Pjan tal-Lezzjoni (Snin Bikrin: Etajiet 5–7) — “Flimkien Ifisser Li Nisimgħu u Ngħinu”
Għanijiet: Sa tmiem il-lezzjoni, it-tfal ikunu jistgħu:
- jgħidu li nkunu flimkien ifisser aktar milli nkunu fl-istess post; jinkludi li nisimgħu u ngħinu.
- jagħtu eżempju wieħed ta’ kif inkunu flimkien id-dar/fl-iskola.
- jiddeskrivu l-għaqda bħala forma ta’ rispett u imħabba lejn l-oħrajn (solidarjetà), u mhux sempliċiment “inkunu ta’ qalb tajba meta jkollna aptit.”
- jirrikonoxxu li fil-mod ta’ ħajja Nisranija, huwa importanti li nilqgħu lill-oħrajn.
Riżorsi: PowerPoint
Karti bl-azzjonijiet għal-logħba “Mera”
Ballun jew soft toy
Handout: Flimkien: Għal Xulxin
Sommarju tas-sessjoni:
- Talba tal-Bidu
- Icebreaker: Meta Nkunu Flimkien …
- Storja – Is-Soppa tal-Ġebel (Storja Tradizzjonali Ewropea) u diskussjoni
- Logħba – Il-Mera
- Attività ta’ Konklużjoni – Handout għal-klassi/dar: Bingo ta’ Atti Żgħar ta’ Tjubija
- Talba tal-għeluq
A – Talba tal-bidu (l-istudenti jistgħu jirrepetu wara l-animatur)
Għażiż Ġesù, Grazzi tal-klassi tagħna u ta’ kull min hawn preżenti. Għinna nkunu twajba ma’ xulxin. Għinna nisimgħu b’ qalbna kollha lil xulxin. Għinna ngħinu u ninkludu lil kulħadd.
Kattar l-paċi u l-imħabba fil-komunità tagħna. Ammen.
B – Attività icebreaker (5 minuti): “Meta nkunu flimkien…”
- Poġġu f’ċirku jekk il-grupp jippermetti.
- L-animatur jgħid: “Meta nkunu flimkien, jien inwaqqaf widnejja biex nisma’ tajjeb.”
- Agħti ballun/pupazz lil tifel jew tifla ta’ mġembek jew ta’ faċċata tiegħek. Staqsihom jkomplu din is-sentenza:
“Meta nkunu flimkien, jien nista’…” (risposti qosra)
Eżempji ta’ tweġibiet: Meta nkunu flimkien, nista’ … ngħin lil ħabib tiegħi; naqsam il-ġugarelli tiegħi; nisma’ lill-oħrajn; inkun qalbi tajba; nilgħab ma’ xi ħadd li jinsab waħdu; nistenna l-waqt tiegħi; ngħid kliem sbieħ; inġiegħel lil xi ħadd jitbissem; ngħin biex inżommu kollox nadif u f’postu; nistieden lill-oħrajn jingħaqdu magħna fil-logħba; ninkoraġġixxi lil sħabi; ngħid skużani; naħfer lil xi ħadd; inkun paċenzjuż/a; ninkoraġġixxi lil xi ħadd; inkun ħabib/a tajjeb/tajba.
C – Storja – Is-Soppa tal-Ġebel (Storja Tradizzjonali Ewropea)
Rabta mat-tema “Flimkien”
- Kulħadd għandu postu u huwa importanti li nilqgħu lill-oħrajn.
- Kull kontribuzzjoni tiswa’.
- Il-komunità tinbena l-aħjar meta naqsmu ma’ xulxin.
- Meta naħdmu flimkien, noħolqu xi ħaġa sabiħa li ħadd ma jista’ joħloqha waħdu.
