Ħsieb ġenerali: Aħna parti minn komunità li tikber meta nkunu lesti nbiddlu l-attitudnijiet/aġir tagħna għall-aħjar—speċjalment billi nkunu twajba, naħfru lil xulxin u naħdmu għall-paċi.
👉 Għanijiet tat-tagħlim
Fi tmiem il-lezzjoni, it-tfal ikunu jistgħu:
• isemmu kwalità waħda minn Kolossin 3 (ħniena, tjubija, umiltà, sabar, maħfra, imħabba, paċi, gratitudni).
• jagħrfu li lkoll nistgħu ninbidlu għall-aħjar u li r-Randan huwa żmien tajjeb biex nibdew (pereżempju, billi naqsmu ma’ ħaddieħor, nużaw kliem sabiħ u ma nirrabjawx).
• jisimgħu storja li tgħinhom jaħsbu dwar kif nistgħu nbiddlu l-azzjonijiet ħżiena tagħna f’oħrajn aħjar, biex inħossuna aħjar u, b’hekk, ħaddieħor iħossu aħjar ukoll.
• Jagħmlu wegħda żgħira għar-Randan għall-ġimgħa li ġejja: Ħniena waħda + Maħfra waħda + Grazzi waħda.
Riżorsi:
- PowerPoint
- Weraq tal-karti ħodor jew ċrieki/strixxi tal-karti bojod (Attività: Nikbru Flimkien)
- Kuluri
Sommarju tas-sessjoni
- Talba tal-bidu
- Icebreaker – Ibdel Ħaġa Waħda
- Storja 1 – Storja mill-Bibbja – Żakkew (Luqa 19:1–10) u diskussjoni ggwidata
- Storja 2 – Il-Ħuta Qawsalla (minn Marcus Pfister) u diskussjoni ggwidata
- Logħba – Nikbru Flimkien
- Attività tal-għeluq – Sfida
- Talba tal-għeluq
A – Talba tal-bidu 🙏
Għażiż Ġesù, grazzi talli tajtna l-ħbieb u l-familji tagħna. Għinna nsiru aktar twajbin, aktar lesti naħfru u aktar mimlijin imħabba. Urina kif nistgħu nferrħu u nilqgħu lil kulħadd. Ammen.
B – Icebreaker Qasira – “Ibdel Ħaġa Waħda”
It-tfal joqogħdu f’ċirku. Staqsihom ibiddlu bil-kwiet ħaġa żgħira waħda fid-dehra tagħhom: eżempji:
• Itellgħu l-kmiem.
• Iħollu l-lazz taż-żarbun.
• Idaħħlu l-flokk fil-qalziet jew fid-dublett.
• Iċaqilqu klipp tax-xagħar.
L-istudenti jridu jaqtgħu x’biddlu fid-dehra tagħhom.
Imbagħad staqsi: Kien faċli tinnota l-bidla? Kien faċli tagħmel bidla żgħira?
Spjega: Xi kultant bidliet żgħar jagħmlu differenza kbira. Matul ir-Randan nippruvaw nibdlu l-aġir tagħna wkoll, ftit ftit.
C – Storja 1 (storja mill-Bibbja) – Żakkew (Luqa 19:1–10) 📖
Aqra mill-Bibbja għat-tfal jew irrakkonta l-istorja fi kliemek.
Sommarju:
Fi żmien Ġesù, kien hemm raġel jismu Żakkew u dan kien jiġbor it-taxxi u kien bniedem diżonest, għalhekk in-nies ma kinux iħobbuh. Wara li ltaqa’ ma’ Ġesù u sar jafu, inbidel. Huwa ddeċieda li jagħti lura l-flus li kien seraq u jgħin lil ħaddieħor. In-nies stagħġbu u għamlu ħbieb miegħu. Il-komunità tiegħu saret aktar ferħana għax persuna waħda nbidlet.
Issa erġa’ irrakkonta fil-qosor l-istorja bl-għajnuna tat-tfal.
🌈 Diskussjoni
• Għaliex in-nies ma kinux iħobbu lil Żakkew? (Għax kien diżonest u kien jisraq il-flus.)
• X’biddlu? (Skopra li Ġesù xorta ried ikun ħabib tiegħu, minkejja li kien jaf li ma kienx raġel tajjeb.)
• Kien faċli għalih jammetti li kien żbaljat? (Le. Żakkew ma riedx jaħseb dwar il-problemi li kien qed joħloq, imma Ġesù għenu jieqaf u jaħseb dwar għemilu.)
• Il-bidla tiegħu kif għenet lil nies oħra? (Huwa ddeċieda jieqaf jisraq il-flus u jagħti lura lin-nies il-flus li kien seraq, u dan għamilhom kollha ferħanin.)
• Kif nistgħu ninbdlu matul ir-Randan? (Nistgħu naħsbu aktar f’oħrajn, ngħinu aktar fl-iskola u d-dar, ngħidu l-verità u nammettu meta nagħmlu xi ħaġa ħażina.)
