“Kemm ħadt gost fil-kamp għall-kwiet.”
“Fis-silenzju tkellimt m’Alla dwar dawk l-affarijiet li normalment inżommhom f’qalbi.”
“Għoġbitni l-katina tat-talb għax għidt grazzi lill-ħabib tiegħi.”
“Jien is-soltu qatt ma nkun kwiet imma llum irnexxieli noqgħod kwiet. Verament kelli bżonn noqgħod għall-kwiet fis-silenzju. Id-dinja storbjuża wisq!”
“Il-favorita tiegħi kienet tal-lapes għax għaraft kif bħal-lapes jien nista’ nikteb xi ħaġa sabiħa b’ħajti billi nkun lapes ċkejken f’idejn Alla.”
Matul diversi ġranet fix-xahar t’Awwissu 2019, l-iSpiritual Development Unit flimkien mat-tim ta’ Prayer Spaces in Schools-Malta, ipprepara u anima diversi spazji ta’ talb f’postijiet differenti f’Malta u Għawdex.
Madwar 250 tifel u tifel ta’ bejn l-4 u 11-il sena, li attendew Skolasajf fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi, ġew u ipparteċipaw f’din l-esperjenza spiritwali f’atmosfera sabiħa, trankwilla, u ta’ gost fl-istess ħin.
F’Malta, l-esperjenza ta’ talb u riflessjoni b’mod kreattiv u interattiv ġiet ippreparata fil-Portiku tal-Kappella tal-Madonna tal-Providenza ġewwa s-Siġġiewi matul il-jiem bejn it-Tnejn 5 u l-Ġimgħa 9 t’Awwissu. Tfal akkumpanjati minn edukaturi miċ-Ċentri tas-Siġġiewi, Birkirkara, Ħal-Tarxien, l-Imqabba, ir-Rabat, il-Kalkara u x- Xgħajra attendew f’waħda mill-ġranet imsemmija.
Mal-wasla tagħhom fil-post, it-tfal ġew milqugħa mit-tim u wara introduzzjoni qasira inqassmu fi gruppi żgħar biex b’hekk l-animaturi setgħu jmexxuhom u jiggwidawhom minn fuq spazju ta’ talb għal ieħor.
|
Jitobu u jiktbu talb u jwaħħluh fuq ‘Ħajt’ |
It-tfal kellhom iċ-ċans jirrifflettu fuq ħdax –il prayer space differenti. Fuq il-Ħajt tat-Talbit-tfal kitbu talb fuq sticky notes għall-persuni morda, għall-familjarji tagħhom, għat-tfal li m’għandhomx dar, għall-pajjiżi li qegħdin fil-gwerra u bosta talb ieħor.
|
Ħajt tat-Talb |
Fuq il-Katina tal-Ħbiberija, it-tfal ħasbu dwar il-ħabib tagħhom waqt li kitbu ismu fuq strixxa tal-karti u waħħluha bl-istapler biex jiffurmaw katina ta’ ħbiberija. Hawnhekk irringrazzjaw lil xulxin u ħasbu kif din il-ħbiberija iridu jieħdu ħsiebha biex dejjem tikber u tissaħħaħ.
|
Katina tal-Ħbiberija |
Fuq il-prayer space tal-Mirja, it-tfal riedu jħarsu lejn il-mera u jaraw kemm huma sbieħ, speċjali u uniċi filwaqt li jiktbu talba ta’ ringrazzjament lil Alla għall-kwalitajiet sbieħ li hemm ġewwa fihom.
|
Mirja |
It-tfal ħassewhom komdi jiktbu talba ta’ maħfra għal xi ħaġa li għamlu u issa qed jiddispjaċihom li għamluha. Huma kitbu jew pinġew fuq whiteboards imbagħad ħassru dak li kitbu bħala simbolu li Alla hekk ukoll iħassar malajr dak il-ħażen li nagħmlu.
|
Maħfra |
Fuq il-prayer station bl-isem Ġnien il-Paċi, it-tfal ingħataw fjuri u fuq il-petali tagħhom riedu jiktbu fejn jixtiequ li jkun hemm il-paċi, fejn iħossuhom fil-paċi u kif tista’ tinkiseb il-paċi. Huma waħħlu dawn il-petali ma’ stikka tal-injam u ħaduhom magħhom id-dar. It-tfal kellhom ukoll l-opportunità jidħlu f’Kamp biex għal ftit minuti jagħlqu għajnejhom u joqogħdu fis-skiet japprezzaw is-silenzju.
