“Nistgħu nerġgħu nagħmlu oħra?”

 “Issa jien irrid nidħol fil-kaxxa tal-kartun!”
 
“Jien nixtieq nitlob bl-Għarbi, nista’?”
 
“Jien se nieħu soft toy fil-back pack biex  ngħannqu miegħi fil-vjaġġ tiegħi”
 
“Jien naf xi tfisser refuġjat! Bħali! Jien tlaqt mal-familja u ġejna Malta”.
 
“Jien nixtieq nitlob għat tfal bħali li m’għandhomx familja u lanqas dar fejn jgħixu”
 
“Inħobb kollox fin-natura, imma l-iżjed il-kampanja għax hemm il-kwiet u nimxi fiha”
 
“Se nagħti valur ta’ -100 għax mhux sew nitfgħu skart u plastik fil-baħar għax neqirdu l-ħut u jmutu, bħal dik il-baliena li belgħet ħafna plastik”
 
“Irrid nitlob għat-tfal  li m’għandhomx ikel biżżejjed u se npinġilhom ġelat għax hemmhekk għandhom ħafna sħana”
 
“Jien qed ninkwieta għall-ommi għax ma tiflaħx u se tagħmel operazzjoni daqt”
 
“Aħna ġejna minn Għawdex kmieni bil-vapur u qed nieħu gost nagħmel Prayer Spaces għax sbieħ u qishom krafts”
 
Dawn kienu ftit mill-riflessjonijiet, kummenti u mistoqsijiet li qasmu magħna għexieren ta’ tfal u adoloxxenti meta għamlu l-esperjenza riflessiva permezz ta’ Prayer Spaces waqt il-FEE Fest (Foundation for Environmental Education) Novembru 2018 ġewwa l-iskola medja tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, l-Blata-l-Bajda.
 
Fost il-Prayer Spaces li ġew animati kien hemm fejn wieħed seta’ jitlob għan-nies fid-dinja, fejn jesperjenza xi tfisser li tkun bla saqaf fuq rasek u jitolbu għall-persuni li għaddejjin verament minn din l-esperjenza, il-ħarsien tal-ambjent, l-għatxijiet tal-ħajja, l-ilma li jgħinna nirrilassaw, gratitudni lejn is-sbuħija tan-natura u l-ħolqien kif ukoll riflessjoni dwar ir-refuġjati.
Diversi studenti li jiffurmaw it-timijiet ta’ Ekoskola minn skejjel primarji u sekondarji tal-istat u tal-Knisja attendew.  Wara li fil-FEE Fest fis-snin preċedenti kienu daqu din l-esperjenza għall-ewwel darba, meta marru lura fil-klassijiet tagħhom,  qalu lil sħabhom kemm ħadu gost jitolbu b’dan il-mod kreattiv.
Matul dawn it-tlett ijiem tibqa’ mistagħġeb kemm it-tfal jafu jesprimu lilhom infushom meta jsibu ambjent sigur, sempliċi u li jistgħu jirrelataw miegħu faċilment. Wiċċhom jixhed sens ta’ ferħ u entużjażmu u żgur li dawn l-esperjenzi se jibqgħu fil-qlub ta’ dawn it-tfal għaliex iltaqgħu ma’ tfal oħra b’realtijiet kemm simili għal tagħhom, kif ukoll b’realtijiet oħra u diversi minn tagħhom. Flimkien mal-edukaturi tagħhom, iltaqgħu m’Alla permezz ta’ talb u riflessjonijiet li għamlu kemm b’mod personali, f’pari jew gruppi żgħar.
 
Nixtiequ nirringrazzjaw lil Ekoskola li għat-tielet sena konsekuttiva tawna l-opportunità li nippovdu din l-esperjenza ta’ Prayer Spaces marbuta mal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli.

One thought on “Prayer Spaces waqt FEE Fest Novembru 2018”

Comments are closed.