D – Storja 2 – Il-Ħuta Qawsalla (ta’ Marcus Pfister) 📖
Il-Ħuta Qawsalla tirrakkonta l-istorja ta’ ħuta sabiħa li kellha skali (scales) ileqqu u kkuluriti, differenti minn ta’ kull ħuta oħra fil-baħar. Minħabba li kienet sabiħa u spettakorlari ħafna, il-ħut l-ieħor kien jammirha, iżda saret kburija u egoista. Ma riditx taqsam l-iskali speċjali tagħha ma’ ħadd.
Darba waħda, ħuta żgħira blu staqsiet lill-Ħuta Qawsalla jekk setgħetx tagħtiha waħda mill-iskali sbieħ tagħha. Il-Ħuta Qawsalla rrifjutat bl-aħrax. Il-ħut l-ieħor sema’ b’dan u waqfu jilagħbu magħha u jkellmuha. Għalkemm kienet l-isbaħ ħuta fil-baħar, spiċċat waħeda u mdejqa ħafna.
Il-Ħuta Qawsalla talbet l-għajnuna lill-kewkba tal-baħar, u din bagħtitha għand qarnita għarfa. Il-qarnita qaltilha li jekk riedet tkun ferħana, kellha taqsam is-sabiħ li għandha mal-ħut l-oħra. Għall-ewwel, Il-Ħuta Qawsalla ma riditx tagħti l-ebda skala.
Eventwalment, iżda, tat waħda mill-iskali jleqqu tagħha lil dik il-ħuta ż-żgħira blu. Meta rat kemm il-ħuta ż-żgħira kienet ferħana biha, Il-Ħuta Qawsalla ħasset ferħ ġo qalbha hi wkoll. Għalhekk bdiet tagħti l-iskali tagħha lill-ħut l-ieħor, waħda waħda, u ma jiddispjaċiha xejn.
Fl-aħħar, Il-Ħuta Qawsalla kienet tat kważi l-iskali jleqqu kollha tagħha. Ma kinitx għadha l-isbaħ ħuta fil-baħar—iżda kienet ferħana għax kellha l-ħbieb u kienet tieħu gost taqsam ma’ ħaddieħor.
Irrakkonta fil-qosor l-istorja bl-għajnuna tat-tfal.
🌈 Iddiskutu dawn il-mistoqsijiet:
• X’kellha Il-Ħuta Qawsalla li għamilha daqshekk speċjali? (Skali sbieħ, ileqqu u kkuluriti.)
• L-iskali sbieħ waħedhom għamluha ferħana? (Le; affarijiet speċjali waħedhom ma jagħmluniex awtomatikament ferħanin.)
• X’inhu aktar importanti? li jkollok ħafna affarijiet speċjali jew li jkollok ħbieb tajbin? Għaliex? (Affarijiet speċjali jagħmluk kuntent għal ftit żmien. Ħbieb jibqgħu għal dejjem.)
• Għaliex Il-Ħuta Qawsalla ma kinitx ferħana? (Ma kellhiex ħbieb għax ma riditx taqsam ma’ ħaddieħor.)
• Kif saret ferħana? (Hi fittxet parir tajjeb għax ma kinitx taf x’tista’ tagħmel; qalulha taqsam; meta bdiet taqsam, indunat kemm hu sabiħ li tagħmel lil ħaddieħor ferħan.)
• Il-qsim kif għin lil kulħadd? (Meta nkunu ġenerużi ma’ ħaddieħor nuru li nieħdu ħsieb xulxin u nibnu ħbiberiji.)
• Qatt qsamt xi ħaġa speċjali minn tiegħek ma’ ħaddieħor? Kif ħassejtek? (Iddiskuti. Dan kollu biex inkunu verżjoni aħjar tagħna nfusna. Iktar nixbħu lil Ġesù.)
Rabta ma’ Kolossin
Uri jew aqra kliem sempliċi:
❤️ Tjubija
🤲 Maħfra
😊 Ħlewwa
💛 Sabar/paċenzja
🙏 Gratitudni
Staqsi: Kieku stajt tkabbar waħda minn dawn il-kwalitajiet matul dan ir-Randan, liema waħda tagħżel u għaliex?
It-tfal iwieġbu sempliċiment bil-fomm.
E – Attività prattika – Nikbru Flimkien 🟦
Risorsi:
• Weraq tal-karti ħodor, ċrieki jew strixxi tal-karti jekk ikun aktar faċli biex jinqatgħu.
• Kuluri.
• Siġra kbira tal-karta mfassla b’mod sempliċi fuq kartuna kbira sabiex titweħħel fil-klassi.
• Kolla tal-klassi jew blue tack
Kull tifel u tifla jiktbu din is-sentenza: “Jien se __________ iktar.” (Jew jiktbu il-kelma biss.)
Eżempji:
• Inħobb (blu)
• Naqsam ma’ ħaddieħor (aħmar)
• Nieħu paċenzja (isfar)
• Ngħid skużani (oranġjo)
• Ngħin (aħdar)
Jekk ma jkunux jistgħu jiktbu, jistgħu jużaw il-kuluri u jpinġu l-karti minflok. Jagħżlu kulur skont il-virtù. Imbagħad ipoġġu l-werqa b’isimhom fuq is-siġra.
