Pjan tal-Lezzjoni (Primarja: Etajiet 8–10) — “Flimkien Nibnu Komunitajiet b’Saħħithom”
👉 Għanijiet:
Fi tmiem il-lezzjoni, it-tfal ikunu jistgħu:
- Jispjegaw id-differenza bejn li nkunu qrib ta’ xulxin u li nkunu flimkien (preżenti għal xulxin) – li jinvolvi azzjonijiet bħal nisimgħu u ngħinu.
- Jużaw il-kelma solidarjetà b’mod korrett bħala attitudni Nisranija: impenn lejn l-oħrajn fi ħdan komunità.
- Jidentifikaw kif l-istudenti jistgħu jkunu preżenti għal xulxin f’kuntesti differenti bħal: fil-familja, fl-iskola, fil-lokal, fil-klabbs u fil-pajjiż, billi jiddiskutu sitwazzjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum u modi pożittivi kif jirrelataw ma’ xulxin.
- Juru rispett f’ambjent multireliġjuż billi jitkellmu dwar il-valuri komuni.
Riżorsi: PowerPoint, “Atti Żgħar ta’ Tjubija” – fuljett biex jiġi adattat
Sommarju tas-sessjoni
- Talba tal-bidu
- Attività icebreaker: Flimkien jew Sempliċiment Qrib?
- Storja – Il-Ġgant Egoist minn Oscar Wilde u diskussjoni ggwidata
- Attività prattika fi gruppi – Missjoni tal-Komunità
- Attività ta’ Konklużjoni – Atti Żgħar ta’ Tjubija (fuljett)
- Talba tal-għeluq
A – Ibda b’talba qasira
Għażiż Ġesù,
Nirringrazzjawk talli ġbartna flimkien illum.
Għinna niftakru li, li nkunu flimkien ifisser aktar milli sempliċiment inkunu fl-istess post.
Agħmel li l-iskola tagħna issir post fejn kulħadd iħossu milqugħ u rispettat.
Ammen.
B – Attività icebreaker (6 minuti): “Flimkien jew Sempliċiment Qrib Xulxin?”
Fuq il-board (jew bil-fomm), aqra dawn id-dikjarazzjonijiet qosra li ġejjin u t-tfal jivvutaw b’idejhom billi jagħmlu dawn l-azzjonijiet:
- Flimkien (azzjoni = żewġ idejn miftuħa)
- Sempliċiment qrib xulxin ( azzjoni = dirgħajn imsallba)
Dikjarazzjonijiet:
- “Żewġ studenti joqogħdu flimkien iżda ma jitkellmux jew ma jinkludu lil ħadd.”
- “Student jinnota li xi ħadd huwa ġdid u jistiednu jingħaqad mal-grupp.”
- “Xi ħadd jistenna lil min imissu jitkellem.”
- “Tim ifaħħar biss lilu nnifsu u mhux lill-oħrajn.”
- “Nies jaħdmu flimkien biex inaddfu wara attività.”
- “Il-kunsill tal-istudenti jiddiskutu kif jistgħu jgħallmu t-tfal jieħdu ħsieb iktar l-ambjent tal-iskola”.
Irrelata fil-qosor mat-tagħlim Kattoliku: is-solidarjetà hija sejħra diretta għal fraternità umana u Nisranija.
C – Storja: IL-ĠGANT EGOIST ta’ Oscar Wilde
Rabta mat-tema “Li Nkunu Flimkien”:
- Għandna bżonn lil xulxin.
- Il-komunitajiet jikbru meta kulħadd ikun inkluż.
- It-tjubija tbiddel il-qlub.
- Li nkunu preżenti għall-oħrajn iġib ferħ lil kulħadd.
Sommarju
Ġgant għandu ġnien sabiħ fejn it-tfal iħobbu jilagħbu. Wara li jkun ilu ’l bogħod għal diversi snin, jirritorna lura d-dar u jirrabja meta jsib lit-tfal hemmhekk. Jibni ħajt għoli madwar il-ġnien u jpoġġi tabella li tgħid: “Dawk li jidħlu mingħajr permess jiġu mħarrka.”
Mingħajr it-tfal, jiġri xi ħaġa stramba. Ir-rebbiegħa ma tasalx fil-ġnien tal-Ġgant. Filwaqt li kullimkien jiffjorixxu l-fjuri u jkantaw l-għasafar, il-ġnien tiegħu jibqa’ sieket, kiesaħ, miksi bil-borra u bla ħajja. Ix-xitwa donnha tibqa’ għal dejjem.