Sommarju
Grupp ta’ vjaġġaturi bil-ġuħ jaslu f’raħal bit-tama li jsibu x’jieklu, iżda kull persuna f’dak ir-raħal jaħbi dak li għandu għax jibża’ li mhux se jkun hemm biżżejjed għalih. Il-vjaġġaturi jindunaw b’dan il-ħsieb u jitbissmu u jħabbru li se jagħmlu Soppa tal-Ġebel. Kurjużi, ir-raħħala jinġabru madwarhom hekk kif il-vjaġġaturi jpoġġu ġebla kbira ġo borma kbira ta’ ilma jagħli.
Hekk kif is-soppa tibda tissajjar, il-vjaġġaturi jgħidu b’mod każwali, “Kemm tkun saħansitra aktar tajba bi ftit karrotti.” Wieħed mir-raħħala jgħid li kellu ftit u allura jġib il-karrotti. Imbagħad jissuġġerixxu l-basal, il-patata, il-ħwawar u ingredjenti oħra. Wieħed wieħed, kulħadd jagħti ftit minn dak li għandu.
F’qasir żmien, il-borma li qabel kienet vojta timtela b’soppa b’riħa li taqsamlek qalbek, delizzjuża—ferm aħjar minn kull ħaġa li l-vjaġġaturi setgħu jagħmlu waħedhom. Ir-raħħala spiċċaw joqogħdu magħhom u qagħdu jieklu kollha flimkien, jidħku flimkien. Fehmu li meta kulħadd jaqsam ftit, ikun hemm biżżejjed għal kulħadd.
Ibda billi tistaqsi lill-istudent jgħidulek fi kliemhom fuq xiex kienet l-istorja u wara iddiskutu dawn il-mistoqsijiet:
- Ir-raħħala laqgħuhom tajjeb liIl-vjaġġaturi?
Mhux tajjeb għax in-nies tar-raħal ma kinux ġenerużi magħhom. Ġesù dejjem laqa’ lil kull min iltaqa’ miegħu għax dak huwa l-ewwel pass biex tibni ħbiberiji.
- X’qed tipprova tgħidilna l-istorja? Messaġġ ewlieni:
Flimkien, nistgħu niksbu ferm iktar milli nistgħu waħedna. Kull persuna għandha xi ħaġa siewja x’tikkontribwixxi, żgħira kemm hi żgħira.
- Semmi xi ħaġa żgħira li inti tista’ taqsam mal-oħrajn—mhux biss oġġetti, iżda wkoll il-ħin, l-attenzjoni jew it-talenti tiegħek?
- Li kieku r-raħħala injoraw lill-vjaġġaturi u ma semgħuhomx, x’kien jiġri?
Il-vjaġġaturi kienu jibqgħu bil-ġuħ.
- Kieku r-raħħala ma qasmux l-ikel tagħhom, x’kien jiġri?
Ma kinux isiru ħbieb u jaqsmu ikla sabiħa flimkien.
D – Attività (12 minuti): ‘Il-Lobgħa tal-Mera’ — Isma’, Għin u Inkludi
Preparazzjoni (materjali minimi):
- Karti bi stampi u kliem ta’ azzjonijiet impoġġijin wiċċhom ‘l isfel.
- Jekk ma jintużawx karti: użaw biss l-azzjonijiet imsemmija bil-fomm u jimitawhom.
Istruzzjonijiet:
- Poġġi l-karti wiċċhom ’l isfel fuq mejda f’ kantuniera tal-klassi.
- It-tfal, meta jmisshom, jiġru lejn il-mejda u jagħżlu karta u jippruvaw jagħmlu l-azzjoni murija. L-animatur jaqra l-azzjoni ta’ fuq il-karta.
- Il-bqija tal-klassi jagħmlu l-istess azzjonijiet jew jagħmlu l-interpretazzjoni tagħhom stess.
Eżempji:
- Isma’: Iftaħ il-pala tal-id wara widna biex turi li qed tisma’ b’attenzjoni.
- Għin: taparsi qed tagħti għodda/ġugarell lil xi ħadd.
- Merħba!: iftaħ idejk it-tnejn bħal sinjal ta’ merħba.
