English

Ġimgħa f’Taizé ma’ grupp ta’ ħbieb kienet esperjenza li mhux ser ninsew ta’ żvilupp spiritwali, relazzjonijiet personali li jagħmlu sens, u paċi kbira. Imkennen fil-qalba tar-reġjun tal-Borgonja fi Franza, Taizé huwa raħal żgħir magħruf għall-komunità Nisranija ekumenika tiegħu u għall-impenn għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni. Imwaqqfa minn Fra Roger Schutz fl-1940, il-Komunità Taizé tospita il-Patrijiet ta’ Taizé, ordni monastiku Nisrani ekumeniku. Taizé hija magħrufa għall-istil ta’ talb u qima li jingħaraf mill-oħrajn, ikkaratterizzat b’kant ripetittiv u melodiji sempliċi u kontemplattivi.

Il-Vjaġġ jibda

Il-vjaġġ tagħna beda b’titjira u komplejna bit-tren minn ġol-kampanja pittoreska franċiża, waqt li konna ħerqana nistennew x’ser jiġri. Meta wasalna Macon u mbagħad f’Taizé, ġejna milqugħa mill-ewwel b’atmosfera serena. L-alloġġi kienu sempliċi, imma jilqgħuk. Dawn kienu jikkonsistu fi kmamar stil ta’ dormitorji u ikliet flimkien, u dan kien isaħħaħ l-idea li tgħix f’armonija mal-oħrajn.

Għaqda ma’ Alla

L-istedina ta’Taizé biex tfittex l-għaqda m’Alla permezz ta’ talb fil-komunità, kant, silenzju, riflessjoni personali u l-qsim, saru realtà li konna qegħdin ngħixuha waqt iż-żjara tagħna. Kuljum kellha r-rutina strutturata.

Il-grupp tagħna ċċelebra kuljum il-Quddiesa fis-7:30 ta’ filgħodu fil-kappella tal-kripta. L-użanza li jkollok quddiesa f’lingwa differenti kuljum żiedet aspett uniku li jagħni l-aspett tal-mixja spiritwali tagħna. Dan għen il-grupp tagħna jisaħħaħ fil-fidi li naqsmu, u napprezzaw l-universalità tal-Knisja Kattolika.

Il-qofol ta’ dawn il-ġranet kien it-talb ta’ kuljum fil-knisja ikonika tar-Rikonċiljazzjoni. Bit-talba ta’ filgħodu fit-tmienja u kwart, it-talba ta’ nofsinhar f’nofsinhar u għoxrin, u t-talba ta’ filgħaxija fit-tmienja u nofs mit-Tnejn sas-Sibt. Mijiet ta’ nies minn madwar id-dinja kollha nġabru hemm biex ikantaw kant Taizé, jimmeditaw fis-silenzju, u jirriflettu fuq il-messaġġi ta’ mħabba u għaqda li nsibu fil-Bibbja. Il-mużika u l-kant ripetut ħolqu atmosfera kalma u meditativa li baqgħet tidwi fil-profond ta’ ruħna.

Il-ġimgħa filgħaxija nġbarna għat-talba ta’ filgħaxija, u tkompliet wara b’ċerimonja unika ta’ talb konċentrata kollha fuq is-salib. Iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ fuq id dawl tal-Qawmien mmarkat is-Sibt filgħaxija. Il-Ħdud kienu jibdew bl-Ewkaristija fl-għaxra ta’ filgħodu u jiġu fi tmiemhom f’paċi kbira bit-talba ta’ filgħaxija fit-tmienja u nofs.

Il-qniepen ta’ Taizé

L-użu tal-qniepen fid-daħla ta’ Taizé biex jimmarkaw il-ħinijiet varji ta’ talb matul il-ġurnata hija tradizzjoni sabiħa. Id-daqq tal-qniepen fiż-żernieq, nofsinhar u filghaxija kien jagħti sinjal lilna u lill-komunità biex ninġabru fit-talb, u jqanqlu fina sens ta’ għaqda u riflessjoni matul il-jum.

Il-qofol tal-Ħajja Komunitarja ta’ Taizé

Konna nvoluti fl-aspetti kollha tral-ħajja komunitarja matul il-ġimgħa, li kienu jinkludu tliet servizzi Taizé, lezzjonijiet fuq il-Bibbja, sessjonijiet ta’ riflessjoni, diskussjoni bejn gruppi żgħar, attivitajiet ta’ servizz fil-komunità, u korsijiet waranofsinhar.

