Infittxek,

ngħajjatlek,

indur mal-kmamar kollha.

Għalxejn,

m’intix hemm.

Minflok …

hawn siġġu vojt.

U waqt li kollha

imdawra mal-mejda

nieklu u nixorbu,

nitkellmu, ferħana,

qed nistħajlek hawn magħna.

Imma le,

kollu ta’ xejn …

għax m’intix hawn

u qed nimmissjak.

Inġibek quddiem għajnejja

u niftakar kemm għaddejna ħin flimkien,

int u jien biss.

U wiċċek, għajnejk,

it-tbissima tiegħek,

kollha ttimbrati f’moħħi,

jgħaddu jiġru l-memorji

ta’ dak kollu li kont tħobb tagħmel miegħi,

l-ikel li konna nieklu, u l-ħruġ li konna noħorġu.

F’widnejja nisma’ kliemek ħelu jidwi ma jintesa qatt.

Iebsa tfittxek u ma ssibekx,

l-aktar f’dawn iż-żminijiet,

fejn kulħadd b’ħalqu mċarrat

ikanta, jifraħ, u jallegra.

U t-toroq diġà mżejna

bit-twieqi jteptpu, madwar it-tlellix.

Anke d-dar armata

u l-bozoz mas-siġra mixgħula

għajr waħda, mitfija għal dejjem.

Int tfisser ħafna għalija

imma rrid ngħidlek li

bħalissa ninsab imdejqa

għalhekk se ndawwar

id-dwejjaq tiegħi f’talba u

waqt li ħarsti mitfugħa

lejn is-siġġu l-vojt,

irrid nirringrazzjak

tal-ħajja sabiħa li qsamt miegħi

u ta’ dak kollu li lħaqna għamilna flimkien.

Silvana Cardona

Diċembru 2016