- Inkoraġġixxi: thumbs up jew ċapċipa bil-mod.
Eżempji mill-ħajja ta’ kuljum (3 minuti)
Diskussjoni qasira: “Fejn u kif nipprattikaw li nkunu flimkien?”
Fil-familja: eż. naqsmu x-xogħolijiet tad-dar (eż. niżbarazzaw il-ġugarelli flimkien, il-platti)
L-iskola: eż. Inħallu lill-oħrajn jilagħbu magħna.
Il-knisja: eż. Noqogħdu kwieti u nuru rispett fid-dar ta’ Alla. Nisimgħu l-kelma tiegħu.
Fir-raħal jew lokalità tagħna: eż. ngħinu lin-nies ta’ madwarna fejn ngħixu – nitbissmu, ngħidu bonġu, eċċ
Clubs tal-isport/passatempi: eż. Ninkoraġġixxu lill-oħrajn.
Il-Pajjiż: e.ż. Nuru nispett anka lejn nies li ma nafux.
Rabta mal-lezzjoni: is-solidarjetà tfisser li nieħdu ħsieb lill-oħrajn bħala parti mill-ħajja tal-komunità, mhux ġenerożità każwali.
E – Konklużjoni:
Agħti lil kull student il-handout “Flimkien: Għal Xulxin”
Din tista’ issir fil-klassi jew id-dar. L-istruzzjonijiet qosra miktubin fuq il-handout.
F – Talba tal-Għeluq
Għażiż Ġesù, għinna ngħixu flimkien bil-qalb. Għallimna nisimgħu, ngħinu, ninkludu, u ninkuraġġixxu.
Għinna nibnu komunità li taf tħobb u tilqa’ lil kulħadd. Ammen.
Nikbru Flimkien – Pjan tal-Lezzjoni (Primarja: Etajiet 8–10) — “Flimkien Nibnu Komunitajiet b’Saħħithom”
👉 Għanijiet:
Fi tmiem il-lezzjoni, it-tfal ikunu jistgħu:
- Jispjegaw id-differenza bejn li nkunu qrib ta’ xulxin u li nkunu flimkien (preżenti għal xulxin) – li jinvolvi azzjonijiet bħal nisimgħu u ngħinu.
- Jużaw il-kelma solidarjetà b’mod korrett bħala attitudni Nisranija: impenn lejn l-oħrajn fi ħdan komunità.
- Jidentifikaw kif l-istudenti jistgħu jkunu preżenti għal xulxin f’kuntesti differenti bħal: fil-familja, fl-iskola, fil-lokal, fil-klabbs u fil-pajjiż, billi jiddiskutu sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u modi pożittivi kif jirrelataw ma’ xulxin.
- Juru rispett f’ambjent multireliġjuż billi jitkellmu dwar il-valuri komuni.
Riżorsi: PowerPoint
Nibnu Komunita Flimkien – Handout
Sommarju tas-sessjoni
- Talba tal-bidu
- Attività icebreaker: Flimkien jew Sempliċiment Qrib?
- Storja – Il-Ġgant Egoist minn Oscar Wilde u diskussjoni ggwidata
- Attività prattika fi gruppi – Missjoni tal-Komunità
- Attività ta’ Konklużjoni – Atti Żgħar ta’ Tjubija (fuljett)
- Talba tal-għeluq
A – Ibda b’talba qasira
Għażiż Ġesù,
Nirringrazzjawk talli ġbartna flimkien illum.
Għinna niftakru li, li nkunu flimkien ifisser aktar milli sempliċiment inkunu fl-istess post.
Agħmel li l-iskola tagħna issir post fejn kulħadd iħossu milqugħ u rispettat.
Ammen.
B – Attività icebreaker (6 minuti): “Flimkien jew Sempliċiment Qrib Xulxin?”
