English

Is-sessjoni ‘Ngħixu l-Imħabba bil-Ferħ’ hija mfassla biex tippromwovi l-iżvilupp spiritwali u tipprovdi esperjenza rikka lill-istudenti tas-sitt sena fl-iskejjel tal-Istat .

L-għan ta’ din is-sessjoni huwa li nkomplu niskopru li flimkien nistgħu ngħixu l-imħabba b’mod ferrieħi. Tul dan in-nofs ta’ nhar, ngħinu lill-istudenti isaħħu l-valur tal-ħajja fil-perspettiva Nisranija billi jkunu iktar grati, jagħrfu japprezzaw lilhom infushom u r-relazzjonijiet tagħhom, u jagħrfu l-ħolm u l-limitazzjonijiet tagħhom.

F’atmosfera ta’ għaqda u ħbiberija, l-istudenti jkunu iktar b’saħħithom biex jgħaddu minn daż-żmien ta’ tranżizzjoni bejn it-tfulija u ż-żgħożija u bejn skejjel differenti fil-waqt li jifhmu li meta ngħixu l-imħabba bejnietna biss, nistgħu ngħixu l-imħabba bil-ferħ.

Fost il-kummenti tal-istudenti dwar dis-sessjoni:

“Illum jien u sħabi veru ħadna gost fil-“prayer spaces” imma jien l-aktar li għoġbuni kienu: Tar-ramel, il-kamp u tal-mera. Dawn għamluni inħossni ferħana, kalma u fil-paċi. Bħala suġġeriment nixtieq li l-ħin ikun naqra aktar twil. Grazzi ħafna! ☺” Faith

“L-iktar ħaġa li kont ħadt gost hija li għamilna l-activities għax aħna kellimna lil Ġesù. Ħaġa oħra li kont ħadt gost hija li għamilna l-Quddiesa. Jien ħassejtni vera ferħan għax l-activities kollha kienu sbieħ u jiena ħadd ħafna gost!” Aidan

“Kienet tassew interessanti. Laqtuni ħafna mill-attivitajiet li kellna. Xtaqt nesprimi x-xewqa tiegħi li kieku dawn I-attivitajiet ikollhom ħin itwal.” Randolf

Merħba

Is-sessjoni tibda billi t-tim li jifforma l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel jagħti merħba lill-istudenti u l-edukaturi li jakkumpanjawhom waqt li jipparteċipaw f’attività ta’ gost biex jidħlu iktar fl-atmosfera tas-sessjoni.

Animazzjoni ta’ Storja

L-attrazzjoni tas-sessjoni hija l-istorja dwar ‘Il-Ġemel Kuraġġjuż’ li hija rrankuntata u animata b’mod interattiv.

Hekk kif il-ġemel jibda l-vjaġġ tiegħu għall-kuntentizza ikbar, l-istudenti huma mħeġġa jirriflettu fuq l-identità u l-kwalitajiet personali f’ambjenti mhux familjari magħhom. L-istorja tħeġġiġhom jesploraw it-talenti tagħhom, jagħrfu l-isfidi li għandhom, u jiskopru r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla, mal-oħrajn, u mal-ħolqien kollu.

Spazju tat-Talb u Riflessjoni Spiritwali

Fis-sala narmaw diversi attivitajiet ta’ talb li jgħinu lill-istudenti jirriflettu u jitolbu b’mod kreattiv u interattiv waqt li jiskopruhom u jesperjenzawhom b’mod personali minkejja li flimkien.

Permezz l-attivitajiet ta’ talb ‘Nitolbu għad-Dinja’, ‘Inkun Kuraġġjuż’, ‘Vjaġġ ta’ Tama’, ‘Ġebel ta’ Maħfra’, u ‘Oasi ta’ Paċi’, fost l-oħrajn, l-istudenti jimxu f’din l-esperjenza spiritwali u jagħrfu aktar fil-fond ir-relazzjoni tagħhom magħhom infushom, mal-oħrajn, mad-dinja u m’Alla.

Is-Sens ta’ Gratitudni u Ferħ fil-Quddiesa

Fl-ewwel sessjoni ġiet ċċelebrata l-Quddiesa b’parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fejn għaqdu dak kollu li kien sar matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu. Huma għarfu jitolbu maħfra, jitgħallmu mill-iżbalji u jesprimu l-ferħ u l-gratitudni.

Hekk kif kantajna u tlabna flimkien, iċċelebrajna r-relazzjoni ta’ Alla magħna l-bnedmin.

Kollaborazzjoni

Is-sessjoni ‘Ngħixu l-Imħabba bil-Ferħ’ hija frott ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Uffiċċju għall-Edukazzjoni Reliġjuża u l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel (SDS). Is-sessjoni ssir f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera u animata minn Dun Reuben Gauci koordinatur tal-SDS flimkien mal-ħaddiema pastorali Anne Marie Gatt u Silvana Cardona.

English