Spjega: Werqa waħda hija sabiħa. Ħafna weraq jagħmlu siġra sabiħa. Persuna waħda twajba tgħin. Ħafna nies twajba jagħmlu d-dinja post aħjar.
Eżempji mill-ħajja ta’ kuljum – diskussjoni qasira
Uża sitwazzjonijiet qosra u faċli għat-tfal u ħallihom iwieġbu:
• “Jekk żewġt itfal iridu l-istess ġugarell, x’għandha tagħmel il-komunità tagħna—taħtaf il-ġugarell jew skont min imiss?”
• “Jekk xi ħadd jaħbat miegħek b’inċident, nibqgħu b’wiċċ irrabjat għal dejjem, jew naħfru u nagħtu ċans ieħor?”
• “Meta xi ħadd jgħidlek ‘Grazzi’ talli għentu, kif iġiegħlek tħossok?” (Rabta mal-gratitudni.)
Fakkarhom li jekk iridu jkunu ferħanin fil-klassi, bħala familja kbira, kollha jridu juru rispett lejn kulħadd, anke jekk m’għandhomx grazzja ma’ dik il-persuna. Dan hu dak li jrid minna Ġesù, għax hu ma jagħżilx ma’ min ikun ħabib. Ġesù jrid li kulħadd ikun ħabib tiegħu.
F – Konklużjoni 🟦
Sfida li nieħdu magħna għall-ġimgħa li ġejja (5 minuti): “Ħniena Waħda + Maħfra Waħda + Grazzi Waħda”
Għidilhom jirrepetu l-isfida bil-fomm biex jiftakru: (itlob lill-għalliem/a tal-klassi jżommu nota tagħha u jgħinhom jiftakruha)
• Ħniena Waħda: agħmel ħaġa waħda tajba jew ta’ għajnuna fl-iskola jew id-dar.
• Maħfra Waħda: għid “skużani” u fissruha meta tagħmel xi ħaġa ħażina; jew għid “mhux problema” lil xi ħadd li jkun għamillek xi ħaġa ħażina u jgħidlek “skużani” b’sinċerità.
• Grazzi Waħda: għid “grazzi” lil xi ħadd li kien twajjeb miegħek, waqt li tħares dritt f’għajnejh biex turi li qed tgħidha b’sinċerità.
Orbot dan direttament ma’ Kolossin: naħfru lil xulxin u nkunu grati.
G – Riflessjoni / talba tal-għeluq 🙏
Ħsieb għar-riflessjoni: “Il-paċi f’qalbna tgħinna nkunu komunità waħda.”
Talba qasira: Għażiż Ġesù, għinna nħobbu mingħajr ma nistennew xejn lura. Għinna naħfru. Għinna naqsmu ma’ ħaddieħor dak li hu speċjali fina. Ħalli l-paċi tiegħek tgħammar fina. Ammen.
Dis-sessjoni ġiet ippreparata mis-Sa Anne Marie Gatt, ħaddiema pastorali fi ħdan l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel
Ħsieb ġenerali: Intom parti mill-“ġisem wieħed” ta’ Kristu, u l-komunità ssir aktar b’saħħitha meta n-nies jinbidlu, jaħfru u jħallu l-paċi tmexxi lil qalbhom.
👉Għanijiet:
Sa tmiem is-sessjoni, it-tfal ikunu jistgħu:
- jifhmu l-ħtieġa li jinbidlu minn ġewwa sabiex in-nies jersqu aktar qrib xulxin u li komunità tkun l-aktar b’saħħitha meta kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. (Icebreaker, stejjer, logħba).
- jagħżlu kwalità minn dawk imsemmija fl-Ittra lill-Kolossin li jixtiequ jikbru fiha jew itejbuha (il-ħniena, is-sabar, l-umiltà, il-maħfra, l-imħabba, il-paċi, il-gratitudni). (Stejjer)
- jispjegaw kif il-maħfra tgħin l-għaqda fil-komunità (inkunu paċenzjużi ma’ xulxin; naħfru lil xulxin). (Stejjer)
- jimpenjaw ruħhom għal azzjoni prattika waħda biex “insaħħu l-għaqda” matul il-ġimgħa li ġejja. (Attività tal-aħħar)
Riżorsi:
- PowerPoint
- Ballun spag/suf (Logħba – xibka tal-bidla)
Sommarju tas-sessjoni
A. Talba tal-bidu
B. Icebreaker – Effett Mewġa
C. Storja 1 – Storja mill-Bibbja – Is-Samaritan it-Tajjeb u diskussjoni ggwidata
D. Storja 2 – Kung Fu Panda (DreamWorks Animation) u diskussjoni ggwidata
E. Logħba – Xibka tal-Bidla
F. Attività tal-għeluq biex tittieħed id-dar – Kun Anġlu Sigriet
G. Talba tal-għeluq
A – Talba tal-bidu 🙏
Għażiż Alla, għinna ninbidlu għall-aħjar. Għinna nuru ħniena lil xulxin u naħfru lil xulxin. Ħalli l-paċi ta’ Ġesù tmexxi lil qalbna. Għinna nitkellmu u naġixxu f’isem Ġesù. Ammen.