Fuq il-board (jew bil-fomm), aqra dawn id-dikjarazzjonijiet qosra li ġejjin u t-tfal jivvutaw b’idejhom billi jagħmlu dawn l-azzjonijiet:
Flimkien (azzjoni żewġ idejn miftuħa)
Sempliċiment qrib xulxin ( azzjoni dirgħajn imsallba)
Dikjarazzjonijiet:
- “Żewġ studenti joqogħdu flimkien iżda ma jitkellmux jew ma jinkludu lil ħadd.”
- “Student jinnota li xi ħadd huwa ġdid u jistiednu jingħaqad mal-grupp.”
- “Xi ħadd jistenna lil min imissu jitkellem.”
- “Tim ifaħħar biss lilu nnifsu u mhux lill-oħrajn.”
- “Nies jaħdmu flimkien biex inaddfu wara attività.”
- “Il-kunsill tal-istudenti jiddiskutu kif jistgħu jgħallmu t-tfal jieħdu ħsieb iktar l-ambjent tal-iskola”.
Irrelata fil-qosor mat-tagħlim Kattoliku: is-solidarjetà hija sejħra diretta għal fraternità umana u Nisranija.
C – Storja: IL-ĠGANT EGOIST ta’ Oscar Wilde
Rabta mat-tema “Li Nkunu Flimkien” Għandna bżonn lil xulxin.
Il-komunitajiet jikbru meta kulħadd ikun inkluż.
It-tjubija tbiddel il-qlub.
Li nkunu preżenti għall-oħrajn iġib ferħ lil kulħadd.
Sommarju
Wara nofsinhar, it-tfal tal-villaġġ, għandhom il-ħabta jmorru jilagħbu fil-ġnien meraviljuż ta’ Ġgant kbir. Imma l-Ġgant ma jkunx hemm għax xi snin ilu kien telaq iżur ħabib tiegħu li kien jgħix ‘il bogħod ħafna.
Wara ħafna snin, il-Ġgant ġie lura d-dar u meta ra lit-tfal jilagħbu fil-ġnien tiegħu inkorla ħafna. Il-Ġgant huwa persuna nervuża u egoista. Allura, bena ħajt għoli madwar il-ġnien u poġġa tabella li tgħid: “Dawk li jidħlu mingħajr permess jiġu mħarrka.”
Mingħajr it-tfal, jiġri xi ħaġa stramba. Ir-rebbiegħa ma tasalx fil-ġnien tal-Ġgant. Filwaqt li kullimkien jiffjorixxu l-fjuri u jkantaw l-għasafar, il-ġnien tiegħu jibqa’ sieket, kiesaħ, miksi bil-borra u bla ħajja. Ix-xitwa donnha tibqa’ għal dejjem. Il-Ġgant ma jistax jifhem għaliex kien qed jiġri dan kollu u jiddispjaċih ħafna.
Darba waħda, il-Ġgant jisma’ l-għasafar ikantaw. Meta jħares ’il barra, jinduna li t-tfal sabu mod kif jerġgħu jidħlu fil-ġnien. Kull fejn ikunu qed jilagħbu, jiffjorixxu l-fjuri, jiffjorixxu s-siġar u terġa’ tasal ir-rebbiegħa. Il-Ġgant jinnota tifel żgħir ma jistax jitla’ ma’ siġra. Qalb il-Ġgant tirtab. Imur għandu u bil-mod u b’ġentilezza jerfgħu biex ipoġġi fuq fergħa ħoxna tas-siġra, u minnufih is-siġra tiffjorixxi.
Il-Ġgant jirrealizza li kien l-egoiżmu tiegħu li żamm il-ferħ u l-ħajja tal-ġnien ’il bogħod. Jiddeċiedi li jwaqqa’ l-ħajt biex it-tfal kollha jkunu dejjem milqugħa. Minn dak il-mument ’il quddiem, il-ġnien jimtela bid-daħk, il-ħbiberija u l-ħajja, u l-Ġgant innifsu jsir qalbu tajba, ġeneruż u maħbub minn kulħadd.
