna għal xulxin u niftakru li aħna familja waħda kbira. Għinna biex ma niġġudikawx u ma nwarrbu lil ħadd biex inkunu nistgħu tassew nikbru fir-rispett lejn il-popli tan-nazzjoniet kollha. Ammen.

English

« Back to Year Theme