Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu Kbir hu f’nofsok il-qaddis ta’ Israel. (Iżaija 12) 1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla F’dak iż-żmien, in-nies kienu jistaqsu lil Ġwanni u jgħidulu: “Mela x’għandna nagħmlu?”. U huwa kien iweġibhom: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn, u min għandu x’jiekol jagħmel l-istess”. Resqu wkoll xi pubblikani biex jitgħammdu u qalulu: “Mgħallem, x’għandna nagħmlu aħna?”. U huwa weġibhom: “Tissikkaw lil ħadd biex jagħtikom taxxi iżjed milli jmisskom tieħdu”. Staqsewh ukoll xi suldati u qalulu: “U aħna, x’għandna nagħmlu?”. U huwa weġibhom: “Tisirqu lil ħadd bit-theddid jew bil-qerq tagħkom, u kkuntentaw ruħkom bil-paga li għandkom”. Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa u jiġbor il-qamħ fil-maħżen tiegħu, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex”. U b’ħafna twissijiet oħra kien ixandar lill-poplu l-bxara t-tajba. (Lq 3, 10-18) pexels/mary taylor: engage i. “Mela x’għandna nagħmlu?” Quddiem l-isfidi kollha li naraw madwarna, quddiem l-istennija ta’ Messija, in-nies isibu l-kuraġġ li jsaqsu: X’għandna nagħmlu? Mhux “x’għandhom jagħmlu?” Jiġifieri il-kuraġġ li tpoġġi limitu għalik innifsek: li ma tużax il-poter u tabbuża minn ħaddieħor, li ma tisraqx, li tgħix b’inqas u taqsam ma’ ħuk, ma oħtok fil-bżonn. Irrifletti:X’lest li tagħmel? |
pexes/ron lach: make space for possibilities ii. Il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Il-poplu li jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu, li ma jagħmilx lilu nnifsu alla, ma jiddisprax quddiem it-traġedji: isaqsi u jinfetaħ għall-għajnuna, hħandu post għall-Messija, iħalli spazju għall-ħerqa, , ħeġġa li tkeċċi l-letarġija, il-qtigħ il-qalb, il-pessimiżmu. Irrifletti:Fejn qiegħed tistenna b’ħerqa? pexels/sharefaith: how is greatness measured? iii. “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu.” Ġwanni isir ix-xempju tal-bniedem li jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu, jaf x’jista’ jagħmel hu u jagħmlu, jaf jiftaħ għal dak li ġej – li lanqas jistħoqqlu jħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Interessanti! Il-bniedem li tant konxju tal-limiti tiegħu u tant miftuħ għal Alla – Ġwanni – fil-pariri tiegħu dejjem jistieden biex bniedem ikun miftuħ għal bniedem ieħor: “Min għandu żewġ ilbiesi, jaqsam ma’ min ma għandu xejn.” Irrifletti:Fejn huma l-limiti tiegħek? Kif huma l-post ta’ grazzja? 3. Missierna |
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għal din ir-riflessjoni