Ibda billi tistaqsi lill-istudent jgħidulek fi kliemhom fuq xiex kienet l-istorja u wara ddiskutu dawn il-mistoqsijiet:
– X’taħsbu li hu l-messaġġ tal-istorja? Meta nilqgħu lill-oħrajn minflok inwarrbuhom, kulħadd jirnexxi – inkluż aħna stess.
– X’inhuma xi ‘ħitan’ li n-nies kultant jibnu u li dawn jwaqqfu lil oħrajn milli jħossuhom milqugħa? Kif nistgħu ngħinu biex inwaqqgħu dawn il-ħitan?” meta niġġudikaw; nibżgħu minn affarijiet, ideat u kulturi ‘ġodda/differenti’; inkunu mwaħħlin mal-iskrins għal żmien twil wisq u, bħala konsegwenza, ninjoraw il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna; inkunu komdi kif aħna u ma nkunux lesti nagħmlu sagrifiċċji jew sforz biex nagħmlu lill-oħrajn kuntenti, milqugħin u inklużi.
Agħżel mistoqsijiet oħra biex tiddiskutuhom skont il-ħin:
- X’inhi d-differenza bejn li nkunu qrib xulxin u li nkunu flimkien? Li nkunu qrib ifisser li nkunu fiżikament viċin xulxin. Li nkunu flimkien ifisser li nieħdu ħsieb xulxin, naqsmu ma’ xulxin u ninkludu lil kulħadd.
- Liema azzjoni hi l-aktar importanti: nisimgħu, ngħinu, ninkludu, ninkoraġġixxu, nieħdu ħsieb – għaliex? Li ninkludu lil ħaddieħor hija importanti ħafna għax kulħadd irid iħossu li jagħmel parti mill-grupp. Iżda dawn l-azzjonijiet huma kollha importanti u jgħinuna nieħdu ħsieb xulxin.
- Kif jurina Ġesù kif għandna nilqgħu lil xulxin? Ġesù laqa’ lil kulħadd, speċjalment lil dawk li kienu waħedhom jew imwarrbin. Huwa semagħhom, ħa ħsiebhom u tratta lil kulħadd bi mħabba.
- Kif nistgħu nkunu qalbna tajba ma’ xulxin? Billi nisimgħu, ngħinu, naqsmu ma’ xulxin, naħfru, ninkludu lil ħaddieħor u nużaw kliem sabiħ.
- Kif tkun tidher il-vera għaqda fl-iskola tagħna? Meta kulħadd iħossu milqugħ, inkluż u rispettat. Meta ngħinu lil xulxin, nisimgħu lil xulxin u niżguraw li ħadd ma jitħalla barra.
Saħħaħ il-messaġġ li s-solidarjetà mhijiex biss atti individwali; hija responsabbiltà li tħares lejn il-ġid tal-komunità.
Nota għall-animatur: dwar il-multireliġjożità:
- Ma nippruvawx naraw min għandu raġun. Nippruvaw inkunu rispettużi u nitgħallmu minn xulxin.
Dan jirrifletti t-tagħlim Kattoliku li d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet jeħtieġ li jsir filwaqt li nżommu l-identità tagħna ċara (nirrispettaw, iżda ma naċċettawx kollox).
D – Attività prattika fi gruppi (12-il minuta): “Missjoni tal-Komunità”
Istruzzjonijiet:
- Aqsam il-grupp fi gruppi żgħar.
- Mill-PowerPoint uri x-xenarji li ġejjin u ddiskuti kull wieħed minnhom billi ssaqsi dawn it-tliet mistoqsijiet (filwaqt li jżommu f’moħħhom x’jista’ jagħmel Alla f’sitwazzjoni bħal din):
- X’qed jiġri? Kif qed iħossuhom in-nies?
- X’inhi l-missjoni tagħna? Kif nistgħu nagħmlu s-sitwazzjoni aħjar? Eż. Niżguraw li ħadd ma jiekol jew jilgħab waħdu, jew ninkoraġġixxu lill-plejer u nfakkru lil kulħadd li tim jirbaħ u jitlef flimkien.
- X’inhu l-messaġġ? Eż. “Il-missjoni tagħna hi li ninkludu lil kulħadd biex ħadd ma jħossu waħdu” jew “Il-missjoni tagħna hi li ninkoraġġixxu minflok nagħtu t-tort.”
Xi eżempji prattiċi (agħżel 6–8 b’kollox)
- “Student ġdid irid jingħaqad f’logħba iżda kulħadd jinjorah.” (Inkludi + inkoraġġixxi)
- “Xi ħadd jagħmel żball u oħrajn jidħku bih.” (Ħu ħsiebu + għinu, mhux tiżżufjetta bih)
- “It-tim tiegħek jitlef u l-plejers jaqtgħu qalbhom.” (Inkoraġġiment + solidarjetà)
- “Ħabib iħossu inkwetat u ma jitkellimx.” (Għajnuna + smigħ)
- “Attività tal-komunità teħtieġ voluntiera, iżda ħadd ma joffri ruħu.” (Inkoraġġiment + kura tal-komunità)
- “Xi ħadd itella’ xi ħaġa kattiva online.” (Rispett + karità)
E – Attività ta’ konklużjoni:
Agħti lil kull student il-handout: Nibnu Komunità Flimkien
L-istruzzjonijiet jinsabu fuq il-fuljett (biex isiru aktar tard fil-klassi jew id-dar).
F – Riflessjoni / Talba tal-għeluq
Ejjew inkunu grati għal xulxin u nirringrazzjaw lil Alla talli jipprovdilna ħafna nies li jħobbuna u jieħdu ħsiebna: il-familja, il-ħbieb, l-iskola tagħna eċċ – mument qasir ta’ silenzju waqt li nirriflettu fuq dan.
Ejjew nitolbu lil Alla jgħinna nkunu preżenti għal xulxin iktar billi nisimgħu, ngħinu, ninkludu u ninkoraġġixxu – mument qasir ta’ silenzju waqt li nirriflettu fuq dan.
Jalla l-iskola tagħna tkun komunità fejn kulħadd iħossu milqugħ u apprezzat. Ammen.
Sessjoni ta’ 40 minuta.
Introduzzjoni: Il-ħafna modi kif inkunu flimkien
5 minuti
- L-animatur jintroduċi ruħu u t-tema tas-sena: Inkunu Flimkien – u jgħid li matul is-sena se nkunu qed nesploraw din it-tema b’diversi modi.
- L-animatur jgħid li fil-bidu tas-sena skolastika nistgħu nirriflettu flimkien dwar xi tfisser li nkunu “flimkien”, x’jgħaqqadna flimkien, u għaliex.
- L-animatur jitlob lill-istudenti jiffurmaw gruppi u jippruvaw itemmu kemm jistgħu sentenzi li jibdew, “inkunu flimkien…” – per eżempju, “flimkien fl-istess tim” jew “flimkien online”. Jirbaħ it-tim li joħroġ bl-akbar numru ta’ ideat.
1. X’jgħaqqadna jew jorbotna flimkien?
5 minuti
- L-animatur juża l-istess ideat li taw l-istudenti dwar “il-kif” inkunu flimkien u jistaqsi mistoqsija dwar x’jagħmilna nkunu flimkien: f’kull ċirkustanza, x’qed jgħaqqadna flimkien? Il-punt hu li hemm affarijiet komuni, interessi li naqsmu flimkien, u nistgħu nsejħulhom “lingwa”: jekk hija relazzjoni virtwali, allura l-internet; jekk qegħdin fl-istess tim, allura, pereżempju, l-interess tagħna fl-isport.
- L-animatur jieqaf ftit fuq x’hemm wara l-fatt li aħna klassi jew skola – fir-realtà, aħna sempliċement spiċċajna flimkien – u jistaqasi fuq x’għandna komuni? Għal darb’oħra, nistgħu nagħmlu lista qasira.
2. Għaliex li nkunu flimkien ma jfissirx awtomatikament li hemm komunjoni
10 minuti
- L-animatur jisħaq li li jkollna affarijiet komuni – l-istess lingwa, l-istess klassi, jew saħansitra li nkunu qrib xulxin – ma jfissirx awtomatikament li hemm komunjoni u l-istudenti ma jsirux awtomatikament ħbieb. Għalhekk, mhux biżżejjed biex inkunu “verament flimkien” biex ikollna relazzjoni sinifikanti. Anke l-ħallelin jistgħu jkunu “flimkien” sakemm iwettqu d-delitt tagħhom – imma x’jiġri jekk wieħed minnhom jinqabad? Il-lingwa komuni tagħhom u r-relazzjoni ta’ bejniethom tinkiser.
- F’dan il-punt, l-animatur jista’ jagħmel referenza qasira għar-rakkont tat-Torri ta’ Babel f’Ġenesi 11:1-9, bħala eżempju ta’ kif:
- Li jkollna “lingwa waħda” u naħdmu flimkien b’mod ikkoordinat mhux awtomatikament xi ħaġa tajba jekk nużawha biex naffermaw lilna nfusna u “nagħmlu isem għalina nfusna” (v. 4), filwaqt li neskludu lil Alla. Fil-prattika, l-istudenti huma msejħa jiskopru, u mhux jivvintaw, ir-raġuni għaliex qegħdin flimkien bħala klassi, fi skola, eċċ., u jikkoperaw b’tali mod li jgħinu lil xulxin jaslu għal dan l-għan tajjeb.
- Li nużaw lil xulxin biex nilħqu għanijiet ħżiena tagħna – bullying, gruppi magħluqa, ħela ta’ ħin, eċċ. – u npoġġuhom ’il fuq mid-dinjità tal-persuna, jista’ jipproduċi biss għaqda fraġli ħafna li eventwalment tinkiser.
- Id-dnub, minflok ma jgħaqqadna tassew, fil-fatt jifridna minn Alla u minn xulxin.
3. Min jista’ jagħmel li l-għaqda tagħna ssir komunjoni vera?
5 minuti
- L-animatur jippreżenta lill-istudenti bil-vers minn Mattew 18:20:
“Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art jgħollu leħinhom flimkein biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewwiet, jagħtihielhom. Għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom.” - L-animatur jinnota li Ġesù jgħid speċifikament li t-talb magħmul “f’ismi” (f’isem Ġesù) ikun jogħġob lil Alla u jista’ jwassal għal għaqda vera u dejjiema ma’ Alla u bejn dawk li jemmnu.
- L- animatur jgħid li l-kelma “miġbura” hawnhekk hija συνηγμένοι (synēgmenoi) – jiġifieri, f’ċertu sens, li nkunu “fl-istess ritmu”, bħal f’sinfonija. Is-sens ta’ “inkunu flimkien” f’Mt 18:20 huwa marbut ma’ li nkunu ta’ fehma waħda mar-rieda ta’ Alla.
*L-animatur jista’ jiċċara li, għalkemm Alla jibqa’ jisma’ t-talb personali tagħna, it-talb tal-komunità li temmen għandu qawwa speċjali; fil-fatt, “Nisrani waħdu” huwa kontradizzjoni.
Konklużżjoni: Kif nista’ nagħti l-kontribut tiegħi biex inħarsu l-komunjoni vera?
15 -il minuta
- L-animatur jistieden lill-istudenti għal l-attività ta’ talb Ħobb lil Proxxmu (għall-iskejjel medji) jew Nibnu l-Pontijiet (għall-iskejjel sekondarji).
- L-animatur jitlob lill-istudenti jaqsmu t-talb tagħhom b’leħen għoli.
- L-animatur jista’ jikkonkludi b’żewġ kwotazzjonijiet oħra, bħal Mt 10:40 u Mt 12:30.
Fl-aħħar, l-animatur jista’ jippromwovi l-attivitajiet li ġejjin relatati mat-tema tas-sena.



