Nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Settembru, 2023, saret laqgħa bejn l-Eċċellenza Tiegħu Mons Isqof Joseph Galea Curmi, ir-Religious Counsellors u chaplains li jservu fi skejjel tal-Istat u Indipendenti. L-iskop ta’ din il-laqgħa, organizzata mill-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel, kien li tiffaċilita skambju ta’ esperjenzi u għarfien dwar kif ser inkunu preżenza ta’ fidi fl-iskejjel f’Malta illum li jinkludu studenti u edukaturi minn kulturi differenti.

Kien mument ta’ riflessjoni għal dawk preżenti fil-mixja tagħhom kemm dik personali u anke fil-ministeru li qed jaqdu f’diversi komunitajiet tal-iskola. Is-saċerdoti ipparteċipaw bi ħġarhom biex flimkien ikomplu jagħrfu kif ser jieħdu sehem fil-missjoni ta’ Alla fid-dinja billi nkunu ambaxxaturi tal-ħbiberija ta’ Alla mal-bnedmin kollha.

Eżerċizzju Interattiv: Limitazzjonijiet Personali u sfidi fl-Iskejjel Illum

B’eżerċizzju interattiv, ġew indirizzati diversi punti ewlenin relatati mal-limitazzjonijiet Personali u sfidi fl-Iskejjel Illum:

Ir-Religious Counsellors rrikonoxxew li huma, bħal kulħadd, għandhom il-limitazzjonijiet personali tagħhom meta jiġu biex jindirizzaw il-ħtiġijiet u l-isfidi diversi tal-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel tal-lum. Ir-rikonoxximent ta’ dawn il-limitazzjonijiet huwa pass importanti biex ikomplu jikbru b’mod effettiv biex ikunu ta’ appoġġ u gwida fl-iskola. Ġew diskussi wkoll l-isfidi varji li qed jesperjenzaw fosthom kif qed tevolvi l-edukazzjoni, l-adattament għal bidliet fis-soċjetà, u li nindirizzaw il-ħtiġijiet spiritwali u emozzjonali f’din id-diversità ta’ studenti, edukaturi u l-familji b’mod ġenerali.

Li nkunu Preżenza ta’ Fidi

Ir-Religious Counsellors esploraw ideat u strateġiji innovattivi kif juru l-fidi Kattolika tagħhom b’modi tanġibbli fl-ambjent tal-iskola. Huma għarfu l-importanza li nkunu mudell ta’ fidi permezz ta’ azzjonijiet, valuri u r-relazzjonijiet mal-membri differenti tal-komunità tal-iskola. Id-diversità kulturali li nsibu fost l-istudenti toffri ħafna opportunitajiet biex napprezzaw dawn il-kulturi u anke reliġjonijiet, fil-waqt li tħeġġiġna li nkunu mezz ta’ djalogu mal-istudenti u l-edukaturi.  

Djalogu Kostruttiv

Matul il-laqgħa, Mons Isqof Joseph Galea Curmi u r-Religious Counsellors impenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv biex jaffermaw l-attitudnijiet it-tajbin li bihom għandna nkunu preżenza ta’ fidi Nisranija.

Din il-laqgħa serviet bħala xhieda tal-impenn ta’ dawn ir-Religious Counsellors fl-irwol importanti tagħhom fl-iskejjel. Id-dedikazzjoni tagħhom biex irawmu l-fidi, jippromwovu l-inklussività, u jindirizzaw il-ħtiġijiet spiritwali ta’ komunitajiet diversi ssaħħaħ l-idea li l-fidi hija pont li tgħin biex tikber l-għaqda bejn persuni minn kulturi differenti u tkabbar l-esperjenza edukattiva għal kulħadd. Kien mument ta’ riflessjoni, ispirazzjoni, u determinazzjoni mġedda f’dal-vjaġġ kumpless tal-edukazzjoni illum.

Apprezzament minn Mons Isqof Joseph Galea Curmi

F’diskors mill-qalb, Mons Galea Curmi esprima apprezzament għall-ħidma tar-Religious Counsellors u c-chaplains fl-iskejjel tal-Istat u Indipendenti, filwaqt li rrikonoxxa u enfasizza l-valur li dawn iġibu lill-iskejjel. Huwa rringrazzjahom għal din il-ħidma vitali, għaraf l-isfidi li jaffaċċjaw, u faħħar l-impenn tagħhom għall-missjoni tagħhom li hija importanti għall-Knisja f’Malta.

