English

Il-kors inawgurali ‘Creating and Animating Prayer Spaces’ organizzat mill-PFI u SDS intemm f’Diċembru 2022, fejn rawwem konnessjonijiet profondi fil-persuna, mal-parteċipanti, mad-dinja, u ma’ Alla. Permezz tal-esperjenza ta’ prayer spaces, it-18-il parteċipant/a li temmew il-kors ta’ tliet ġimgħat, niżlu fil-profond tal-ġewwieni tagħhom, fehmu l-qawwa trasformattiva tat-talb, u nibtet konnessjoni li se tibqa’ f’qalbhom.

Uħud mir-rispons mill-parteċipanti

“Kors uniku għall-aħħar b’bilanċ eċċellenti bejn it-teorija u l-prattika. Dħalt f’dan il-kors bil-ħsieb li jkolli f’idi għodda tajba biex naħdem mat-tfal fl-iskola. Madanakollu, jien kont l-ewwel li bbenefikajt minn din l-għodda għax kull sessjoni stednitni għal esperjenza ta’ talb personali li żgur se nkompli ngħożż. Kelliema b’kariżma qawwija u konvinzjoni f’dak li qed jgħidu. Ma tiddejjaq qatt tismagħhom, anzi, tħossok għatxana għal aktar. Id-dinamika maħluqa bejn il-parteċipanti nisslet ferħ u spirtu t’aħwa. Ngħidha b’wiċċi bil-quddiem: kien wieħed mill-korsijiet li xtaqt li ma jispiċċax. Nirrakkomandah b’qalbi kollha, speċjalment għal dawk li jħossuhom maqtugħin u dejjem jiġru biex ilaħħqu mal-impenji tal-ħajja.”

Sr Elaine Mifsud


“Applikajt għal dan il-kors biex nikseb ftit ħin ta’ kwalità, nikber spiritwalment u personalment, u nikkunsidra kif nista’ nuża t-talenti tiegħi għall-ġid ta’ ħaddieħor. Għalkemm kont ilni familjari ma’ Prayer Spaces għal diversi snin, matul dan il-kors, kelli l-opportunità li naqsam ma’ nies oħra li jaħsbuha bħali.

Kellna l-opportunità nesperjenzaw Prayer Spaces u naqsmu l-fehmiet tagħna.

Fr Paul Chetcuti, Fr Reuben Gauci u s-Sa Silvana Cardona kollha għamlu minn kollox biex iwasslu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom b’mod prattiku ħafna. Il-konnessjonijiet diretti mal-kelliema barranin kienu partikolarment apprezzati.”

Pauline Abela


“Għaddew tliet ġimgħat f’ħakka t’għajn. Il-kors kien interessanti mmens u saħħaħ kemm in-naħa psikoloġika kif ukoll spiritwali tal-persuna. Kienet esperjenza multidimensjonali fis-sens li mess aspetti tal-psikoloġija, l-ispiritwalità u t-teoloġija fejn ħadna esperjenza diretta u prattika. Nirrakkomanda ħafna dan il-vjaġġ.”

Christine Trevisan

English