|
Napprezzaw is-skiet |
Imbagħad kien hemm il-Mappa tad-Dinja fejn it-tfal ifaxxinaw ruħhom isibu l-pajjiżi li jafu kif ukoll jitgħallmu dwar pajjiżi oħra. Huma talbu għal xi pajjiż partikulari li għaddej minn xi forma ta’ tbatija u poġġew xemgħa fuqu.
|
It-tfal jisimgħu b’attenzjoni dwar il-pajjiżi |
|
It-tfal jiktbu talb għall-pajjiżi madwar id-dinja |
It-tfal ħadu gost ukoll jiżirgħu żerriegħa fil-qasrija. Din ukoll ħaduha magħhom id-dar u ġew imfakkra li biex tikber iridu jsaqquha, jagħmluha ftit fix-xemx u jieħdu ħsiebha sew. Hekk ukoll il-fidi tagħna f’Alla rridu nsaħħuha u nikkultivawha kuljum.
Spazju ta’ talb ieħor kien tal-lapsijiet –
Jien Lapes ċkejken f’idejn Alla, mibnija fuq dak li kienet tgħid Madre Tereża. It-tfal żammew lapes ċkejken f’idhom u nnutaw l-importanza tal-ponta biex il-lapes ikun jista’ jikteb. Huma ħasbu u kitbu kif huma jistgħu jkunu lapes ċkejken f’idejn Alla billi jagħmlu attijiet ċkejkna lil oħrajn
|
Jien lapes ċkejken f’idejn Alla |
Din l-esperjenza ta’ prayer spacesserviet ukoll ta’ opportunità għal dawk l-edukaturi u katekisti
li qegħdin jippjanaw l-ewwel prayer spacefl-iskola tagħhom jew fiċ-ċentri tad-duttrina. Dawk interessati kienu mistiedna jiġu f’xi ġurnata matul il-jiem indikati biex jaraw kif jintramaw u b’hekk setgħu jaraw b’għajnejhom stess kemm b’affarijiet sempliċi li wieħed jista’ jsib fil-ħajja ta’ kuljum fid-dar jew l-iskola stess bħal, karti, biċċiet tal-kartun, mirja, xi kamp, kuxins, eċċetra, wieħed jista’ jarma prayer spaces.
Għalkemm b’affarijiet daqshekk sempliċi, huma għarfu l-effett pożittiv li jħallu fuq it-tfal u kemm huma mezz tajjeb u effettiv biex jgħinuhm
jirriflettu u jitolbu.
Edukaturi oħra li akkumpanjaw lit-tfal, kellhom kliem ta’ tifħir għal din l-attività tant li staqsew kif huma wkoll jistgħu jagħmlu dawn l-attivitajiet b’temi diversi fiċ-Ċentri tagħhom.
Grupp ta’ tfal tant apprezzaw il-mumenti fil-kwiet taħt il-kamp li staqsew jekk jistgħux ikomplu kamp fil-klassi biex huma ukoll isibu ftit ħin għall-kwiet ‘il bogħod mil-istorbju.
Matul dawn il-jiem wieħed jista’ jinnota kemm it-tfal jafu jesprimu lilhom infushom meta jħossuhom sigur f’ambjent san u sempliċi fl-istess ħin, u li jistgħu jirrelataw miegħu faċilment.
Tinduna kemm huma kapaċi jaħsbu f’ħaddieħor, kemm iħossu għal-weġgħat li jkunu għaddejjin persuni li jafu u kemm dak li jkun qed jiġri fid-dinja jinkwetahom ukoll. Xi drabi tistagħgeb b’talb profond li jirnexielhom jitolbu b’sinċerita kbira kif ukoll il-mistoqsijiet kbar tal-ħajja li anke tfa’ kapċi jistaqsuhom. It-tfal kemm permezz tal-kitba fuq sticky notes, biċċiet tal-kartun jew inkella permezz ta’ tpingija, kapaċi joħorgu talb sabiħ u profond mill-qalb tagħhom.
Wiċċhom jixhed sens ta’ ferħ u entużjażmu u żgur li dawn l-esperjenzi se jibqgħu fil-qlub ta’ dawn it-tfal. Kemm għaliex iltaqgħu ma’ tfal oħra b’realtijiet simili għal tagħhom kif ukoll b’realtijiet oħra u diversi minn tagħhom. Ukoll għax qraw talb miktub minn tfal sħabhom stess u ħadu gost flimkien.
Nirringrazzjaw kontinwament lil Alla ta’ dawn l-esperjenzi sbieħ u lil min kien involut b’xi mod jew ieħor.