English

Li rnexxieli u kelli l-grazzja nkun preżenti f’Ruma għall-kanonizzazzjoni tal-Beati Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati kienet barka bla qies. Kif wasalt f’Via della Conciliazione, stajt inħoss l-entużjażmu tal-pellegrini jimlew it-toroq, jitolbu u jkantaw b’devozzjoni u b’diversi lingwi. 

Bi preparazzjoni għall-kanonizzazzjoni attendejt konferenza pubblika fl-Università LUMSA bl-isem “Dentro la vita, dentro la storia: La Santità di Pier Giorgio Frassati  

Fost l-oħrajn id-diversi kelliema tkellmu dwar l-impenn ta’ Pier Giorgio fl-Azzjoni Kattolika. Bl-eżempju tal-ħajja tiegħu tiegħu wriena li l-fidi mhijiex xi ħaġa li tinżamm moħbija, iżda li trid tgħixha b’mod attiv. Irriflettejt dwar kif Pier Giorgio għaqqad it-talb mas-servizz, il-ħbiberija mar-responsabbiltà, u l-ferħ mas-sagrifiċċju u dan ħeġġiġni biex jien nagħmel l-istess fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum. Permezz tax-xhieda tiegħu, komplejt nifhem li l-azzjonijiet żgħar; li noffri ħini, li ngħin lil min hu fil-bżonn, li nwassal il-verità u niddefendi l-ġustizzja, jistgħu jkunu mezzi biex jien ngħix l-Evanġelju. Pier Giorgio saħħaħ fija l-fehma li l-qdusija mhijiex xi ħaġa ’l bogħod, iżda tressaqni viċin lejha u hija possibbli kull meta nagħżel li naqdi lill-oħrajn bil-ferħ u bl-imħabba. 

Dentro la vita, dentro la storia 

Is-Sibt filgħaxija, ingħaqad fit-talb, kant u adorazzjoni Ewkaristika waqt il-Velja tat-Talb fil-Bażilika ta’ San Giovanni Battista dei Fiorentini, organizzata mill-Azzjoni Kattolika Taljana bi tħejjija għall-kanonizzazzjoni ta’ Pier Giorgio.  Ħassejtni magħquda fi spirtu wieħed ma’ ħafna oħrajn li bħali jixtiequ jimxu wara Kristu fuq l-eżempju ta’ Pier Giorgio. 

Ma’ sbieħ il-jum tal-Ħadd, imxejt lejn Pjazza San Pietru fejn il-kjujiet tan-nies biex jidħlu fil-pjazza kien beda ġmielu. Imma fostna kien hemm eċitament kbir, ferħ u atmosfera ta’ għaqda, lkoll lesti biex nippartiċipaw fil-quddiesa tal-kanoniżazzjoni mmexxija mill-Papa Ljun XIV. Ġaladarba dħalt fil-pjazza, rajt l-uċuh ferrieħija fuq baħar ta’ nies; familji, żgħażagħ, komunitajiet reliġjużi, u Pellegrini minn kull rokna tad-dinja jxejru bnadar u banners ikkuluriti. 

Il-mument tant mistenni wasal hekk kif intemmet il-Litanija tal-Qaddisin u l-Papa Ljun XIV b’solennità pproklama lil Karlo Acutis u Pier Giorgio Frassati bħala qaddisin.  Isimhom issa jinsab imniżżel għal dejjem fost il-qaddisin tal-Knisja. Kulħadd infexx b’ċapċipa kbira ta’ ferħ u gratitudni lejn Alla għalihom. Iċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija resqitna aktar fil-fond fil-misteru tal-qdusija, u tfakkarna li l-qaddisin iressquna eqreb lejn Kristu. Fi tmiem il-quddiesa, il-Papa talab l-Anġelus fost l-atmosfera t’għaqda, paċi u grazzja. 

Fi triqti lura, b’qalbi mimlija u mħeġġa b’din l-esperjenza spiritwali, irriflettejt dwar: 

Imħabba akbar għall-Ewkaristija – Li nżomm quddiem għajnejja kemm kienet ċentrali l-Ewkaristija għal Carlo Acutis u Pier Giorgio Frassati. Dawn ispirawni biex il-Quddiesa u l-Adorazzjoni jsiru aktar fiċ-ċentru ta’ ħajti. 

Qawwa fit-talb komunitarju – Li nitlob ma’ eluf ta’ pellegrini minn madwar id-dinja kollha fakkarni li l-fidi mhijiex biss personali iżda wkoll mgħixha mal-oħrajn. Dan kien ta’ sosten u ferħ  għalija magħquda mal-Knisja Kattolika universali. 

Ispirat mix-xhieda – Ir-riflessjoni fuq il-qdusija ta’ Carlo u Pier Giorgio wrietni li l-qdusija hija possibbli fil-ħajja ta’ kuljum permezz ta’ azzjonijiet żgħar ta’ qadi bil-ferħ u bl-imħabba lejn l-oħrajn. 

Impenn għall-azzjoni – Li niskopri l-ħidma ta’ Pier Giorgio fl-Azzjoni Kattolika ħeġġiġni ngħix il-fidi tiegħi b’mod aktar attiv fis-soċjetà, billi naqdi lill-oħrajn u niddefendi dak li hu sewwa. 

Tama mġedda – Li nisma’ isimhom ipproklamat bħala qaddisin waqt il-Litanija tal-Qaddisin imlieni bit-tama li l-qdusija mhijiex xi ħaġa ’l bogħod, iżda sejħa għal kull nisrani. 

Sens ta’ appartenenza – Li kont parti mill-kanonizzazzjoni saħħaħ l-identità tiegħi.  

Tassew ħassejt il-ġmiel ta’ Knisja li hi ħajja, waħda, qaddisa, kattolika, universali, u mimlija bit-tama. 

Grazzi lil Silvana Cardona li qasmet l-esperjenza tagħha magħna.

English