Waqt li nfakkru lilna nfusna
li s-solidarjetà
m’għandhiex tieqaf biss fil-kliem
imma tissarraf fuq kollox fl-għemil,
ħa nieqfu għal ftit
biex nitolbu
għall-poplu Ukren
u l-konflitt li għaddej bħalissa f’pajjiżhom:
Mulej Ġesù,
f’ħajtek int dejjem fittixt
li tkun qrib id-dgħajfin,
l-imwarrbin u l-imjassrin.
Anke f’mumenti diffiċli bħal dawn
li għaddejjin minnhom bħalissa,
aħna nġeddu t-twemmin tagħna
li aħna dixxipli tiegħek.
Int il-Prinċep tal-paċi u mhux tal-vjolenza.
Mulej Ġesù, int għidt:
“Henjin il-foqra fl-ispirtu.”
Nitolbuk tħares, tiggwida u tipproteġi
lil tant nisa, irġiel u tfal innoċenti .
Henjin il-foqar fl-ispirtu.
Mulej Ġesù, int għid:
“Henjin dawk li jġibu l-paċi.”
Nitolbuk,
biddel il-qlub u l-imħuħ
ta’ dawk il-bnedmin
li jfittxu biss
is-soluzzjoni fil-vjolenza.
Neħħi minnhom il-qalb tal-ġebel
u agħtihom qalb tal-laħam flokha.
Henjin dawk li jġibu l-paċi.
Mulej Ġesù, inti għidt:
“Henjin dawk li
huma bil-ġuħ u l-għatx
tal-ġustizzja.”
Dawwal u qawwi
lil dawk il-bnedmin kollha
ta’ rieda tajba
li qed jaħdmu bla heda
biex issaltan il-paċi
u tinġieb l-għaqda.
Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja.
Mulej Ġesù, int għidt:
“Henjin dawk li jħennu.”
Nirringrazzjak
għal dawk il-ħafna
bnedmin ta’ rieda tajba
li dejjem issibhom lesti
jagħtu daqqa ta’ id
lil min huwa fil-bżonn,
imġarrab u mwarrab,
lil min ikun qrib
dawk li waslu
fl-aħħar nifs ta’ ħajjithom,
lil min ikun qrib
dawk li qed ibatu,
lil min ikun qrib
dawk li spiċċaw
jiġġerrew barra
għax bla dar,
lil dawk li sfaw refuġjati.
Henjin dawk li jħennu
Fl-aħħar, Mulej Ġesù,
nitoblu għalina nfusna.
Iftħilna għajnejna aktar
ħalli napprezzaw dejjem iżjed
il-libertajiet
li ngawdu u nħaddnu
u li forsi ftit li xejn
napprezzaw u ngħożżu.
Ftakar fil-poplu Ukren
li qiegħed jiċċaħħad
minn dawn il-libertajiet.
Nieqfu għal ftit u nħallu s-silenzju jkun it-talba tagħna.
Nagħlqu bit-talba tal-Missierna
Missierna
li inti fis-smewwiet,
jitqaddes ismek,
tiġi saltnatek,
ikun li trid int,
kif fis-sema
hekkda fl-art.
Ħobżna ta’ kuljum
agħtina llum,
aħfrilna dnubietna
bħalma naħfru
lil min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib,
iżda eħlisna mid-deni.
Ammen.