Ages
  • Primary Years
  • Middle Years
  • Secondary Years
  • Post-Secondary Years
Bookmark

Kien tfajjel ta’ xi għaxar snin. Waħdu. Imxarrab għasra. Kien jidher li tilef it-triq. Mar ħdejn il-pulizija u wrieh indirizz. Il-pulizija wara li qrah tah id-direzzjoni ta’ fejn irid imur.

“Kulma għandek tagħmel hu li tinżel mat-triq ta’ ħdejn ix-xmara. Sib it-tieni pont u aqsmu. Imbagħad imxi 50 pass fuq ix-xellug, issib triq għat-telgħa. Itlagħha kollha u tara quddiemek pjazza kbira. Hemm tara ħanut tal-merċa. Id-dar li qed tfittex qiegħdha viċin.”

It-tifel irringrazzjah imma ħassu mifxul. Dlonk resaq raġel li kien qed jisma’ kollox: ‘imxi miegħi ibni. Jiena sejjer ‘l hemm.’

U tefgħu taħt inċirata. Ħaddnu miegħu u bdew mexjin sakemm waslu sal-post: “Grazzi ħabib. Mingħajrek ma kontx nasal.”

Raġel f’kamp tal-konċentrament offra biċċa ħobż lil raġel ieħor waqt li qallu: ‘Ħudha ħabib, tidher li teħtieġha iktar minni.”

“Il-biċċa ħobż tiegħek mhux biss taffietli l-ġuħ li kelli, imma nisslet fija x-xewqa li nkompli ngħix, għax rajt li fid-dinja krudila li qed ngħixu fiha għad fadal ħafna tajjeb.”

15 ta’ Frar 1921 – Għall-Isptar ‘Kane Summit’ fi New York din id-data kienet ta’ importanza kbira. Għall-ewwel darba kienet ser tintuża s-sistema ‘loppju lokali’ flok loppju totali. Differenza kbira għax waqt li bis-sistema tal-ewwel il-pazjent kien jibqa’ f’sensih u jista’ jara l-operazzjoni, fit-tieni l-pazjent jintilef min sensih għal kollox u jqum wara li jkun intemm l-intervent. Is-sistema tal-loppju lokali kienet xi ħaġa ġdida u ħadd ma ried ikun l-ewwel wieħed.

Iżda Dr Kane kien jemmen ħafna fis-sistema. Kien jgħid li jkun ħafna  aħjar jekk il-pazjent ikun f’sensih għax jista’ jgħin lill-Professur meta dan jitolbu jieħu nifs twil, jitqalleb, idur biex ikun f’pożizzjoni aħjar u l-bqija. Ħafna tobba u professuri kienu jaqblu miegħu iżda malli jistiednu lill-pazjent, dawn mil-ewwel jiżolqu, min bl-iskuża li ma jridx ikun l-ewwel wieħed u min għax ma jiflaħx joqgħod iħares lejn dawn in-nies kollha jiftħuħ u jerġgħu jħituh.

Iżda fil-ħmistax ta’ Frar inqala’ l-pazjent mixtieq. Kien ilu ġranet isofri minn uġigħ qawwi, u wara li saru t-testijiet meħtieġa sabu li kellu bżonn ineħħi l-appendiċite. U dan il-pazjent ma sab ebda oġġezzjoni li juża s-sistema ta’ loppju lokali. Għax il-pazjent kien Dr Kane innifsu u kien ser jopera lilu innifsu. Biex iħajjar lill-pazjenti oħra ma jibżgħux mis-sistema, Dr Kane għażel li jsir pazjent hu stess.

L-operazzjoni rnexxiet u s-sistema bdiet tintuża f’ħafna sptarijiet Amerikani u anke Ewropej.

Benjamin Franklin, Senatur Amerikan, xtaq ħafna li jdawwal it-toroq ta’ beltu bil-lejl imma ħass li jekk joħroġ xi liġi biex l-abitanti iħallsu għal dan id-dawl kien isib ħafna opożizzjoni. Minflok, Benjamin għamel ġmiel ta’ fanal u dendlu mal-faċċata tad-dar tiegħu. Miegħu kellu lampa mimlija żejt – ġo bozza tal-ħġieġ. Intogħġob ferm u n-nies intebħu kemm hu ta’ siwi. Fi triqtu kien hemm xi tnejn jew tlieta li kkupjawh u maż-żmien it-tlieta saru għaxra, għoxrin. U residenti ta’ toroq oħra għamlu bħalhom. U hekk bil-mod il-mod it-toroq ta’ Philadelphia bil-lejl kienu mdawlin mill-istess residenti li ħassew li huma ma għandhom xejn inqas minn Franklin. Jekk dan kien kapaċi jżomm fanal mal-faċċata ta’ daru, huma riedu juru li kapaċi daqsu! Bħalma jgħidu…l-eżempju jkaxkar.