Darba waħda, il-Ġgant jisma’ l-għasafar ikantaw. Meta jħares ’il barra, jinduna li t-tfal sabu mod kif jerġgħu jidħlu fil-ġnien. Kull fejn ikunu qed jilagħbu, jiffjorixxu l-fjuri, jiffjorixxu s-siġar u terġa’ tasal ir-rebbiegħa. Il-Ġgant jinnota tifel żgħir ma jistax jitla’ ma’ siġra. Qalb il-Ġgant tirtab. Imur għandu u bil-mod u b’ġentilezza jerfgħu biex ipoġġi fuq fergħa ħoxna tas-siġra, u minnufih is-siġra tiffjorixxi.
Il-Ġgant jirrealizza li kien l-egoiżmu tiegħu li żamm il-ferħ u l-ħajja tal-ġnien ’il bogħod. Jiddeċiedi li jwaqqa’ l-ħajt biex it-tfal kollha jkunu dejjem milqugħa. Minn dak il-mument ’il quddiem, il-ġnien jimtela bid-daħk, il-ħbiberija u l-ħajja, u l-Ġgant innifsu jsir qalbu tajba, ġeneruż u maħbub minn kulħadd.
Ibda billi tistaqsi lill-istudent jgħidulek fi kliemhom fuq xiex kienet l-istorja u wara ddiskutu dawn il-mistoqsijiet:
– X’taħsbu li hu l-messaġġ tal-istorja? Meta nilqgħu lill-oħrajn minflok inwarrbuhom, kulħadd jirnexxi – inkluż aħna stess.
– X’inhuma xi ‘ħitan’ li n-nies kultant jibnu u li dawn jwaqqfu lil oħrajn milli jħossuhom milqugħa? Kif nistgħu ngħinu biex inwaqqgħu dawn il-ħitan?” meta niġġudikaw; nibżgħu minn affarijiet, ideat u kulturi ‘ġodda/differenti’; inkunu mwaħħlin mal-iskrins għal żmien twil wisq u, bħala konsegwenza, ninjoraw il-bżonnijiet ta’ dawk ta’ madwarna; inkunu komdi kif aħna u ma nkunux lesti nagħmlu sagrifiċċji jew sforz biex nagħmlu lill-oħrajn kuntenti, milqugħin u inklużi.
Agħżel mistoqsijiet oħra biex tiddiskutuhom skont il-ħin:
- X’inhi d-differenza bejn li nkunu qrib xulxin u li nkunu flimkien? Li nkunu qrib ifisser li nkunu fiżikament viċin xulxin. Li nkunu flimkien ifisser li nieħdu ħsieb xulxin, naqsmu ma’ xulxin u ninkludu lil kulħadd.
- Liema azzjoni hi l-aktar importanti: nisimgħu, ngħinu, ninkludu, ninkoraġġixxu, nieħdu ħsieb – għaliex? Li ninkludu lil ħaddieħor hija importanti ħafna għax kulħadd irid iħossu li jagħmel parti mill-grupp. Iżda dawn l-azzjonijiet huma kollha importanti u jgħinuna nieħdu ħsieb xulxin.
- Kif jurina Ġesù kif għandna nilqgħu lil xulxin? Ġesù laqa’ lil kulħadd, speċjalment lil dawk li kienu waħedhom jew imwarrbin. Huwa semagħhom, ħa ħsiebhom u tratta lil kulħadd bi mħabba.
- Kif nistgħu nkunu qalbna tajba ma’ xulxin? Billi nisimgħu, ngħinu, naqsmu ma’ xulxin, naħfru, ninkludu lil ħaddieħor u nużaw kliem sabiħ.
- Kif tkun tidher il-vera għaqda fl-iskola tagħna? Meta kulħadd iħossu milqugħ, inkluż u rispettat. Meta ngħinu lil xulxin, nisimgħu lil xulxin u niżguraw li ħadd ma jitħalla barra.
Saħħaħ il-messaġġ li s-solidarjetà mhijiex biss atti individwali; hija responsabbiltà li tħares lejn il-ġid tal-komunità.
Nota għall-animatur: dwar il-multireliġjożità:
- Ma nippruvawx naraw min għandu raġun. Nippruvaw inkunu rispettużi u nitgħallmu minn xulxin.
Dan jirrifletti t-tagħlim Kattoliku li d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet jeħtieġ li jsir filwaqt li nżommu l-identità tagħna ċara (nirrispettaw, iżda ma naċċettawx kollox).
D – Attività prattika fi gruppi (12-il minuta): “Missjoni tal-Komunità”
Istruzzjonijiet:
- Aqsam il-grupp fi gruppi żgħar.