B – Icebreaker Qasira – Effett Mewġa – 🟦
Istruzzjonijiet:
- Agħmlu ċirku – It-tfal joqogħdu bilwieqfa jew bilqiegħda f’ċirku kbir.
- Ibdew il-mewġa – Tifel jew tifla jitbissem/titbissem u jieħu/tieħu b’id lill-persuna ta’ ħdejh/a.
- Għadduha lil xulxin – Kull tifel u tifla jagħmlu l-istess mal-persuna ta’ ħdejhom sakemm l-azzjoni ddur maċ-ċirku kollu.
- Araw x’jiġri – Spjegaw: “Azzjoni żgħira tista’ tgħaddi minn persuna għal oħra!”
- Ipprovaw mewġa oħra – Erġgħu ibdew b’azzjoni pożittiva differenti u arawha tinfirex.
👍 thumbs-up,
👋 tislima bl-id,
❤️ ġest bl-idejn fuq il-qalb,
🤝 high-five, jekk ikun xieraq.
Għal grupp kbir, oħloq 4–6 punti tat-tluq fl-istess ħin. Agħmel diversi tfal madwar iċ-ċirku jibdew l-azzjoni fl-istess ħin. Dan jagħmel l-effett ferm aktar viżibbli u jfisser li ma jkollokx għalfejn tistenna li 60 student/a jagħmluha wieħed wara l-ieħor.
Iddiskuti:
- X’ġara? – Kulħadd kien imħeġġeġ biex jikkopja lill-ieħor billi jagħmel azzjoni pożittiva wkoll. IMMA xi ħadd irid jibda.
- Kif infirxet azzjoni waħda? – Għandna t-tendenza nikkopjaw lil xulxin u għalhekk nistgħu nkunu ta’ eżempji tajbin għal xulxin. Barra minn hekk, meta xi ħadd jagħmlilna l-ġid, inħossuna tajbin minn ġewwa, u meta nagħmlu l-ġid aħna wkoll inħossuna tajjeb minn ġewwa.
- Tista’ tinfirex it-tjubija wkoll? – Iva, nistgħu nxerrdu t-tjubija madwarna bl-azzjonijiet li nagħmlu – kull ftit jgħin.
Spjega: Bħalma mewġa tinfirex fuq l-ilma, l-azzjonijiet tagħna jinfirxu fil-komunità. Nistgħu nxerrdu t-tjubija, l-inkoraġġiment, il-maħfra u l-ferħ. Il-komunitajiet jinbidlu persuna waħda kull darba.
C – Storja 1 – Storja mill-Bibbja – Il-Parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 10:25–37) – Min hu l-proxxmu tiegħi? 📖
Aqra mill-Bibbja.
Il-Parabbola fi ftit kliem:
Raġel ġie attakkat minn ħallelin u tħalla ferut ħafna. Saċerdot Lhudi u Levita rawh, iżda għaddew minn ħdejh u njorawh. Samaritan – persuna minn grupp li ħafna Lhud kienu jobogħdu – waqaf, ikkuralu l-ġrieħi u ħallas biex jieħdu ħsiebu. Ġesù jgħallimna li l-proxxmu tagħna hu kull min jinsab fil-bżonn, u jgħidilna: “Mur u agħmel l-istess.” (Luqa 10:38).
Għalkemm oħrajn injoraw lir-raġel ferut, is-Samaritan għażel il-kompassjoni. L-azzjonijiet tiegħu biddlu l-ħajja ta’ persuna – u sfidaw l-attitudnijiet ta’ kulħadd.
Diskussjoni
- Liema attitudni tan-nies li ma tawx kas tal-midrub kellha tinbidel? – In-nuqqas ta’ għarfien dwar min hu l-proxxmu tiegħek jimblokka l-kompassjoni u l-imħabba. Ġesù jgħallimna li għandna ngħinu lil kull min għandu bżonn l-għajnuna tagħna, kemm jekk inħobbuh kif ukoll jekk le, għax aħna lkoll ulied Alla.
- Liema kwalitajiet tajbin (mill-Ittra lill-Kolossin) wera s-Samaritan? – Semmiehom wieħed wieħed u saqsi jekk dehrux: il-ħniena, is-sabar, l-umiltà, il-maħfra, l-imħabba, il-paċi, il-gratitudni.
- Ħniena u mħabba – ma rax Lhudi, imma ra persuna li kienet feruta u li kellha bżonn għajnuna immedjata.
- Maħfra – Meta nqisu l-firda bejn il-Lhud u s-Samaritani, nistgħu naraw il-bidu tal-maħfra meta l-ħniena tieħu post ir-rabja u l-vendetta. Il-fejqan spiritwali jibda bil-maħfra.
