Kienu ġranet ta’ ferħ, barka u grazzja!

 
L-esperjenza ta’ Prayer Spaces kompliet f’Għawdex ukoll meta nhar it-Tnejn 12 u t-Tlieta 13 t’Awwissu, ġew ippreparati diversi  prayer spaces mibnija fuq il-Kantiku tal-Ħlejjaq ta’ San Franġisk fil-Kappella u l-Wied tal-Lunzjata ġewwa Kerċem. Tfal miċ-Ċentri ta’ Kerċem, Xagħra, Għajnsielem u x-Xewkija attendew.

Dawn huma x’uħud mit-talb li kitbu t-tfal:
 
“Ġesù għin lin-nanna tiegħi.”

“Nixtieq nitlob għall-kuġina tiegħi li għandha s-sogħla.”

“Nixtieq nitlob għal min m’għandux dar u għal min m’għandux mummy 
daddy.”

“Nitlob għal dawk in-nies li qegħdin fil-missjoni.”

“Ġesù għin il-babies li qegħdin l-isptar.”

“Għaz-ziju tiegħi biex isib xogħol.”

“Ġesù nitolbok biex iżżomm għajnejk fuq missieri ħalli jfieq.”

“Għall-morda fl-isptar li ma jmur ħadd ħdejhom.”

“Ġesù, aħfirli ta’ meta armejt l-ikel u ma kiltux.”

“Papà tiegħi, nixtieq tfieq.”

Nitolbu għall-morda
Ħajt tat-Talb
 
It-tfal fost l-oħrajn komplew jaħsbu kif jistgħu jnisslu tbissima lil ħaddieħor u kif idawlu l-ħajja ta’ xi ħadd li għaddejjin minn xi żmien ikrah.
Nagħti bewsa u tgħanniqa lill-mamà
 

Talbu maħfra għall-ikel li ma kilux jew gergru li l-ħobż li jkollhom fil-lunch box ma jogħġobhomx. Talbu għal-diversi qraba tagħhom ġewwa l-Kanada, l-Awstralja, l-Ingilterra u pajjiżi oħra u poġġew xemgħa fuq dawn il-pajjiżi fuq il-mappa tad-drapp li kien hemm.

Nitolbu għan-nies fid-dinja

 It-tfal komplew jibnu l-katina tal-ħbiberija meta kitbu talba ta’ ringrazzjament għal-ħabib/a tagħhom. Poġġew bil-qegħda fuq kuxins ġewwa kamp u għalqu għajnejhom biex joqogħdu ftit mumenti għall-kwiet, hekk japprezzaw is-silenzju.

Katina ta’ ħbiberija
                                                              
Fil-kamp għall-kwiet
Pinġew l-istaġun favorit tagħhom fuq platt tal-kartun waqt li rringrazzjaw lil Alla għall-ħolqien.

Grazzi tal-ħolqien
L-ambjent tal-wied u mdawwar bl-għelieqi kompla jsebbaħ u jgħin lit-tfal japprezzaw il-ħolqien.
Huma għarfu ukoll jużaw is-sensi tagħhom hekk kif it-tfal setgħu jxommu l-arja pura tal-kampanja, jaraw l-għelieqi sbieħ mimlija ħxejjex u siġar tal-frott. F’dak l-ambjent daqstant sabiħ u naturali, t-tfal setghu jisimgħu b’attenzjoni l-għasafar jgħannu u l-ħsejjes tal-irwieżaq. Huma raw ukoll diversi friefet ikkuluriti jittajru minn fuq siġra għall-oħra kif ukoll gremxul u insetti oħra li għal xi wħud kienet esperjenza unika.
 
  It-tfal daħlu ukoll fil-kappella fejn ingħatat spjegazzjoni dwar il-Madonna tal-Lunzjata li għaliha hija ddedikata din il-kappella. It-tfal talbu ukoll talb spontanju lil Marija.
Tagħrif dwar il-kappella tal-Lunzjata flimkien ma’ talba lil Madonna
Fl-aħħar tal-esperjenza l-edukaturi li ġew mat-tfal qasmu magħna hekk:

“Din l-attività kienet organizzata tajba u li ġġiegħelek titlob.”
 
“Nixtiequ nerġgħu nipparteċipaw is-sena d-dieħla għalhekk inżommu kuntat”