Fid-dinja kontemporanja, il-kultura tat-taħriġ fiżiku qed issir dejjem iżjed popolari tant li tinkorpora fiha nies minn kull settur tas-soċjetà.  Aktar minn qatt qabel, il-prattika ta xi sport saret minsuġa fl-orarju ta’ ħafna, irrispettivament mill-eta’ jew l-istat tal-persuna. Dment li persuna tagħraf titħarreġ b’mod responsabbli, ordnat u etiku, bl-għan li tibbenefika personalment u sservi t’ispirazjoni għal ħaddiehor, tkun iġġenerata L-pożittività. 

Bħala edukatur inkun qrib ħafna tal-isfidi li jikkaratterizzaw l-adoloxxenza, u tal-impatt li dawn ikollhom fuq l-istudenti.  Sikwit, studenti jirrikjedu risposti għal xi kurżitajiet jew dubji li jaħkmuhom kontinwament.  Fosthom il-fidi!  L-għan ta’ dan l-artiklu huwa li jixħet dawl fuq xebħ li jeżisti bejn is-saħħa fiżika tal-ġisem u dik tar-ruħ.  Bla dubju, dal-kontenut jappella wkoll għal nies ‘il barra mill-ispektru taż-żġħożija u li għal raġunijiet differenti jħossuhom ikampaw mingħajr it-talb u l-ħajja sagramentali, b’mod partikolari l-qrar u l-ewkaristija.

Tendenzjalment, meta bniedem issib ħin għall-eżerċizzju fiżiku, isegwi dieta nutrittiva, u jkun konsistenti x’aktarx ikun iżjed fi ġrad li jissupera t-tentazzjoni ta’ ikel u xorb eċċessiv, anke jekk kultant jaqa’.  Bil-kuntrarju, l-għażż jiġġenera nuqqas ta’ dixxiplina tant li tonqos it-tama li jintleħqu l-miri rispettivi.

Eżerċizzju Spiritwali

Dan japplika wkoll għar-relazzjoni tagħna m’Alla.  Il-konsistenza hija element vitali ħafna biex persuna tirnexxi f’xi aspirazzjoni partikolari.  Eżerċizzju regolari, parir siewi mingħand nies intiżi, dieta tajba, il-qari u r-riċerka personali u tant irqaqat oħrajn, huma kollha neċċessarji biex tkun b’saħħtek u f’saħħtek.  Is-smigħ tal-Kelma t’Alla, l-ispjeġażżjoni tad-diretturi spiritwali, il-qari personali, it-talb, il-qrar u-tqarbin huma sinonimi għar-ruħ bħalma dak li jseħħ ġo ġym, huwa għall-ġisem. 

Fiż-żewġ kuntesti nsibu ambjent imżewwaq b’dak rikjest, mgħammar b’riżorsi adegwati, nies imħarrġa biex jassistu skont il-bżonn, u fuq kollox motivazzjoni li tagħti kuraġġ.  Dawn huma xi paraguni li tajjeb wieħed jirrifletti dwarhom:

  • “Nagħmel tant workouts, u tant sigħat ġol-gym, għalfejn diffiċli siegħa fil-knisja (il-gym tar-ruħ)?”
  • “Bħall-kowċ, il-qassis imħarreġ biex jigwidani ħalli nikber spiritwalment u b’hekk nimxi fuq il-passi ta’ Ġesù!  
  • “Mhijiex il-qrara effettiva kontra d-dnub bħalma hija ġirja biex naħraq il-pasta li kilt?  Konsum żejjed ta’ kaloriji mhux toqol isirli jekk ma niddisponix minnu?”
  • “Kemm rivisti, artikli u stejjer dwar idoli naqra!  Ġieli naqra xi ħaġa dwar nies umli li ċċekknu?  Għandi Bibbja u nitlob biha?”
  • “Malli nlesti mit-taħriġ, niekol mill-ewwel ħalli l-ġisem jibda jirkupra.  It-tqarbina mhijiex tabilħaqq ikla f’ħinha, wara li naħraq il-kaloriji tad-dnub u nkun tħarriġt bit-talb?”
  • “Mhux lant li nixrob u nitħanżer għax ikun għalxejn il-workout.    Kemm qed iħallu bidla fl-attitudnijiet tiegħi matul il-ġurnata dik il-quddiesa u tqarbina li nagħmel?”

Miż-żewġ kuntesti nistgħu nabbużaw bla ma nibbenefikaw. Mhux kull min jiffrekwenta gym imur biex jitħarreġ b’serjetà.  Min imur jissoċjalizza, min biex jgħaddi siegħa żmien, min għax moda u min għall-isem jew biex mingħalih ikun superjuri.  L-istess jiġri fir-rigward tal-quddiesa.  Huwa dmir tagħna li nieħdu ħsieb saħħitna bil-mezzi materjali provduti lilna minn Alla nnifsu.  Madankollu, jkun ta ġwadan akbar għar-ruħ jekk matul din l-istess mixja temporanja fl-art, nirrikorru għas-supplimenti li jmorru lil hinn mit-tkabbir tal-muskoli, iżda li jatrezzawna biex ninvestu f’meta ‘l qalb li tant tkun ħabbtet, tieqaf.  Kollox jiddependi mir-rieda tagħna!

Is-Sur Clinton Carter huwa għalliem tal-Arti u parti mit-tim pastorali ġewwa l-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja, Kirkop.