- Mill-PowerPoint uri x-xenarji li ġejjin u ddiskuti kull wieħed minnhom billi ssaqsi dawn it-tliet mistoqsijiet (filwaqt li jżommu f’moħħhom x’jista’ jagħmel Alla f’sitwazzjoni bħal din):
- X’qed jiġri? Kif qed iħossuhom in-nies?
- X’inhi l-missjoni tagħna? Kif nistgħu nagħmlu s-sitwazzjoni aħjar? Eż. Niżguraw li ħadd ma jiekol jew jilgħab waħdu, jew ninkoraġġixxu lill-plejer u nfakkru lil kulħadd li tim jirbaħ u jitlef flimkien.
- X’inhu l-messaġġ? Eż. “Il-missjoni tagħna hi li ninkludu lil kulħadd biex ħadd ma jħossu waħdu” jew “Il-missjoni tagħna hi li ninkoraġġixxu minflok nagħtu t-tort.”
Xi eżempji prattiċi (agħżel 6–8 b’kollox)
- “Student ġdid irid jingħaqad f’logħba iżda kulħadd jinjorah.” (Inkludi + inkoraġġixxi)
- “Xi ħadd jagħmel żball u oħrajn jidħku bih.” (Ħu ħsiebu + għinu, mhux tiżżufjetta bih)
- “It-tim tiegħek jitlef u l-plejers jaqtgħu qalbhom.” (Inkoraġġiment + solidarjetà)
- “Ħabib iħossu inkwetat u ma jitkellimx.” (Għajnuna + smigħ)
- “Attività tal-komunità teħtieġ voluntiera, iżda ħadd ma joffri ruħu.” (Inkoraġġiment + kura tal-komunità)
- “Xi ħadd itella’ xi ħaġa kattiva online.” (Rispett + karità)
E – Attività ta’ konklużjoni:
Agħti lil kull student il-fuljett: Atti Żgħar ta’ Tjubija
L-istruzzjonijiet jinsabu fuq il-fuljett (biex isiru aktar tard fil-klassi jew id-dar).
F – Riflessjoni / Talba tal-għeluq
Ejjew inkunu grati għal xulxin u nirringrazzjaw lil Alla talli jipprovdilna ħafna nies li jħobbuna u jieħdu ħsiebna: il-familja, il-ħbieb, l-iskola tagħna eċċ – mument qasir ta’ silenzju waqt li nirriflettu fuq dan.
Ejjew nitolbu lil Alla jgħinna nkunu preżenti għal xulxin iktar billi nisimgħu, ngħinu, ninkludu u ninkoraġġixxu – mument qasir ta’ silenzju waqt li nirriflettu fuq dan.
Jalla l-iskola tagħna tkun komunità fejn kulħadd iħossu milqugħ u apprezzat. Ammen.
F’Komunjoni, f’Parteċipazzjoni, u f’Missjoni
Din is-sessjoni hija maħsuba biex isservi bħala linja gwida suġġerita għall-Eżerċizzi tar-Randan fl-iskejjel medji u sekondarji. Is-sessjoni tista’ titmexxa jew bħala sessjoni waħda sħiħa ta’ 80 minuta, jew inkella tinqasam f’żewġ sessjonijiet ta’ 40 minuta: l-ewwel waħda tinkludi l-introduzzjoni u l-1 parti, filwaqt li t-tieni sessjoni tkompli bil-partijiet 2 u 3, u bil-konklużjoni.
Introduzzjoni: Nikber ifisser ninbidel (15 -il minuta)
- L-animatur jippreżenta t-tema Nikbru Flimkien u jistaqsi jekk hux aħjar nikbru u naslu waħedna – it-tweġiba tista’ tkun iva – għax jgħidu: “If you want to go fast, go alone, if you want to go far go together.”
Hawn jistieden lill-istudenti jieħdu vot u mbagħad lil xi individwu li jaħseb li aħjar “waħdena” eż jmexxi għadd ta’ siġġijiet minn naħa għall-oħra tal-kamra – sakemm jibda’ jżidlu l-għajnuna minn sħabu (bl-iskop li x-xogħol isir sal-aħħar u joħroġ il-punt).
- L-animatur jgħid li tikber – mhux waħdek imma mal-oħrajn – hija għażla imma mhux tagħna: hija idea ta’ Alla. Għalhekk San Pawl jgħid: “Intom il-magħżulin ta’ Alla, il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu.” Alla għażilna l-ewwel nett biex inkunu bħalu: Qaddisin!
Hawn jispjega li l-kelma “qaddis” tfisser tkun “dedikat-għall-” u allura tkun bniedem “differenti” – sptar huwa bini differenti minn bini ieħor għax dedikat għal kura tal-morda; grawnd tal-football differenti minn kwalunkwe għalqa għax dedikata għall-logħob.
