Tlift ħabib, imma l-kliem li qalli għadu jidwi f’widnejja u se jibqa’ ttimbrat f’moħħi.
Il-mewt għal għarrieda tal-ħabib tiegħi ħasditni u xxukkjatni. Ma ridtx nemmen li kien miet. Staqsejt ħafna mistoqsijiet għala ħajtu kellha tintemm daqshekk malajr imma ma sibt l-ebda risposta. Issa għadda ftit żmien mill-mewt tiegħu u tgħidx kemm nimmissjah, imma l-ħbiberija u l-ħajja sempliċi li għex se nibqa’ ngħożżhom. Fost il-kwalitajiet sbieħ li kellu kienet tispikka l-għajnuna li kien jagħti lill-batut u lill-fqir; kellu mħabba speċjali għalihom u dejjem għamel kulma seta’ biex jgħinhom. Il-ħajja eżemplari tiegħu għallmitni kif għandi nġib ruħi mal-ħbieb u kif jien ukoll inkun ħabib ġenwin għall-oħrajn.
Nixtieqek tkun onest miegħek innifsek biex int ukoll tara x’tip ta’ ħabib inti:
Taċċetta lill-ħbieb tiegħek kif inhuma, jew tkun trid li jinbidlu għall-gosti tiegħek?
Turi rispett lill-ħbieb kollha, jew biss lil ċerti ħbieb li għandhom il-flus?
Tifraħ mal-ħabib tiegħek meta jiċċelebra s-suċċess tiegħu, jew tgħir għalih?
Iċċemplilhom xejn lill-ħbieb biex tgħidilhom xi ħaġa sabiħa, jew iċċemplilhom biss meta jkollok bżonnhom?
Taċċetta li l-ħbieb tiegħek jista’ jkollhom ħbieb oħra apparti minnek, jew tridhom għalik biss?
Tieħu gost tiddiskuti mal-ħbieb, jew dejjem tinsisti li tgħaddi tiegħek?
Meta l-ħbieb jgħaddu minn xi ċirkustanza kerha, tkun hemm għalihom, jew iddabbar rasek biex ma teħilx magħhom?
Tiġbed l-attenzjoni tal-ħbieb tiegħek bil-kwiet u r-rispett, jew bl-għajjat u l-istorbju?
Lest li tifhem lill-ħbieb tiegħek, tismagħhom u tinkuraġġihom biex isibu spalla fuq min iserrħu?
Meta ma taqbilx mal-ħbieb tissuppervja malajr?
Għandek paċenzja mal-ħbieb, jew titlef il-paċenzja malajr?
Kemm int lest toħroġ mill-ħajja komda tiegħek u tmidd idejk biex tgħin lil xi ħabib fil-bżonn?
Taqsam xejn mill-affarijiet li għandek mal-ħbieb, jew tiekol u tixrob waħdek?
Tiftaħ għajnejn il-ħbieb meta jkunu se jagħmlu xi ħaġa ħażina jew li biha se jidħlu f’inkwiet kbir?
Temmen verament li jekk issib ħabib ta’ veru tkun sibt teżor? Hekk insibu miktub f’Bin Sirak: “Kenn sod il-ħabib ta’ min jafda fih, u min isib wieħed ikun sab teżor” (Sir 6:14).
Grazzi, Mulej, tal-ħbieb ta’ vera, għax fihom nara l-imħabba vera tiegħek! Għinni nkun ħabib ġenwin jien ukoll, biex fija jaraw l-imħabba tiegħek! U bilħaqq, lill-ħabib tiegħi nitolbok tagħtih il-mistrieħ ta’ dejjem!
–
Novembru 2017
Attività ta’ Talb
Wara l-animazzjoni tal-istorja riflettiva, tista’ tieħu ftit ħin biex tieqaf, tirrifletti, u titlob bil-għajnuna ta’ waħda mill-attivitajiet ta’ talb minn hawn taħt:
During this prayer time one will have the time to talk to God about the nice memories and ones’ feelings related to the gap one experienced with the loss of our dears.