Grazzja Kbira

Huwa fakkar biex napprezzaw l-grazzja li għandna bħala Knisja Kattolika f’Malta fejn l-iskejjel jixtiequ li nkomplu nieħdu sehem fl-edukazzjoni reliġjuża u spiritwali tal-istudenti u tal-komunità sħiħa frott il-Ftehim fuq l-Edukazzjoni Reliġjuża bejn is-Santa Sede u r-Republika ta’ Malta li seħħ fl-1989, li jirrikonoxxi l-irwol tar-Religious Counsellors fl-iskejjel tal-Istat. Huwa nnota li, minkejja żminijiet li qed jinbidlu u diversità fis-soċjetà, għad hemm xewqa ġenwina għall-preżenza tagħhom. Din, stqarr, hija “grazzja kbira” u opportunità li m’għandhiex tittieħed b’mod ħafif. Anke fi skejjel indipendenti, hemm talba qawwija għall-preżenza taċ-chaplain minn dawk li jifhmu l-importanza tal-edukazzjoni spiritwali parti mill-edukazzjoni sħiħa tal-iskola.

Madankollu, l-Isqof Joe Galea Curmi irrikonoxxa wkoll l-bidla li qed issir fl-edukazzjoni, immarkat mid- diversità dejjem tikber. F’dan iż-żmien differenti, minflok ma nkunu intimidati minn din id-diversità, Mons Galea Curmi ħeġġeġ biex ir-Religious Counsellors u ċ-chaplains iħaddnuha. Hu fakkarna li l-vantaġġ tal-fidi Nisranijia tiftaħ il-bibien għad-djalogu u d-diversità.

L-effettività tal-ħidma pastorali mal-edukaturi

L-Isqof Joseph Galea Curmi ikkonferma dak li qalu xi religious counsellors fl-interventi ta’dwar l-importanza li jinbnew relazzjonijiet personali u sani mal-edukaturi, filwaqt li nirrikonoxxu li l-edukaturi huma f’kuntatt kontinwu mal-istudenti. Din il-konnessjoni tippermetti lir-Religious Counsellors u lill-għalliema biex jagħtu mhux biss tagħlim reliġjuż iżda wkoll valuri umani importanti.

Viċinanza, Kompassjoni, u Tenerezza

Huwa kkonkluda permezz ta’ dak li jħobb jgħallem Papa Franġisku, speċifikament dwar il-valuri tal-viċinanza, il-kompassjoni, u t-tenerezza. Dawn il-kwalitajiet għandhom jiggwidaw lill- Religious Counsellors u ċ-chaplains fl-interazzjonijiet tagħhom mal-istudenti u l-għalliema. Il-preżenza tagħhom għandha tkun waħda li tattira u tispira lil kulħadd. F’dinja fejn tispikka l-indifferenza, Mons Galea Curmi ħeġġeġ lill-Religious Counsellors biex ikunu dawk li jagħmlu d-differenza, li jġibu dawl fil-ħajja ta’ dawk li jiltaqgħu magħhom fl-iskola speċjalment dawk li qed ibatu. Saħaq fuq l-importanza li wieħed jagħraf il-valur tiegħu u l-impatt tal-preżenza tiegħu fl-iskejjel biex ikun dawl ta’ tama. Huma ġew imħeġġa jkomplu bl-impenn tagħhom għal din il-ħidma importanti b’ġenerożità u dedikazzjoni kontinwa biex ikunu ta’ gwida spiritwali fil-ġenerazzjonijiet li telgħin.

L-isqof Mons Galea Curmi rringrazzja lil Dun Reuben Gauci li jikkoordina t-taqsima tal-Iżvilupp Spiritwali fl-Iskejjel flimkien mat-tim ta’ ħaddiema pastorali, għar-riżorsi u għodod t’għajnuna u l-appoġġ li jipprovdu lir-Religious Counsellors fil-missjoni tagħhom.