Jgħid li allura hemm konnessjoni bejn li tkun differenti u li tkun dedikat għal xi ħaġa jew xi ħadd, u jistaqsi imma aħna għal xiex aħna dedikati?
- L-animatur jispjega li Alla huwa “Qaddis” jiġifieri għall-kollox differenti minna l-bnedmin għax aħna ħlieqa u Hu l-Ħallieq, aħna dgħajfa u Hu perfett f’Imħabbtu etc imma matul dan ir-Randan Alla qed isejħilna biex ninbidlu għat-tajjeb, ħalli nkunu nixbħuħ, ħalli ngħixu skont il-grazzja li jgħatina l-Ispirtu Qaddis tiegħu, u nikbru flimien (għax waħedna mpossibbli) fil-qdusija kif Hu qaddis.
Hawn jaqsam il-kwotazzjoni ta’ John H. Newman, To live is to change…
1. Bħal Teżor💰moħbi f’Għalqa
Il-perfezzjoni tinsab f’komunjoni ma’ Alla u mal-bnedmin (25 minuta).
Ilbsu mela sentimenti ta’ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar. Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, aħfru lil xulxin; bħalma l-Mulej ħafer lilkom, hekk agħmlu intom ukoll. U fuq kollox ilbsu l-imħabba, li hi l-qofol tal-perfezzjoni (Kol 3:12-14).
- L-animatur jibda’ billi jgħid li – jgħidu – jekk issib komunità perfetta, itlaqa’ għax tħassarha int – Ħadd minna mhu perfett!
Hawn jippreżenta l-kwotazzjoni, din id-darba kompluta: “To live is to change and to be perfect is to have changed often” – fi kliem ieħor anke r-relazzjonijiet tagħna jgħaddu minn tibdil li hu bżonnjuż.
- L-animatur juri għadd ta’ ritratti differenti li jissuġġerixxu tip ta’ “perfezzjoni” u jistaqsi lill-istudenti liem ritratt jaħsbu li l-aktar jiddefinixxi “perfezzjoni.”
Snowflake, arloġġ tal-idejn Svizzeru, rovexxata ta’ Ronaldo, il-Pietà ta’ Michelangelo, tuffieħa sabiħa, Ferrari, cappuccino, tarbija, il-Galassja – huma kollha suġġerimenti validi.
- L-animatur jgħid li meta Ġesù jitkellem fuq “perfezzjoni” jgħidlu hekk lż-żgħażugħ għani: Jekk trid tkun perfett, mur, biegħ il-ġid li għandek, agħtih lill-foqra, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja (Mt 19:21).
Hawn ifisser li Ġesù qed jagħmlilna stedina għal komunjoni miegħu. Hu biss, bħala Alla, tassew perfett. Għalhekk jgħid ukoll:”Kunu perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet.” Ġesù jistidinna mhux biss biex naqsmu l-ġid tagħna mal-oħrajn, iżda wkoll biex inħallu warajna l-ideat tagħna stess ta’ “perfezzjoni” u nħaddnu l-mod kif jifhimha Ġesù. Hekk insibu t-teżor veru tagħna fih.
L-animatur jgħaddi mudell ta’ teżor lill-istudenti u jistedinhom jiktbu fuqu tweġibiet/talb għal dawn il-mistoqsijiet riflettivi:
- X’inhu prezzjuż għalik jew fik? X’għandek bżonn titgħallem taqsam aktar mal-oħrajn, speċjalment ma’ min m’għandux jew ma jafx?
- Liema mill-kwalitajiet li jsemmi San Pawl – kwalitajiet ta’ Ġesù – trid titlob lill-Mulej jgħinek tikber fihom: ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa jew sabar?
2. Bħalma l-friegħi fid-Dielja 🍇
Il-ferħ u l-paċi fina, meta nipparteċipaw f’komunità ta’ fidi (15 -il minuta).
Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom, dak is-sliem li għalih kontu msejħa biex issiru ġisem wieħed. U ta’ dan roddu ħajr lil Alla (Kol 3:15).
- L-animatur jisħaq li komunjoni ma’ Ġesù hija essenzjali biex nagħmlu l-frott tal-imħabba, tal-hena, tas-sabar, tjieba, ħlewwa etc. u jikkwota Ġw 15:5,10-11.
Hawn tintwera formola tinspejga is-silta’: Dielja-friegħi; Ġesù-aħna; Kmandamenti-ferħ u paċi fina.
