Kitba ta’ Silvana Cardona

Prayer Spaces fil-Kappella ta’ Santa Margerita, Għajn Riħana

 

Tfal miċ-Ċentri ta’ Ħal-Qormi SB u Ħ’Attard esperjenzaw spazji ta’ talb fil-kappella ta’ Santa Margerita, Għajn Riħana.

 

 

 

 

 

Bdejna b’vidjo qasir dwar il-miġja ta’ San Pawl f’Malta u wara mxejna minn stazzjon għal ieħor fejn it-tfal kitbu diversi talb ta’ ringrazzjament, ta’ maħfra u talb għad-dinja.

 

 

 

 

 

 
Kitbu wkoll il-biżgħat tagħhom fuq vapuri, ix-xewqat u l-ħolm fuq fjuri u staqsew mistoqsijiet lil Alla fuq biċċiet tal-kartun. Daħlu wkoll f’kamp fejn apprezzaw is-silenzju. Ftakru fil-magħmudija li rċevew meta kienu trabi u żergħu żerriegħa f’qasrija biex tfakkarhom li l-fidi f’Alla rridu nieħdu ħsiebha kontinwament.

 

 

Prayer Spaces fil-Wied tal-Lunzjata, Kerċem Għawdex

Tfal miċ-Ċentri tal-Qala, Nadur, Kerċem,Għajnsielem,ix-Xagħra u r-Rabat għamlu esperjenza ta’ talb hekk imsejħa Prayer Spaces, mibnija fuq l-Għanja tal-Ħlejjaq ta’ San Franġisk.

Kienu mumenti ferrieħija f’atmosfera serena qalb in-natura fejn flimkien tlabna, ktibna u kilna fl-atmosfera tant sabiħa ta’ dan il-wied. It-tfal kitbu dwar kif jistgħu jibdew il-ġurnata b’mod sabiħ fuq karti b’forom ta’ xemx u kif jistgħu jkunu dawl għal ħaddieħor fuq karti b’forom ta’ qamar. 

 

 

Flimkien għalaqna għajnejna u ħassejna ż-żiffa ħelwa għaddejja ma’ wiċċna. Fuq platt ktibna isimna u l-istaġun favorit tagħna u pinġejna dwaru. Ħarisna lejn il-medda tal-għelieqi u xammejna r-riħa tfuħ tal-ħass, ħabaq, insalata, bajtar tax-xewk fost oħrajn u fuq karti b’forom ta’ ħxejjex, ktibna talba ta’ maħfra ta’ kemm-il darba ħlejna jew ma kilnix l-ikel. 

Tlabna għall-persuni morda fuq karti b’forom ta’ sodod. Missejna l-ilma frisk u xarrabna wiċċna waqt li tfajna l-inkwiet u l-biżgħat tagħna fin-nixxiegħa tal-ilma. Ktibna x-xewqat tagħna fuq friefet ikkuluriti u ktibna t-talba personali tagħna fuq il-ħajt tat-talb. 

Għalaqna billi żrajna żerriegħa f’qasrija bħala sinjal tal-ħbiberija ta’ bejnietna. 

Nirringrazzjaw l’Alla għal dawn il-ġranet mimlija b’tant entużjażmu, ferħ u paċi fil-qalb.