Filgħodu, qari ħafif mill-Bibbja kienu mmexxija minn patri tal-Komunità, u wara diskussjonijiet fi gruppi żgħar bl-istess gruppi jinżammu l-ġimħa kollha. Stajna nagħżlu minn attivitajiet u laqgħat fi gruppi (workshops) b’temi varji waranofsinhar, u nittrattaw suġġetti bħal arti, poeżija, mużika, ġustizzja w impenn għall-paċi, ekoloġija, u aktar.

Kontemplazzjoni u Mixjiet

F’ Taizé, il-qofol ta’ kollox huwa s-silenzju, u l-postijiet huma ntiżi biex wieħed igħaddi fihom ħin twil fil-ġabra, bħall-knisja tar-raħal, dik tar-Rikonċiljazzjoni jew il-Fawwara ta’ San Stiefnu. Waranofsinhar, konna ta’spiss nissograw noħorġu għall-passiġġati fl-inħawi pirroreski tal-Fawwara ta’ San Stiefnu. Il-għoljiet immewġa w abbondanti bil-ħaxix, id-dwieli u l-irħula gustużi franċiżi kienu l-ambjent perfett għall-kontemplazzjoni u konversazzjonjiet mal-ħbieb. Dawn il-mixjiet għenuna niflu aħjar l-esperjenzi spiritwali tagħna u ningħaqdu mas-sbuħija tad-dinja naturali.

Xogħol Volontarju

Matul il-ġimħa, bejn it-talb u l-qari tal-Bibbja, konna wkoll nokkupaw irwieħna f’xogħol prattiku fil-komunità bħala parti minn grupp li nagħmlu faċendi tal-komunità, bħal inservu l-ikel, naħslu l-platti, niġbru ż-żibel, nikinsu l-erjas komuni, innaddfu il-kmamar tal-banju jew ngħinu bil-komunikazzjoni/traduzzjoni.  Dawn l-attivitajiet kienu jservu biex nikkontribwixxu għall-ħajja komunitarja ta’ Taizé filwaqt li nżommu l-prinċipji ta’ semplicità u servizz.

Post ta’ Inkontru f’Oyak

Kellna l-opportunità li nirrilassaw uli ninġabru f’ Oyak, ħanut tal-kafè li jopera mingħajr profit u joffri varjetà ta’ snakks u xorb. Huwa l-uniku post f’Taizé li jiftaħ kuljum kmieni waranofsinhar u wara t-talba ta’ filgħaxija sal-ħdax. Kien post meraviljuż fejn ltqajna ma’ nies ġodda, qsamna l-esperjenzi tagħna, il-kulturi, it-tradizzjonijiet u l-fidi, iddiskutejna l-erjas tagħna tax-xogħol, u qsamna ideat u tajna lil xulxin partikolaritajiet personali biex nibqgħu f’kuntatt. L-esperjenza kienet sabiħa u u sebbħet lil min kien hemm.

Mingħajr distrazzjoni

Konna noqogħdu billqiegħda kwieti fil-postijiet ta’ barra matul il-ġurnata ngħaddu mumenti taħt is-sema kollu stilel, mingħajr distrazzjonijiet bħal smartphones jew l-Internet. Dawn kienu mumenti f’Taizé tabilħaqq aktar prezzjużi, għax kienu jsaħħu r-relazzjonijiet ta’ wieħed mal-ieħor, speċjalment f’dan iż-żmien meta dawn huma diffiċli biex jintlalħqu fid-dinja tagħna diġitali.

Gratitudni u Tifkiriet

It-tluq minn Taizé kien ħelu imma mdellel bin-niket. Tlaqna però b’sens qawwi ta’ gratitudni għall-opportunità li kellna li ngħaddu ġimgħa f’dan il-port ta’serħan, imdawrin minn ħbieb li kienu saru l-familja tagħna.

It-tifkiriet ta’ Taizé jibqgħu jispirawna biex ngħixu b’aktar sens u biex ngħożżu s-sbuħija tas-sempliċità, tal-komunità, u tad-dimensjoni spiritwali f’ħajjitna. Taizé tabilħaqq kien tana l-opportunità biex nieqfu ftit mill-ħajja ta’ kuljum, niltaqgħu ma’ faxex wiesgħa ta’ nies, u nżommu quddiem għajnejna l-impenji tagħna lejn il-Kinsja u lejn is-soċjetà.

Is-sehem tagħna fil-ħajja komunitarja u l-programm ta’ kuljum kienu esperjenza li biddlitna, u nisslet fina sens ta’ paċi, mogħdrija, u fetħitilna moħħna biex ma jkollniex preġudizzji: tagħlim li ħadna lura magħna fil-ħajja tagħna ta’ kuljum waqt li ssoktajna  nikbru spiritwalment fil-mixja tagħna li niskopru lilna nfusna.

Kitba ta’ Ms Silvana Cardona, operatriċi pastorali fl-SDS

English