- Kellu bżonn kuraġġ is-Samaritan it-Tajjeb? – Kellu bżonn ħafna kuraġġ biex jagħmel dak li f’dawk iż-żminijiet ma kienx aċċettat, cioè li Samaritan ikellem Lhudi.
- Kif nistgħu nsiru Samaritani Tajbin illum?
- Billi nkunu lesti ngħinu lil dawk fil-bżonn, irrispettivament minn jekk nafuhomx jew jekk għandna grazzja magħhom jew le; billi nifhmu li aħna lkoll l-istess, tkun xi tkun ir-razza, in-nazzjonalità jew ir-reliġjon tagħna; u li lkoll għandna l-istess bżonn li nkunu maħbubin u nħossuna parti minn komunità.
D – Storja 2 – Kung Fu Panda – (Bidla minn tajjeb għal aħjar) 📖
Sommarju
Po huwa panda b’qalbu tajba u entużjast li joħlom li jsir Maestru tal-Kung Fu, minkejja li ma għandux fiduċja fih innifsu u jonqsu d-dixxiplina. B’mod mhux mistenni, jintgħażel biex isir il-Ġellied tad-Dragun, iżda ħadd ma jemmen li kapaċi jwettaq dan l-irwol.
Bl-għajnuna ta’ Maestru Shifu, Po jibda jitħarreġ. Hu jiltaqa’ mal-Furious Five, li huma studenti oħra speċjali u mimlijin talenti sbieħ. Għall-ewwel Po isibha diffiċli u jkun irid jaqta’ qalbu, iżda jitgħallem li biex isir aħjar hemm bżonn tas-sabar, id-dixxiplina, il-perseveranza u sforz personali. Maestru Shifu jgħinu jiskopri t-talenti tiegħu stess minflok jipprova jagħmlu bħal xi ħadd ieħor.
Hekk kif Po jikber fil-fiduċja u fil-ħila, jitgħallem jemmen fih innifsu u jiffaċċja sfidi diffiċli. Fl-aħħar, jikkonfronta lil Tai Lung, gwerrier perikoluż u juża dak kollu li jkun tgħallem biex jegħlbu.
Po ma jsirx persuna kompletament differenti. Minflok, isir verżjoni aħjar tiegħu nnifsu. Il-vjaġġ tiegħu jurina li lkoll nistgħu nikbru u ninbidlu meta nkunu lesti naċċettaw l-għajnuna, naħdmu fuqna nfusna, inkunu ddixxiplinati magħna nfusna u ma naqtgħux qalbna.
M’għandniex għalfejn insiru xi ħaddieħor biex insiru aħjar. Jeħtieġ li niskopru fiex l-aktar b’saħħitna, naħdmu fuq id-dgħufijiet tagħna u nsiru l-aħjar verżjoni tagħna nfusna.
Diskussjoni: Minn tajjeb għall-aħjar
Punt importanti: Po kien persuna ħażina fil-bidu? – Le. Po kien qalbu tajba, iħobb u kien entużjast. Iżda xorta kellu affarijiet li kellu bżonn jaħdem fuqhom. Din hija rabta importanti ħafna mar-Randan. Żmien fejn aħna nirriflettu fejn għandna bżonn nitjiebu:
- Kif kien Po fil-bidu tal-istorja? X’kellu bżonn jibdel? Ma kienx jemmen fih innifsu; ma kienx dixxiplinat; kien jaqta’ qalbu faċilment; kellu jitgħallem is-sabar u l-perseveranza; kellu jitgħallem jikkontrolla lilu nnifsu.
- Po nbidel għax Maestru Shifu biddlu, jew għax Po nnifsu għamel sforz? It-tnejn. Maestru Shifu għen lil Po billi għallmu, inkoraġġieh u sfidah, iżda Po kellu jipprattika u jagħmel l-isforz hu stess. Nies oħra jistgħu jgħinuna, iżda ħadd ma jista’ jibdilna jekk aħna ma nkunux rridu ninbidlu.
- Għaliex kien importanti li Po ma jipprovax isir eżatt bħall-Furious Five? Għax Po kellu l-qawwiet u t-talenti tiegħu. Kellu jiskopri dak li jagħmlu speċjali minflok jipprova jikkopja lil ħaddieħor.
- Jista’ xi ħadd ikun persuna tajba u xorta jkollu affarijiet li jeħtieġ jibdel? Iva. Nistgħu nkunu qalbna tajba u nħobbu, iżda xorta jkollna bżonn naħdmu fuq affarijiet bħal: in-nuqqas ta’ sabar, ir-rabja, l-għira, l-egoiżmu, l-għażż, it-tgergir, li naqtgħu qalbna, li ma nisimgħux, l-ilsien li jweġġa’. Li tkun tajjeb ma jfissirx li tkun perfett.
- Min huma n-nies li jgħinuna nsiru nies aħjar? Ġenituri, aħwa, ħbieb, għalliema, kowċis, counsellors, saċerdoti u reliġjużi, nies li jħobbuna. Jistgħu jinkuraġġuna, jikkoreġuna, jisfidawna u jgħinuna nagħrfu affarijiet fina nfusna li aħna ma nistgħux naraw. IMMA rridu nagħmlu l-għażla aħna stess.