Aktarx li hi leġġenda imma fiha tagħlima: Telemachus kien raġel twajjeb…b’qalb tad-deheb. Kien jgħix fid-deżert biex fis-sikta u s-solitudni jisma’ aħjar leħen il-Mulej. Iżda sikwit kien ikollu viżti minn ħbieb biex jitolbuh xi parir u biex jgħinhom jurihom it-triq.

Darba, xi ħadd qallu li fil-belt ta’ Ruma qed ikun hemm amfiteatri mimlija nies jgħajtu ferħanin waqt li żewġt irġiel ikunu jiġġieldu għall-mewt. Telemachus ma felaħx jisma’ dan, u ddeċieda li jħalli d-deżert biex jgħid li dawk l-eluf, li aħna aħwa u ma nistgħux intemmu ħesrem ħajjet xulxin.

U Ruma sab dak li qalulu. Daħal mal-folla fil-Kolossew. U meta l-ġlieda kienet fl-eqqel tagħha Telemachus ħarab għal nofs l-arena u mar bejn iż-żewġ ġellieda. Ma riedx iħallihom jiġġieldu. Dawn warrbuh u tefgħuh mal-art biex ikomplu l-ġlieda. In-nies ukoll bdiet tgħajjat biex jitlaq għax kien qed itellifhom il-gost kollu. Imma Telemachus kien deċiż li ma jħallihomx ikomplu. U għalhekk suldat resaq lejh u nifdu. U l-ġlieda kompliet.

Imma meta n-nies intebħet li Telemachus kien dak ir-raġel twajjeb tad-deżert, iddispjaċiha bi sħiħ. Kienu jħobbuh. Fehmu li kien ħalla ħajtu biex jurihom il-bluha ta’ dawn il-ġlidiet. U minn dakinhar ħafna nies ma marrux iktar għall-ġlidiet bejn il-gladjaturi.

Suldat mar fejn l-għaref tad-deżert u staqsieh: “Għidli x’inhu l-infern u x’inhi l-ġenna?”

Ir-raġel għaref ħares lejh u bil-herra qallu: “U int bħalek…ma tifhem f’xejn, dgħajjef u bla ħila f’moħħok għax dejjem imxejt fuq dak li qallek ħaddieħor u qatt ma meddejt pass wieħed min rajk. Int li f’ħajtek tiekol bla ma taħdem…tkisser u qatt ma tibni…”

Is-suldat ma felaħx iżjed. Silet is-sejf imma r-raġel għaref dlonk qallu: “Tajtek stampa tal-infern.”

Imbagħad tbissem lis-suldat u kompla: “Ħadt pjaċir ħabib li ġejt ħdejja. Illum oqgħod kul miegħi. Naqsmu flimkien dak li l-Mulej ipprovdielna. Jixraqlek tistrieħ ftit, wara tant xhur ta’ tbatija u periklu.”

Is-suldat daħħal is-sejf f’postu u waqt li faqqa’ daħka qallu: “U din naħseb li hi l-ġenna!”

“Eżatt ħabib,” qallu r-raġel. “Fhimt kollox bi ftit kliem.”

Bejjiegħ ta’ kumpanija taż-żraben intbagħat fuq xi gżejjer żgħar qrib il-kosta Spanjola u mar lura għand il-kumpanija bla ma biegħ imqar par żarbun wieħed, għax qal: “Hawn in-nies għadhom jimxu ħafjin.”

Xi ġimgħat wara ditta oħra bagħtet bejjiegħ ieħor u dan ġie lura bi skoss ordnijiet, sodisfatt għax fil-gżejjer ħadd ma kien għad kellu żarbun.” U malli biegħ wieħed l-oħrajn kollha riedu par bħalu.

Kienu qed jiddiskutu t-traduzzjoni tal-Bibbja: ‘għalija l-isbaħ verżjoni hi dik tar-Re Ġakbu miktuba b’Ingliż klassiku!”

“Nippreferi dik Amerikana miktuba b’Ingliż li jifhmu kulħadd.’

