pexels/lumn: open and receive!

English

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ibgħat l-Ispirtu tiegħek, Mulej, u ġedded il-wiċċ tal-art


1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Dak il-Ħadd fil-għaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”. (Ġw 20, 19-23)

pexels/cottonbro studio: life renewed

i. meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”.

Għand dawk imbeżżgħa mill-Lhud –
mill-aggressività minn barra

u s-sens ta’ falliment u ta’ ħtija minn ġewwa –
Ġesù rxoxt u rebbieħ
ma jiġix bi prepotenza u sens ta’ superjorità
imma bħall-ilma li jfawwar b’mod ħiemed,
biex fejn hemm nixfa jreġġa l-ħajja:
“Is-sliem għalikom!”


Itlob:

Naddaf kull fejn hemm it-tbajja’,
fejn hemm nixfa reġġa’ l-ħajja,
lill-miġruħ agħtih fejqan.

pexels/jack redgate: look ahead

ii. Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”

Lil dawk bil-bibien magħluqa
li għalihom spiċċa kollox
fejn il-preżent ma’ jarax futur
u l-passat sempliċiment mażra,
lil dawk sfiduċjati u li l-biża’ jipparalizzahom,
l-Irxoxt iqanqal
fiduċja, ċaqliqa, ħarsa ‘l barra,
futur, proposti, impenn;
jagħti l-Ispirtu, li ġej mill-Missier u mill-Iben:
“Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”.

Itlob

Rattab fina l-ebusija,
agħti lill-berdin bżulija,
għin fit-triq lil min beżgħan.

pexels/savannah dematteo: God's surprising embrace

iii. nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”.

Lil dawk li ċaħduh u ttradewh,
li ppreferew jaħarbu milli jibqgħu
jagħtihom sehem mill-Ispirtu tiegħU
il-qawwa li jesprimu l-ogħla espressjoni ta’ mħabba
li kapaċi tiftaħ il-bibien imbarrati tal-qalb:

il-maħfra

imħabba ġeneruża
imħabba għall-ebda raġuni oħra
imħabba anke meta ssib bil-kontra.

Itlob:

O Missier il-foqra tiegħek,
inti ġġib id-doni miegħek,
tagħni b’dawlek qalb l-ulied.

3. Missierna  

Nirringrazzjaw lil Fr Jimmy Bonnici għal din ir-riflessjoni

English