- Kieku kont bħal Po, x’inhi ħaġa waħda li forsi jkollok bżonn taħdem fuqha fik innifsek? Agħti lit-tfal xi possibbiltajiet: “Li nkun aktar paċenzjuż/a?” “Li nkun iktar attent meta jkellmuni?” “Li ma naqtax qalbi daqshekk faċilment?” “Li nikkontrolla r-rabja tiegħi?” “Li nkun inqas egoist/a?” “Li nkun aktar ġentili fi kliemi?” “Li jkolli aktar kuraġġ?” “Li nkun aktar dixxiplinat/a?”
Dan kollu biex insiru verżjoni aħjar tagħna nfusna, insiru iktar bħal Ġesù.
E – Attività prattika / logħba: Xibka ta’ Bidla – 🟦
Materjal: Ballun tas-suf jew spag.
Istruzzjonijiet:
- Agħmlu ċirku – It-tfal joqogħdu flimkien f’ċirku.
- Ibdew ix-xibka – Student/a jżommu tarf ta’ kobba suf u jgħidu: “Il-klassi tagħna tkun aħjar meta jien… nisma’.”
- Għaddiha lil ħaddieħor – Waqt li jibqgħu jżommu s-suf, jitfgħu l-kobba lil xi ħadd ieħor.
- Semmi azzjoni tajba – L-istudent/a li jmiss isemmu azzjoni oħra, bħal “naħfer” jew “ninkludi lil xi ħadd.”
- Ibnu x-xibka – Ikomplu jgħaddu l-kobba minn wieħed għall-ieħor sakemm ix-xibka tgħaqqad lil kulħadd.
- Ħarsu lejn ix-xibka – Fl-aħħar, il-grupp ikun ħoloq xibka kbira li tgħaqqad lil kulħadd.
Jekk ikun hemm ħafna tfal agħżel ammont ta’ tfal biex jagħmlu l-attività waqt li l-oħrajn isegwu.
Riflessjoni ggwidata
- X’ġara hekk kif ix-xibka kibret? (Saret aktar b’saħħitha.)
- X’jiġri kieku persuna waħda ma tibqax iżżomm s-suf? (ix-xibka tibda tinfired, issir dgħajfa.)
- X’tgħallimna x-xibka? – Bħax-xibka, komunità tkun l-aktar b’saħħitha meta kulħadd jagħmel il-parti tiegħu. L-għażliet u l-aġir ta’ kull persuna jaffettwaw lil kulħadd.
F – Għeluq: Sfida tal-Anġlu Sigriet – 🟦
Spjega li matul il-ġimgħa jista’ jsir “Anġlu Sigriet”.
Mingħajr ma jgħidu lil ħadd, jistgħu jagħmlu bil-kwiet tliet atti ta’ tjubija għal nies differenti fid-dar jew fl-iskola, jew fit-tnejn.
Eżempji:
- Għin lil xi ħadd jiżbarazza mingħajr ma jkun talbek.
- Inkoraġġixxi lil xi ħadd li jkun imdejjaq.
- Ħalli lil xi ħadd imur l-ewwel qablek.
- Aqsam xi ħaġa mal-oħrajn.
- Għaddi kumpliment lil xi ħadd (emminha).
Staqsihom jirriflettu dwar x’kienu r-reazzjonijiet tan-nies differenti nvoluti. Huma għamlu l-istess miegħek jew ma’ oħrajn? Kienu grati? Kif ħassejtek meta għamilt dawn l-azzjonijiet?
Dan jista’ jiġi diskuss mal-għalliem/a tal-klassi.
Stieden lit-tfal jagħlqu għajnejhom. Aqra bil-mod:
G – Riflessjoni/Talba tal-għeluq 🙏
Għażiż Ġesù, grazzi talli qatt ma taqta’ qalbek minna. Matul ir-Randan, għinna nsiru aktar qalbna tajba, aktar kapaċi naħfru, aktar paċenzjużi u aktar mimlijin imħabba. (Irrifletti fis-silenzju).
Jalla l-bidliet li nagħmlu f’qalbna jgħinu lill-familji tagħna, lill-iskola tagħna u lill-komunitajiet tagħna jsiru postijiet ta’ paċi. Ammen (Irrifletti fis-silenzju).
Dis-sessjoni ġiet ippreparata mis-Sa Anne Marie Gatt, ħaddiema pastorali fi ħdan l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel
F’Komunjoni, f’Parteċipazzjoni u f’Missjoni
Din is-sessjoni hija maħsuba biex isservi bħala linja gwida suġġerita għall-Eżerċizzi tar-Randan fl-iskejjel medji u sekondarji. Is-sessjoni tista’ titmexxa jew bħala sessjoni waħda sħiħa ta’ 80 minuta, jew inkella tinqasam f’żewġ sessjonijiet ta’ 40 minuta: l-ewwel waħda tinkludi l-introduzzjoni u l-1 parti, filwaqt li t-tieni sessjoni tkompli bil-partijiet 2 u 3, u bil-konklużjoni.
