“Qalli li kont se nkun iktar ferħan jekk insir naf lil Ġesù.” Hekk stqarr Rajesh, ħaddiem li kien jgħix fl-akwati ta’ Carlo Acutis, li maż-żmien nibtet ħbiberija bejniethom. Peress li Carlo kien kontinwament jitkellem dwar l-imħabba tiegħu għal Kristu, huwa wassal lil Rajesh biex isir kattoliku.

Kienet din l-istess xewqa tagħna, l-Patrijiet Franġiskani, li propju permezz ta’ dan iż-żagħżugħ ngħinu aktar żgħażagħ jiskopru l-imħabba ta’ Alla. Għalhekk għamilna kuntatt mas-Santwarju tal-Espoljazzjoni ġewwa Assisi biex nakkwistaw relikwa għas-seminarju tagħna, fid-dar tal-formazzjoni Ta’ Ġieżu r-Rabat. Kien f’Ottubru 2021 meta waslet ir-relikwa u ġiet esposta għall-ewwel darba f’attivita’ djoċesana għaż-żgħażagħ ġewwa Ta’ Pinu, fl-okkażjoni tal-Jum Dinji taż-żgħażagħ ċċelebrata fi Kristu Re.

Minn hemm bħal xelgħet fjamma li bdiet tiġbed ħafna devoti. Kif bdejna naraw li kienu qed jiġu mijiet ta’ nies jitolbu quddiem ir-relikwa ta’ Carlo Acutis, iddeċidejna li r-relikwa ma nżommuhiex għalina imma nużawha bħala mezz ta’ appostolat fl-irħula, skejjel, parroċċi u gruppi. Morna f’diversi skejjel f’Malta u Għawdex. Kull skola ħadet l-inizjattiva li torganizza programm ta’ attivitajiet differenti, bħal adorazzjoni, mumenti ta’ sharing, mumenti ta’ skiet mar-relikwa, purċissjonijiet, quizzes u oħrajn. Kien hemm skejjel fejn l-istudenti ħarġu mill-klassi biex jaraw ir-relikwa, u oħrajn fejn ir-relikwa żaret klassi klassi.

Kienet opportunità fejn l-istudenti setgħu jitkellmu ma’ patri Franġiskan, kemm dwar Carlo Acutis kif ukoll dwar il-ħajja Franġiskana u l-fidi. Kienu diversi esperjenzi sbieħ u qawwija li qsamna mat-tfal, iż-żgħażagħ u staff. Esperjenza partikolari kienet fejn kien hemm tfajjel li meta r-relikwa żaret l-iskola tiegħu, huwa kien jinsab l-Ingilterra jieħu l-kura u għalhekk ma setax jattendi. Madanakollu, il-familja tiegħu xtaqet li jiġu huma għan-nom tiegħu biex jitolbu lill-beatu jinterċedi għalieh. Kien hemm mument speċjali ieħor fejn għalliem stqarr li klassi partikolari fejn kienet se żżur ir-relikwa kienet klassi bi studenti kemmxejn fuq tagħhom u għalhekk forsi jkun aħjar jekk l-attivita’ tkun fil-qosor. Konna ferm sorpriżi li waqt li r-relikwa kienet f’din il-klassi partikolari, l-istudenti wrew imġieba mill-aqwa u kienet l-aktar klassi fl-iskola li pparteċipaw u qajmu diskussjoni ħajja dwar Carlo Acutis.

Nixtieq nappella biex min jixtieq li jkollu din l-esperjenza fi grupp, skola jew parroċċa, jista’ jagħmel kuntatt fuq 79047315 jew [email protected]

Fra Lorrie Zerafa ofm