Għat-tieni sena konsekuttiva l-Eko skola stednitna biex narmaw prayer spaces relatati mal-ambjent u l-ħolqien waqt avveniment hekk imsejjaħ FEE Fest. (Foundation for Environmental Education Fest) Dan l-avveniment li jsir fuq medda ta’ tlett ijiem, jagħti opportunità lil ħafna studenti jsiru aktar familjari ma’ programmi dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Din is-sena l-FEE Fest sar bejn l-10 u t-12 ta’ Jannar 2018 fl-Iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi, fin-Naxxar.

Kien hemm mumenti ta’ talb profondi ħiereġ mill-qlub ta’ dawn l-istudenti meta rriflettew dwar dak li qed jinkwethom u jbeżżagħhom.
Dawn huma xi wħud mit-talb miktub fuq sticky notes:

“Jien naf xi tfisser tgħix f’kaxxa tal-kartun għax għamilt tlett xhur ngħix hekk qabel ma’ wasalt Malta” “Jien ħassejtni skomdu norqod f’kaxxa ta’ kartun u bla ikel. Ħassejtni mbeżża’ fid-dlam. Tlabt għat-tfal daqsi li jkollhom dar bħali.
“Il-ħajja mhix faċli għalija dejjem imbeżża’ li missieri ma jiġix għalija u jħallini dejjem għand in-nanna”
“Nitlob għat-tfal bħali biex jaqtgħu l-għatx tal-imħabba. Nixtieq li lili jħobbuni bħal ma jħobbu lil ħuti. Naħseb lili ma jħobbunix ħafna għax ma tantx jagħtu kasi”
“Jien irrid naqta’ l-għatx tal-ħbiberija vera. Se nagħmel minn kollox biex lil ħabiba tiegħi napprezzha u ma niġġilidx magħha jew ngħajjarha”
“Jien kollox jogħġobni fil-ħolqien għax nara kemm hu kbir Alla biex ħalaq kollox sabiħ. Ara x-xemx kemm tkun sabiħa tiela’ fil-għodu!”
![]() |
![]() |