‘Nagħżel iktar dik ta’ Ġerusalemm għax miktuba bi stil mexxej imma minn esperti tal-Bibbja.’

“L-isbaħ traduzzjoni,’ qabeż wieħed mis-semmiegħa, “hi dik ta’ ommi … li kapaċi tittraduċi l-Bibbja f’għemejjel ta’ mħabba”.

Is-Sindku tar-raħal kiser siequ l-leminija u kellu jagħmilha fil-ġibs. Peress li t-tabib qallu biex jagħmel 6 ġimgħat fil-ġibs kellu, jrid u ma jridx, jidra jimxi bil-krozzi.

Dam ħafna jipprova sakemm telaq jimxi bihom. Pero’, aktar ma beda għaddej iż-żmien, aktar beda jidra. Tant li wara 5 ġimgħat beda jimxi qisu mhux hu. Meta għaddew is-6 ġimgħat, it-tabib neħħielu l-ġibs. Is-sindku ried li jieħu l-krozzi miegħu. Għalxejn qallu t-tabib li issa ma għandux aktar bżonnhom. Ried jibqa’ jimxi bil-krozzi għax qal, li bihom kien jimxi aħjar, kien jgħaġġel iżjed.

Baqa’ jimxi bihom. Mhux biss hu, imma ġiegħel lil tal-familja jagħmlu bħalu.

‘Ma tafux x’intom titlifu,” kien jgħidilhom. “Aħna ġejna maħluqin biex nimxu bil-krozzi.” U oħroġ il-għaġeb, tal-familja tiegħu bdew jimxu wkoll bil-krozzi. Il-ħbieb tas-sindku tkaxkru mill-eżempju tagħhom, u m’għeluq is-sena, ir-raħal kollu kien jimxi bil-krozzi.

Mela jgħaddi wieħed turist minn dan ir-raħal u wara li ra lil kulħadd bil-krozzi qalilhom biex jarmuhom u jimxu mingħajrhom. Ilkoll qabżu fuqu u ħaduha qatta bla ħabel kontrieh għax qalu li hu kien qiegħed fl-iżball. U hekk baqgħu jimxu, u jiġru bil-krozzi.

Meta William McKinley kien President tal-Istati Uniti, kellu jagħmel għażla dwar min jaħtar bħala ambaxxatur. Żewġ persuni kellhom l-istess kwalifiċi. Quddiem għajnejh tfaċċa episodju li għenu f’din l-għażla.

Ftakar li hu, meta kien għadu membru fil-kungress, kien qiegħed juża t-trasport pubbliku. Kien inzerta l-aħħar siġġu vojt li kien fadal fil-karozza. Ftit wara telgħet mara anzjana ġġorr basket tqil mimli ħwejjeġ. Peress li ħadd m’offrielha post, baqgħet dieħla ‘l ġewwa fil-karozza u qagħdet fil-passaġġ, tipprova żżomm il-bilanċ hekk kif il-karozza tikser minn naħa għal oħra.

Inzerta li wieħed minn dawk it-tnejn li McKinley kellu jagħżel bħala ambaxxatur kien bilqiegħdha eżattament ħdejn il-mara. McKinley innota li minflok ma għenha, għolla l-gazzetta biex taparsi ma rahiex. Meta ra hekk, McKinley, qam, mexa tul il-passaġġ, ġarrilha l-basket u ċedielha postu.

Dan l-att ta’ egoiżmu sewa lil dik il-persuna l-unur ta’ ambaxxatur.

Wieħed mil-qaddejja ta’ Allessandru l-Kbir kien qed isuq bhima tat-tagħbija lejn it-tinda tas-sultan. Meta ra li t-tagħbija kienet kbira wisq għall-bhima, neħħa parti mit-tagħbija u ġarrha fuq spallejh.

Milqut minn din l-imġiba, Allessandru sejjaħ lill-qaddej u qallu: “Il-borża li qed iġorr fuq spallejk ħudha bħala rigal mingħandi. Tixraqlek.’ Meta fetaħ il-borża, il-qaddej isib li kienet mimlija deheb.

Jum fost l-oħrajn wieħed sid qabbad lill-qaddej ta’ Esopu biex imur jixtrilu mis-suq ftit ikel bnin. Meta Esopu ġie lura, offra lil sidu lsien.

L-għada, is-sid reġa’ bagħat lill-qaddej jixtrilu. Iżda din id-darba talbu jixtrilu xi ikel mhux daqshekk tajjeb. Iżda l-qaddej reġa’ ġie lura bi lsien ieħor.

