Għan: Niftħu moħħna u qlubna fil-bidu tas-sena skolastika l-ġdida għal dak li Alla jrid jagħmel ġo fina.
Introduzzjoni (2 min)
- L-animatur jintroduċi ruħu mal-istudenti, imbagħad jintroduċi t-tema tas-sena: Niżirgħu t-tama
- L-animatur jiggwida l-istudenti biex iżommu s-silenzju, jagħmlu s-sinjal tas-salib u jgħidu talba qasira ta’ ringrazzjament.
Qsim ta’ ideat (5 min)
- L-animatur jissuġġerixxi li meta tiżra’ ż-żerriegħa jfisser li għandek tama li ser tikber, u jsaqsi fuq it-tip ta’ frott l-istudenti jixtiequ jakwistaw din is-sena (u jagħti ħin għal suġġerimenti).
- L-animatur jissuġġerixxi li ftit minn dan il-frott jista’ jkun żvillup tal-għarfien, tkabbir tal-karattru/personalità, u tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla u bejnietna, per eżempju.
Filmat (2 min)
- L-animatur ifiehem li jeħtieġ nippreparaw l-art biex nilqgħu ż-żerriegħa tat-tama.
- L-animatur jintroduċi il-Parabbola taż-Żerriegħa (Mk 4:1-8), li biha Ġesù jrid jgħidilna aktar fuq is-suġġett u juri dan il-filmat li ġej (1.34 mins) minn The Chosen, serje fuq il-ħajja ta’ Ġesù.
Riflessjoni (8 min)
- L’animatur jistaqsi lill-istudenti fuq it-tipi differenti ta’ ħamrija li Ġesù jsemmi fil-parabbola.
- L-animatur jaqra l-ispjegazzjoni ta’ Ġesù minn Mk 4:13-20 u jsaqsi lill-istudenti biex fis-silenzju jaraw ma’ min ixebbħu lilhom infushom skont fejn qegħdin illum ma’ waħda jew aktar mill-ewwel tliet tipi ta’ ħamrija u jgħinhom japprezzaw u jkunu grati li għandhom ‘art’ li jistgħu jikkultivaw.
- L-animatur jagħti mudell ta’ żrieragħ lil kull student u jsaqsi biex jinfetħu biex jirċievu ż-żerriegħa u jipproduċu ħafna frott.
- L-animatur jissuġġerixxi li jeħtieġ nippreparaw/niftħu lilna nfusna għas-sena skolastika ġdida u għal dak li Alla jrid li jagħmel fina u permezz tagħna billi nkunu grati u moħħna hemm għall-wegħda ta’ ħwejjeġ sbieħ li ħejja għalina.
Talba (3 min)
- L-animatur jgħaddi lil kull student mudell (template) tal-proċess tal-ħrit tal-art.
- L-animatur jiggwida lill-istudenti jiktbu talba personali lil Alla fuq il-karta.
- L-animatur jitlob talba fi kliemu jew hekk:
O Alla, grazzi għad-don tal-ħajja u l-opportunitajiet diversi biex nitgħallmu u nikbru. Fil-bidu ta’ din isena ġdida, agħtini “widnejn biex nisma’” u għinni nafda fFk b’dan il-proċess. Jien dejjem nittama fil-wegħda Tiegħek li jiena ser nagħmel ħafna frott. Ammen
L-animatur idoqq (jekk irid) l-għanja Nisranija Build My Life [Ibni ħajti].