#Sajf2016 #baħar #xemx #kamping #volontarjat #safar #avventuri
Is-sajf għadda, imma l-esperjenzi ġodda li nibtu f’tant żgħażagħ mhuma se jintesew qatt, għal ħafna raġunijiet!
Min għax tefa’ CV u sab jaħdem; min għax bi ftit inkurraġġiment irnexxielu joħroġ mid-dar u għamel ħbieb ġodda; min mar cruise għall-ewwel darba mal-familja tiegħu; min bl-għajnuna tal-grupp li qiegħed fih tħajjar isiefer il-Polonja għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ; min offra ħinu u l-enerġija tiegħu f’xi volontarjat lokalment jew barra; min ħass is-sejħa għal ħajja reliġjuża; min iltaqa’ mat-tfajla jew il-ġuvni tiegħu; u min…
Forsi int, li għaddejt minn tant avventuri dan is-sajf jew li għadek qatt ma ppruvajt waħda, titħajjar tibda avventura ġdida bl-isem “Avventura ma’ Ġesù”?
Din l-avventura mhijiex ta’ mument, sigħat, ġranet, jiem, xhur jew snin, imma avventura għal ħajtek kollha. Ma trid tħallas xejn għaliha anzi b’garanzija li matulha se tirċievi ferħ li ma jitfissirx u sodisfazzjon f’qalbek. Ma fihiex kompetizzjonijiet; kulħadd għandu ċans jibda; kulħadd jista’ jimxi bil-pass tiegħu – jekk wieħed jaqa’, jista’ jqum u jerġa’ jkompli miexi. Kulħadd jista’ jkun rebbieħ, bi premju li ma jispiċċa qatt.
M’għandek bżonn l-ebda ħila jew kwalifika partikolari. Biżżejjed tgħid iva, irrid nibda, imbagħad kemm tafdaH u tħalli f’idejH għax hu se jkun li jmexxik; hu se jkun il-leader tiegħek. Kulma għandek bżonn hi qalb kbira biex tħobb tassew lil kull min tiltaqa’ miegħu kull fejn se tkun u f’kull mument ta’ ħajtek. F’din l-avventura, moħħok użah sew biex issir taf aħjar lil Ġesù u twasslu wkoll lil sħabek.
Matul din l-avventura żomm għajnejk miftuħa biex tosserva l-weġgħat u l-bżonnijiet tal-persuni li tiltaqa’ magħhom. Uża widnejk biex tismagħhom kull meta jixtiequ jkellmuk. Uża fommok biex tfarraġhom. Lissen kliem sabiħ, pożittiv, ta’ kuraġġ. Uża jdejk biex tgħin lil min jitolbok l-għajnuna kull fejn hemm bżonn. Uża saqajk biex tmur fejn l-aktar hu meħtieġ, fejn wieħed lanqas joħlom li jmur, fejn tħoss li qalbek qed tħabbat biex tmur. Din hi l-isbaħ parti tal-avventura: li tkun avventuruż u miftuħ għal affarijiet ġodda.
Tibżax meta tiltaqa’ ma’ xi ostakoli jew tħossok qed tegħja u tixtieq tieqaf. Dawn ukoll huma parti mill-avventura! Imma ibqa’ sod, u ibqa’ miexi ’l quddiem, jum wara jum, fuq l-istess passi ta’ Ġesù, id f’id miegħu.
–
Ottubru 2016