- L-animatur jgħid li l-kontra jgħodd ukoll: Jekk inkunu mimlijin bil-ferħ u l-paċi fina, nkunu nistgħu ngħixu l-Kmandamenti aħjar.
Hawn l-istudenti jkunu mistiedna jitolbu din it-talba li l-qassis jitlob fil-quddiesa:
Eħlisna, nitolbuk, Mulej, minn kull deni; agħtina, fit-tjieba u l-ħniena tiegħek, il-paċi fi żmienna, biex inkunu ħielsa dejjem mid-dnub u mħarsa minn kull inkwiet, aħna u nistennew u nittamaw l-hena u l-miġja tas-Salvatur tagħna Ġesù Kristu.
- L-animatur jipproponi li s-sliem ta’ Kristu jista’ jkompli jasal għandna b’diversi modi, mhux inqas meta nkunu membri attivi fi ħdan kommunità ta’ fidi. Ma mmorrux il-bogħod għax l-iskola tista’ tkun waħda minnhom. (Jekk l-istudenti huma minn skola medja, hawn tkun opportunita biex ikunu mħeġġa jkomplu jattendu l-laqgħat tal-adoloxxenti etc).
Hawn tista’ tkun okkażżjoni sabiħa biex l-istudenti jisimgħu testimonjanza ta’ xi żgħażugħ/a. Xhieda rrekordjata tgaħdem ukoll.
3. Bħal Belt fuq Muntanja ⛰️
Il-fidi u l-maturità tagħna jidhru mix-xhieda li ngħatu u l-missjoni li ngħixu (20 minuta).
Ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom; għallmu bl-għerf kollu u widdbu lil xulxin b’salmi u innijiet u b’għana spiritwali, u b’radd il-ħajr kantaw f’qalbkom innijiet lil Alla (Kol 3:16).
- L-animatur jgħid li meta aħna nesperjenzaw xi ħaġa ta’ veru, tajba, jew sabiħa (u jġib eżempji) nħossu fina bħal imbuttatura biex naqsmuha ma’ oħrajn.
Hawn jgħid li testimonjanza bħal din li għadna kemm smajna, tgħina fil-fidi tagħna – u min qasamha magħna kien jaf li hi ħaġa wisq prezzjuża biex iżomma għalih innifsu.
- L-animatur ixxebaħħ dan il-proċess ta’ “sharing” ma wieħed li jista’ jsir “viral” u jgħid li l-komunità ta’ dawk li jemmnu tikber propju b’dan il-mod: mix-sharing li jagħmel Ġesù magħna – sharing li jibqa’ jiġi mgħoddi minn persuna għall-oħra sakemm dak li jrid jgħaddilna Ġesù jasal għandna permezz dawk li b’xi mod irċevew minn għandu.
Hawn jista jgħaqqad mal-frażi “ejja u ara”: stedina mingħand Ġesù lil ewwel dixxipli (John 1:38-39), li ssir stedina mid-dixxipli sabiex aktar nies isiru jafu li Ġesù (John 1:46).
- L-animatur jammetti li fil-fatt “aħna” jista’ jkollna xi jtellifna miili naraw (nemmnu!), aħseb u ara kemm ser nuru lil oħrajn. Jgħid li l-kliem, “ejja u ara” intużaw wkoll minn nies li ma emmnux li Ġesù seta’ jagħmel differenza fil-ħajjiet.
Hawn, wara spjegazzjoni qasira li Ġesù beka quddiem in-nuqqas ta’ fidi, l-istudenti jkunu mistiedna jipparteċipaw f’attività ta’ talb bħal Blata Tqila (li tista’ tgħin biex issir turija ta’ fidi). L-istudenti jistgħu jitilgħu wieħed wieħed u waħda waħda filwaqt li tindaqq “Come and See.“
Konklużjoni: Nikbru flimkien ifisser nikbru f’armonija ma’ Alla u bejnietna (5 minuti).
Kulma tagħmlu jew tgħidu, agħmlu kollox f’isem il-Mulej Ġesù, u roddu ħajr lil Alla l-Missier permezz tiegħu (Kor 3:16).
- L-animatur jispjega li jekk Babel ifakarna li meta naħdmu waħedna individwalment jew flimkien imma mingħajr Alla aħna nitħawdu u ma nibqgħux nifhmu lilna nfusna u lil xulxin, il-ġrajja ta’ Penetekoste bil-kontra: aktar ma nkunu flimkien f’isem Alla aktar ser inkunu f’armonija u nistgħu nagħmlu minn ħajjitna rigal għal tant oħra.
Hawn tista’ tittieħed l-okkażżjoni biex tiġi mnedija inizzjattiva missjunarja.


