English

Għan: Biex ngħinu lill-istudenti jifhmu li bħala Nsara jeħtieġ li nimpennjaw irwieħna biex nieħdu ħsieb il-fidi tagħna u nrawmu fina valuri morali tajbin bħalma bidwi jikkultiva u jieħu ħsieb l-għelieqi tiegħu.

Introduzzjoni

Bonġu lil kulħadd! Is-sena t-tajba u nilqgħukhom lura l-iskola. Nittama li lkoll kellkom vaganzi sbieħ.

Riflessjoni

It-tema ta’ dax-xahar hija: ‘Niżirgħu t-Tama – Nimpennjaw irwieħna.’ Immaġinaw bidwi jipprepara l-għelieqi tiegħu. Jiżra’ żrieragħ, isaqqi l-art, ineħħi l-ħaxix selvaġġ, u jistenna bil-paċenzja li jikbru. Dan jixbaħ lill-impenn tagħna li nibnu dinja aħjar.  Jeħtieġ li niżirgħu iż-żerriegħa tat-tjubija f’qalbna, ta’ altruwiżmu, ta’ maħfra u ta’ ġenerożità, u nieħdu ħsiebhom waqt li narawhom jikbru. Jeħtieġ  nimpennjaw irwieħna kuljum bħal bidwi, biex dawn iż-żrieragħ jikbru u jwarrdu ġo dinja ferħana.

Il-bidu ta’ sena ġdida huwa żmien meraviljuż biex tagħmel riżoluzzjonijiet ġodda. Propju bħal bidwi li jippjana biex ikollu annata tajba, aħna nistgħu nagħmlu pjanijiet biex nagħmlu ħajjitna u d-dinja ta’ madwarna post aktar sabiħ għal kulħadd.

Dan jista’ jinkludi li tkun ġeneruż lejn l-oħrajn, tgħin lil min hu fil-bżonn, u tkun grat għal dak kollu li għandek. Dan il-pjan ikollu suċċess biss jekk inkunu dedikati f’dak li qed nagħmlu. Ejja nitgħallmu xi jfisser impenn permezz ta’ dan il-vidjo:

Vidjo

Kids Moment: Commitment to God

Attività: Kalendarju ta’ Atti ta’ Tjubija

Riżorsi: mudell vojt ta’ kalendarju tat-tnax-il xahar, pinen, kuluri

Agħmel l-attività li ġejja biex trawwem il-valur tal-impenn għall-azzjonijiet pożittivi  u biex issaħħaħ l-importanza ta’ sforzi bla heda  biex tinkuraġġixxi it-tjubija u l-benna.

Istruzzjonijiet: Agħti lil kull student mudell vojt ta’ kalendarju għax-xahar li ġej. Għidilhom jimlew kull ġurnata b’att partikolari ta’ tjubija jew azzjoni pożittiva illi ser jimpennjaw li jagħmlu. Dawn l-azzjonijiet jistgħu jinkludu li tgħin ħabib fil-bżonn, li tgħid xi ħaġa ġentili lil xi membru tal-familja, li taqsam xi ġugarell ma’ ħuk jew oħtok, li żżur xi membru anzjan tal-familja, li tnaqqas mill-ħin fil-logħob tal-kompjuter, u li tagħti aktar ħin tgħin fix-xogħol tad-dar jew turi gratitudni. (Inkuraġġixxi lill-istudenti jkunu kreattivi u jaħsbu aktar impenji li jistgħu jagħmlu. Matul ix-xahar kollu, huma jistgħu jaqtgħu kull għemil tajjeb malli jlestuh. Fl-aħħar tax-xahar, l-istudenti jistgħu jirriflettu fuq l-esperjenzi tagħhom, jiddiskutu kif l-impenji tagħhom għamlu differenza f’ħajjithom u fil-ħajja tal-oħrajn.)

Talba

O Alla, għinna nkunu bħal bdiewa li b’għożża w mħabba kbira kuljum jieħdu ħsieb l-għelieqi tagħhom.  Iggwidana biex niżirgħu ż-żrieragħ tat-tama u tat-tjubija sabiex flimkien noħolqu dinja aħjar. Ammen.

English