Meta s-sid staqsa lill-qaddej għalfejn id-darbtejn ġie bl-ilsien, il-qaddej qallu: ‘It-tajjeb jiġi minnu u l-ħażin ukoll. Meta l-ilsien jintuża tajjeb m’hemm xejn aħjar minnu, iżda meta jintuża ħażin, m’hemm xejn agħar minnu.”

F’raħal żgħir fl-Italja, żmien ilu, miet raġel, missier ta’ erbat itfal. Miet ħesrem, fl-aħjar tiegħu f’inċident. Il-ġirien inġabru madwar il-post u kollha bdew jgħidu kemm jiddispjaċihom għal dan ir-raġel…kif ukoll għal martu u għal uliedu. Wieħed mill-irġiel li kien fil-qrib qalilhom: ‘Ħbieb…kollha qed tgħidu li jiddispjaċikom. Imma bil-paroli biss it-tfal ser jibqgħu bil-ġuħ. Jien ukoll jiddispjaċini u biex nuri d-dispjaċir tiegħi, ara hawn xi ħaġa tal-flus biex martu jkollha biex tgħajjixhom almenu għal ftit.”

L-eżempju tar-raġel ħajjar oħrajn jagħmlu l-istess u f’kemm ili ngħidlek inġabret somma sabiħa ta’ flus li wara ngħatat lill-armla.

Il-ħniena u l-karita’ mhux paroli ….imma fatti!

Peter Cornelius, pittur imsemmi, kien fi triqtu lejn Ruma, fi żminijiet meta l-mezzi tat-trasport kienu limitati għar-riġlejn u forsi permezz ta’ xi ħmar. Waqaf fid-dar ta’ bidwi fqajjar u talbu jħallih jgħaddi l-lejl għandu. Dan, meta ra s-sura tiegħu, aċċetta. Hejjielu ikla sħuna u wara li kiel, il-pittur intefa’ fuq is-sodda għax ħassu għajjien mejjet. Iżda ma raqadx u meta kien imkebbeb fil-kutri sema’ lill-bidwi jgħid lil uliedu: “Ejjew irroddu ħajr lil Alla ta’ dak li pprovdielna u niftakru ukoll f’dan il-proxxmu li ġie għandna l-lejla. Jidher li ftit jiftakar f’min ħalqu għax la rajtu jitlob qabel u anqas wara l-ikel.”

Cornelius tbissem u ma lissen ebda kelma iżda kliem il-bidwi baqa’ jidwi f’widnejh sakemm wasal li jibdillu ħajtu.

Robert Lee, il-famuż mexxej Amerikan, darba kien qed jivvjaġġa fuq ferrovija ma’ xi uffiċċjali u suldati tiegħu meta fil-vagun tagħhom daħlet mara fqira. Ma kienx baqa’ postijiet vojta u ħadd m’offrielha postu.

Fl-aħħar malli l-ġeneral Lee raha bilwieqfa qam u offrielha postu. Kif raw il-ġeneral tagħhom bilwieqfa, l-uffiċċjali u s-suldati kollha qamu u talbuh jieħu posthom. “le sinjuri.” Għallimhom Lee, ‘jekk m’intomx lesti li toffru postkom lil mara fqira, lanqas ma tistgħu toffruh lili.”

Darba waħda wieħed tallab, li kien jinsab f’nofs ta’ triq jittallab il-karità ltaqa’ bla ħsieb mas-sultan Alessandru l-Kbir. It-tallab, għalkemm ma kellu ebda dritt jitlob lil sidu, għamel il-wiċċ u talab l-għajnuna lil Alessandru. Minn naħa tiegħu r-re tah diversi muniti tad-deheb.

Wieħed li kien ma’ Alessandru baqa’ skantat bil-ġenerożità u qallu: “Maestà, ftit muniti tal-bronż kienu jkunu biżejjed għall-bżonnijiet tat-tallab. Għalfejn tajthomlu tad-deheb?”

Iżda s-sultan tah tweġiba li fiha x’tomgħod. “Veru li l-muniti tal-bronż kienu jkunu biżżejjed għat-tallab, imma għal Alessandru jkun aktar jiswa li jkunu tad-deheb.”

Grazzi lis-Sur Duncan Ciappara li ġabar u qasam dal-istejjer



We want to get to know you. To be able to bookmark your favourite content, please log in or sign up below.

User Sign Up

  • This field is for validation purposes and should be left unchanged.


Discover more resources