Introduzzjoni: Nikber ifisser ninbidel (15-il minuta)
- L-animatur jippreżenta t-tema Nikbru Flimkien u jistaqsi jekk hux aħjar nikbru u naslu waħedna – it-tweġiba tista’ tkun iva – għax jgħidu: “If you want to go fast, go alone, if you want to go, far go together.”
Hawn jistieden lill-istudenti jivvutaw u mbagħad jistieden lil xi individwu li jaħseb li aħjar jimxi waħdu jistiednu biex eż. jmexxi għadd ta’ siġġijiet minn naħa għall-oħra tal-kamra – sakemm jibda jirċievi l-għajnuna minn sħabu (bl-iskop li x-xogħol jitlesta u b’hekk toħroġ it-tagħlima).
- L-animatur jgħid li tikber, mhux waħdek imma mal-oħrajn, hija għażla, imma mhux waħda li nagħmlu minn jeddna – hija l-idea ta’ Alla. Għalhekk San Pawl jgħid: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu.” Alla għażilna l-ewwel nett biex inkunu bħalu: Qaddisin!
Hawn jispjega li l-kelma “qaddis” tfisser tkun “dedikat-għal” u allura tkun bniedem “differenti” – sptar huwa bini differenti minn bini ieħor għax huwa ddedikat għall-kura tal-morda; grawnd tal-football huwa differenti minn kwalunkwe għalqa għax huwa ddedikat għal-logħob.
JgJgħid li allura hemm rabta bejn li tkun differenti u li tkun dedikat għal xi ħaġa jew xi ħadd, u jistaqsi, imma aħna għal xiex aħna dedikati?
- L-animatur jispjega li Alla huwa “Qaddis” jiġifieri għalkollox differenti minna l-bnedmin għax aħna ħlejjaq u Hu l-Ħallieq, aħna dgħajfa u Hu perfett fi mħabbtu, eċċ, imma matul dan ir-Randan Alla qed isejħilna biexninbidlu għat-tajjeb, ħalli nkunu nixbhuh, ħalli ngħixu skont il-grazzja li jagħtina l-Ispirtu Qaddis tiegħu, u nikbru flimkien (għax waħedna huwa impossibbli) fil-qdusija kif Hu qaddis.
Hawn jgħid il-kwotazzjoni ta’ John H. Newman: “To live is to change…”
1. Bħal Teżor💰moħbi f’Għalqa
Il-perfezzjoni tinsab f’komunjoni ma’ Alla u mal-bnedmin (25 minuta).
Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni (Kol 3:12-14).
- L-animatur jibda’ billi jgħid li – jgħidu – jekk issib komunità perfetta, itlaqa’ għax tħassarha int – ħadd minna mhu perfett!
Hawn jippreżenta l-kwotazzjoni, din id-darba kompluta: “To live is to change and to be perfect is to have changed often” – fi kliem ieħor, anke r-relazzjonijiet tagħna jgħaddu minn tibdil li hu bżonnjuż.
- L-animatur juri għadd ta’ ritratti differenti li jissuġġerixxu tip ta’ “perfezzjoni” u jistaqsi lill-istudenti liema ritrattjaħsbu lil-aktar jiddefinixxi “perfezzjoni.”
Snowflake, arloġġ tal-idejn Svizzeru, mossa ta’ Ronaldo, il-Pietà ta’ Michelangelo, tuffieħa sabiħa, Ferrari, cappuccino, tarbija, il-Galassja – huma kollha suġġerimenti validi.
- L-animatur jgħid li meta Ġesù jitkellem fuq “perfezzjoni” jgħidlu hekk iż-żagħżugħ għani: Jekk trid tkun perfett, mur, bigħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja (Mt 19:21).
Hawn ifisser li Ġesù qed jagħmlilna stedina għall-komunjoni miegħu. Hu biss, bħala Alla, hu tassew perfett. Għalhekk jgħid ukoll: “Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.” Ġesù jistedinna mhux biss biex naqsmu l-ġid tagħna mal-oħrajn, iżda wkoll biex inħallu warajna l-ideat tagħna stess ta’ “perfezzjoni” u nħaddnu l-mod kif Hu jifhimha. Hekk insibu t-teżor veru tagħna fih.
L-animatur jgħaddi mudell ta’ teżor lill-istudenti u jistedinhom jiktbu fuqu tweġibiet/talb għal dawn il-mistoqsijiet riflettivi:
- X’inhu prezzjuż għalik jew fik? X’għandek bżonn titgħallem taqsam aktar mal-oħrajn, speċjalment ma’ min m’għandux jew ma jafx?
- Liema mill-kwalitajiet li jsemmi San Pawl – kwalitajiet ta’ Ġesù – trid titlob lill-Mulej jgħinek tikber fihom: il-ħniena, it-tjieba, l-umiltà, il-ħlewwa jew is-sabar?
2. Bħalma l-friegħi fid-Dielja 🍇
Il-ferħ u l-paċi fina, meta nipparteċipaw f’komunità ta’ fidi (15 -il minuta).
