pexels/anna shvets: in the hands of the wounded healer

English

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Faħħru lill-Mulej, għaliex hu tajjeb,
għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.
Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.
Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Hemm ħafna sinjali oħra li Ġesù għamel quddiem id-dixxipli tiegħu u li mhumiex imniżżla f’dan il-ktieb. Iżda dawn inkitbu sabiex intom temmnu li Ġesù hu l-Messija l-Iben ta’ Alla, u biex bit-twemmin tagħkom ikollkom il-ħajja f’ismu. (Ġw 20, 19-31)

pexels/pixabay: fear can be understandable but also overcome

i. meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu.

Imbeżżgħin! Magħluqa!
Nistennew agħar! Il-ħajja qed narawha theddida!
Imma dak li ġarrab il-ġrieħi għax ħabb,
li ħa l-mewt għax ingħata,
ma jbeżżgħu xejn:
jagħti “sliem”
juri l-marki tal-ġrieħi mhux bħal min iżommhielek fil-komma,
iżda bħala Dak li jiffaċilita fejqan u maħfra.

Irrifletti:

  • X’iżżomm f’qalbek: qrusa jew paċi?
pexels/antoni shkraba: a true artist carries the marks of his passion

ii. Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”.

Tumas kien semgħu jgħid:
“Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja”.
Imma jekk it-triq tagħlaq ġo qabar,
jekk il-gidba tirbaħ fuq il-verità,
jekk il-mewt tlissen l-aħħar kelma,
ta’ xejn l-eżempju sabiħ ta’ Ġesù.
Imma jekk il-marki tal-imsiemer, d-daqqiet tal-kalunji,
il-vittmi ta’ kultura tal-mewt, iġorrhom l-irxoxt,
mela mhux biss nemmen, iżda nittama u nħobb.

Irrifletti:

  • X’teżiġi  min-naħa tiegħek?
pexels/mateusz salaciak: in silence, in the wound, in God

iii. Ġesù qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”.

Pilatu qal: “Hekk hu l-bniedem!”
Jipponta lejn raġel mimli ġrieħi
kawżati min-nies bħalu
li jilagħbu bil-verità
li jilagħbu bil-bniedem.

Tumas jgħid: Hekk hu Alla!
Jipponta lejn raġel li jġorr il-ġrieħi tal-vittmi
li Hu l-verità
mhux bħala għodda biex isawwat
iżda bħala triq li tagħti l-ħajja.
“Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”


Irrifletti:

  • Din ix-xena xi stampa tagħtik ta’ Alla?

3. Missierna  

Nirringrazzjaw lil Fr Jimmy Bonnici għal din ir-riflessjoni

English