Alex hu żagħżugħ tamparek. Dejjem wiċċu għad-dawl, jitbissem u jferraħ lil ta’ madwaru. Tieħu gost tiltaqa’ miegħu; ma tkunx trid titilqu. F’qalbek ikollok tistaqsi: Għaliex hu daqshekk popolari? Għaliex dejjem imdawwar bil-ħbieb? Għaliex kulħadd ifittxu biex ikun miegħu?
Imma fil-verità, bħal kull żgħażugħ ieħor, Alex ukoll ikollu diversi diffikultajiet fl-iskola u fil-familja. Ħafna drabi jħossu mtaqqal. Imma huwa tgħallem iżomm attitudni pożittiva, jiġrilu x’jiġrilu. Meta darba staqsewh kif jirnexxilu jibqa’ ferħan u pożittiv, Alex wieġeb hekk:
Nipprova nkun grat għal dak li għandi: il-familja, il-ħbieb, il-ħajja, l-affarijiet li għandi. Napprezza l-ħajja. Irrid noħlom, imma sadattant irrid nieħu gost b’li għandi anke jekk mhux ħafna jew mhux eżatt kif nixtieq.
Irrid nemmen li kull mument ta’ ħajti huwa perfett, anki jekk jiġru affarijiet koroh madwari u nisma’ xi aħbar kerha. Il-mumenti koroh ukoll huma parti mill-ħajja imma ma nħallihomx ikaxkruni.
Irrid li jkolli sens umoristiku, nitgħallem nidħak. Id-daħk joħloq enerġija pożittiva ġo fija u f’min jismagħni. Mhux kollox serju u traġiku!
Meta tiġi opportunità sabiħa, naħtafha! Billi noqgħod id-dar fuq is-sufan, naħsibha biss, ma nasal imkien. Irrid inqum u nipprova esperjenzi ġodda li jgħinuni nkabbar il-ferħ ġo fija.
Irrid li l-ferħ ikun parti minni u minn ħajti. Il-ferħ ma jiġix minn barra imma minn deċiżjoni li nieħu jien biex inħaddnu ġo fija.
Irrid nibdel il-kelma ‘problema’ fil-kelma ‘sfida’. Meta nħares lejn xi ħaġa bħala problema jiġifieri jkolli nara kif se nirranġa dak li mar ħażin. Jekk inħares lejha bħala sfida, nibda nara x’nista’ nagħmel biex negħlibha.
Il-ħajja rrid ngħixha, mhux niġġildilha. Il-ħajja hija vjaġġ twil mimli avventuri. Dan il-vjaġġ jibda b’passi żgħar, ġurnata wara l-oħra. Hekk, il-vjaġġ isir eħfef u isbaħ.
Irrid naħseb f’nies li jġibuli l-ferħ f’ħajti, nagħmilha ma’ min hu ottimist. Irrid nittieħed mill-attitudni pożittiva tagħhom biex jien ukoll nimtela b’enerġija pożittiva.
Irrid nara inqas, nisma’ inqas u naqra inqas dwar aħbarijiet negattivi. Irrid niffoka aktar fuq is-sabiħ li jiġri madwari, u hekk jibqagħli aktar ħin nisma’ mużika sabiħa, inxomm il-fjuri fil-ġnien, induq l-ikel li għandi quddiemi, u niftakar fis-sbuħija tal-ħajja, anki fl-aktar affarijiet sempliċi ta’ kuljum.
Bilħaqq! Alex ipprintja dil-lista u dendilha mal-friġġ biex meta jħossu down imur jaqraha u jerġa’ jiftakar li l-ħajja hija sabiħa – jinqala’ x’jinqala’ u jiġri x’jigri fil-ġurnata.
–
Novembru 2016
Attività ta’ Talb
Wara l-animazzjoni tal-istorja riflettiva, tista’ tieħu ftit ħin biex tieqaf, tirrifletti, u titlob bil-għajnuna ta’ waħda mill-attivitajiet ta’ talb minn hawn taħt:
This prayer activity encourages one to identify the positive aspects of oneself as one looks at one’s own self-image created on the image of God in the mirror.