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla (Kol 3:15).
- L-animatur jisħaq li l-komunjoni ma’ Ġesù hija essenzjali biex nagħmlu l-frott tal-imħabba, tal-hena, tas-sabar, tat-tjieba, tal-ħlewwa eċċ. u jikkwota Ġw 15:5,10-11.
Hawn tintwera formola li tispega s-silta: Dielja-friegħi; Ġesù-aħna; Kmandamenti-ferħ u paċi fina. Juri diagram li juri l-formola: Dielja-friegħi; Ġesù-aħna; Kmandamenti-ferħ u paċi fina.
- L-animatur jgħid li bil-kontra jgħodd ukoll: Jekk inkunu mimlijin bil-ferħ u l-paċi fina, nkunu nistgħu ngħixu l-Kmandamenti aħjar.
Hawn l-istudenti jkunu mistiedna jitolbu din it-talba li s-saċerdot jitlob fil-quddiesa:
Eħlisna, nitolbuk, Mulej, minn kull deni; agħtina, fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, il-paċi fi żmienna, biex inkunu ħielsa dejjem mid-dnub u mħarsa minn kull inkwiet, aħna u nistennew u nittamaw l-hena u l-miġja tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.
- L-animatur jipproponi li s-sliem ta’ Kristu jista’ jkompli jasal għandna b’diversi modi, mhux inqas meta nkunu membri attivi fi ħdan komunità ta’ fidi. Ma mmorrux ’il bogħod, għax l-iskola tista’ tkun waħda minnhom. (Jekk l-istudenti huma minn skola medja, hawn tkun opportunità biex ikunu mħeġġa jkomplu jattendu l-laqgħat tal-adoloxxenti, eċċ.).
Hawn tista’ tkun okkażjoni sabiħa biex l-istudenti jisimgħu xhieda ta’ xi żagħżugħ/a. Testimonjanza rrekordjata hi tajba wkoll.
3. Bħal Belt fuq Muntanja ⛰️
Il-fidi u l-maturità tagħna jidhru mix-xhieda li nagħtu u l-missjoni li ngħixu (20 minuta).
Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla (Kol 3:16).
- L-animatur jgħid li meta aħna nesperjenzaw xi ħaġa ta’ veru, tajba, jew sabiħa (u jġib eżempji) nħossu fina bħal imbuttatura biex naqsmuha ma’ oħrajn.
Hawn jgħid li xhieda bħal din li għadna kemm smajna, tgħinna fil-fidi tagħna – u min qasamha magħna kien jaf li hi ħaġa wisq prezzjuża biex iżommha għalih innifsu.
- L-animatur ixxebbah dan il-proċess ta’ “sharing” ma wieħed li jista’ jsir “viral” u jgħid li l-komunità ta’ dawk li jemmnu tikber proprju b’dan il-mod: mix-sharing li jagħmel Ġesù magħna – sharing li jibqa’ jiġi mgħoddi minn persuna għall-oħra sakemm dak li jrid jgħaddilna Ġesù jasal għandna permezz ta’ dawk li b’xi mod irċevew mingħandu.
Hawn jista’ jgħaqqad mal-frażi “ejja u ara”: stedina mingħand Ġesù lill-ewwel dixxipli (Ġwanni 1:38-39), li ssir stedina mid-dixxipli sabiex aktar nies isiru jafu lil Ġesù (Ġwanni 1:46).
- L-animatur jammetti li fil-fatt “aħna” jista’ jkollna xi jtellifna milli naraw (nemmnu!), aħseb u ara kemm ser nuru lil Ġesù lill-oħrajn. Jgħid li l-kliem, “ejja u ara” intużaw wkoll minn nies li ma emmnux li Ġesù seta’ jagħmel differenza fil-ħajja tal-bniedem.
Hawn, wara spjegazzjoni qasira li Ġesù beka quddiem in-nuqqas ta’ fidi, l-istudenti jkunu mistiedna jipparteċipaw f’attività ta’ talb bħal Blata Tqila (li tista’ tgħin biex issir turija ta’ fidi). L-istudenti jistgħu jitilgħu wieħed wieħed u waħda waħda filwaqt li tindaqq “Come and See.“
Konklużjoni: Nikbru flimkien ifisser nikbru f’armonija ma’ Alla u bejnietna (5 minuti).
Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu (Kor 3:16).
- L-animatur jispjega li jekk Babel tfakkarna li, meta naħdmu waħedna jew flimkien imma mingħajr Alla, aħna nitħawdu u ma nibqgħux nifhmu lilna nfusna u lil xulxin, il-ġrajja ta’ Penetekoste turina bil-kontra: aktar ma nkunu flimkien f’isem Alla, aktar se nkunu f’armonija u nistgħu nagħmlu minn ħajjitna rigal għal tant oħrajn.
Hawn tista’ tittieħed l-okkażjoni biex tiġi mnedija inizjattiva missjunarja.
Dis-sessjoni ġiet ippreparata mis-Sur Matthew Gauci, ħaddiema pastorali fi ħdan l-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel



