Isma’ l-istorja
Aqra l-istorja
Karim inkiteb mal-futbol nursery u tgħidx kemm jistenna s-Sibt filgħodu biex imur għat-trejning! Apparti t-trejning, ikollu ħerqa kbira li jiltaqa’ ma’ wħud mill-ħbieb tiegħu tal-klassi kif ukoll ma’ tfal oħra li jittrenjaw miegħu u li bħalu telqu minn pajjiżhom bit-tama li jgħixu ħajja aħjar f’pajjiż ieħor. Trid tarah kemm jifraħ magħhom u huma miegħu meta jiskorja xi gowl.
Darba waħda waqt il-half time ta’ logħba minnhom, Karim waqaf iħares lejn wieħed mill-bords tar-reklami li kien hemm madwar il-grawnd. Fuq dan il-bord kien hemm mappa tad-dinja flimkien ma’ bnadar ikkuluriti ta’ timijiet minn diversi pajjiżi. Huwa beda jfittex il-pajjiż tiegħu fuq il-mappa. Kompla jfittex pajjiżi oħra fejn jaf li jgħixu xi familjari oħra tiegħu. Tant intilef iħares lejn din il-mappa li lanqas kien induna li l-kowċ kien qiegħed isaffar is-suffara biex ikomplu jilagħbu.
Meta ra hekk il-kowċ ġietu idea. Qal lit-tfal l-oħra kollha biex imorru ħdejn Karim, iħarsu lejn il-mappa tad-dinja u jiffurmaw ċirku madwarha. U qallhom: “Ħarsu sew lejn din il-mappa u sibu l-pajjiż tagħkom jew l-pajjiż ta’ fejn jgħixu qrabatkom. Tistgħu ukoll issibu xi pajjiżi oħra li tisimgħu dwarhom fl-aħbarijiet li ġralhom xi ħaġa negattiva bħal xi terremot, tsunami, ġlied, gwerer jew xi protesta li wasslet għall-vjolenza.”
Sadanittant il-kowċ ħareġ ftit sticky notes u lapsijiet mil-fowlder li kellu f’idu u beda jqassam sticky note u lapes lil kulħadd. U kompla jgħidilhom: “Issa fuq l-isticky note, iktbu talba għall-pajjiż li ħsibtu fih jew għan-nies li jgħixu hemm, imbagħad wara waħħlu din l-isticky note mal-mappa tad-dinja.” U t-tfal hekk għamlu. Kemm kitbu talb sabiħ u mill-qalb dawn it-tfal!
Wieħed tifel talab hekk: “O Alla, waqqaf il-ġlied u l-isparar kontinwu li kont nara jseħħ jien stess fis-Sirja.” Waħda tifla talbet: “O Alla, ipprovdi l-ikel u x-xorb lil min m’għandux u pprovdi nies biex jgħinu lill-foqra.” Xi ħadd talab għall-paċi fid-dinja. Xi ħadd ieħor talab biex il-pajjiżi kollha jinħelsu mill-mard speċjalment tal-Covid -19.
Kemm ġiet isbaħ il-mappa bit-talb imwaħħal fuqha!
U inti kieku kellek tikteb talb għall-pajjiżi fid-dinja x’kont tikteb?