Dawn ir-riżorsi huma maħluqa biex jkunu ta’ għajnuna għat-tfal biex jifmu u għalhekk jieħdu sehem aħjar fil-quddiesa. Hu importanti ħafna li t-tfal jifhmu dak li qegħdin jagħmlu – jagħrfu li bis-sehem tagħhom fil-quddiesa jkunu qegħdin ifaħħru ‘l Alla.

Bookmark

L-ewwel li jiġi f’moħħna meta nsemmu l-quddiesa, hi l-Aħħar Ċena. Ġesù, bagħat lill-appostli jippreparaw biex jagħmel magħhom l-aħħar ikla tal-Għid. F’dak il-lejl qabel ma miet xħin ha f’idejh il-ħobz u l-inbid, berikhom u bidilhom fil-ġisem u d-demm tiegħu. Fil-quddiesa, waqt li nġeddu dak li Ġesù għamel fl-Aħħar Ċena, niltaqgħu miegħu wkoll tul il-ġrajjiet importanti tal-ħajja kollha tiegħu Fejn? Kif?

Ejjew

Fil-bidu tal-ħajja ta’ Ġesù, waqt li kien ikun għaddej fit-toroq , jiltaqa’ u jitkellem man-nies, beda jsejjaħ lil xi whud biex jimxu warajh: “Ejja warajja”. Fil-quddiesa aħna nilqgħu s-sejħa li Ġesù jagħmlilna llum biex niltaqgħu bejnietna u miegħu. F’din il-laqgħa nuru li aħna nsara, li aħna familja waħda. Nuru wkoll li rridu naħdmu flimkien. Biex nikbru flimkien hemm bżonn li nneħħu dak kollu li jista’ jifridna. Għalhekk fil-bidu tal-quddiesa l-qassis jistedinna ninġabru u nitolbu maħfra lil Alla u lil xulxin għan-nuqqasijiet li stajna għamilna.

Isimgħu

Ġesù kien imur fit-toroq u fit-tempju jgħallem lin-nies. Kien ikellimhom fuqu nnifsu; jgħidilhom fuq l-imħabba ta’ Alla. In-nies kienet tieħu gost tisimgħu tant li qalu li qatt ma semgħu lil xi ħadd jitkellem bħalu.

Wara li ninġabru flimkien, aħna mistiedna noqogħdu bilqiegħda biex nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù. Għalhekk xi ħadd min-nies u l-qassis jaqrawlna siltiet li nsibu fl-Iskrittura.

Irringrazzjaw

In-nies ġriet wara Ġesù, riedet tkun dejjem miegħu. Imma matul il-ġurnata kien iħobb ifittex post kwiet biex jitlob u jirringrazzja ukoll lil Alla l-Missier. Darba, l-istess appostli talbuh biex jgħallimhom jitolbu. Narawh jitlob u jirringrazzja ukoll qabel xi mirakli.

Wara li nagħmlu l-offerti tagħna, il-qassis jistedinna nfaħħru u nirringrazzjaw lil Alla. Nirringrazjawh għal kull ma tana. L-ewwel u l-aktar raġuni hi għax bagħat lil Ġesù, biex jerġa’ jagħmilna ħbieb miegħu.

Ir-ringrazzjament nuruh ukoll waqt li ngħidu t-talb: “Qaddis, Qaddis , Qaddis…” u qabel ma ngħidu t-talba tal-Missierna. Il-qaddis jieħu l-kalċi u l-ostja u jgħid: “Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu jingħata lilek, Alla Missier li tista’ kollox, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, kull gieh u glorja għal dejjem ta’ dejjem”.

Kulu

Ġesù ħabb lill-appostli u lil kulħadd. Kien jaf li se jmut u jerġa’ jmur għand il-Missier. Imma ried ikun magħna wkoll. Għalhekk fl-aħħar ikla mad-dixxipli tiegħu, ħa l-ħobż u l-inbid f’idejh u bidilhom fil-ġisem u d-demm tiegħu u qalilhom “Ħudu u kulu. Ħudu u ixorbu…”Ried li dak li għamel mal-appostli jibqa’ jsir matul iż-żmien. Għalhekk qalilhom: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Wara li flimkien faħħarna lil Alla, Ġesù, il-ħabib tagħna, irid ikun viċin ħafna ta’ kull wieħed/waħda minna. Għalhekk jisteddinna biex nitilgħu u nirċevuh ġewwa fina. Waqt li l-qassis jistedinna jgħidilna li huma mberkin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf (jiġifieri dawk li se jitilgħu jitqarbnu). Wara li l-qassis jagħtina lil Ġesù jgħidilna: “Il-Ġisem ta’ Kristu” u aħna, biex nuru li nemmnu li Ġesù jinsab preżenti, inwieġbu: “Ammen”.

Morru

Ġesù reġa’ mar lura għand il-Missier. Hu ried li dak li għallem jibqa’ jxxandar tul iż-żminijiet. Għalhekk qabel ma tela’ s-sema bagħat l-appostli biex imorru jxandru dak li għallimhom. Qalilhom: “Morru għallmu… Morru u għammdu” Wegħedhom li se jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jgħinhom jifhmu dak kollu li għallimhom.

Fl-aħħar tal-quddiesa, wara li l-qassis jagħtina l-barka ta’ Alla jistedinna mmorru ngħixu fil-paċi ta’ Ġesù. Aħna mistiedna biex meta noħorġu mill-knisja nitkellmu mal-ħbieb fuq l-imħabba li Ġesù għandu lejna.


Dawn huma temi għall-quddiesa mat-tfal li jinkludu l-att penitenzjali, il-kolletta, il-qari djalogat, talba għall-offerti, talba ta’ ringrazzjament wara tqarbin u talb ieħor.

Alla jridna ngħinu u naħsbu f’xulxin. Nitgħallmu ngħixu flimkien u ngħinu lil xulxin mingħand l-istess ġenituri li jgħixu ħajja ta’ għaqda u mħabba. L-għaqda fid-dar tgħin lil kulħadd jgħix aktar kuntent u ferħan.

Kolletta

Nitolbu

Alla Missier, nirringrazzjawk tal-affarijiet kollha li għoġbok tagħtina. Għallimna nkunu ġenerużi u nagħtu minn dak li hu tagħna lill-oħrajn biex nikbru flimkien fl-imħabba. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Qari 1

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli                  Atti 2, 44-47

Kienu jsiru ħafna mirakli mill-appostli. Dawk kollha li kienu jemmnu kienu familja waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom. Kienu jbigħu l-affarijiet tagħhom u l-flus li jdaħħlu jaqsmuhom bejniethom, skont il-bżonnijiet ta’ kull wieħed minnhom. Kienu jmorru kuljum fit-Tempju jitolbu, u fid-djar tagħhom kienu jaqsmu l-ikel flimkien. Dan kien iġib ferħ kbir fosthom.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali                                               Salm 71

Rit: Alla jħobb u jgħin lil kulħadd

Alla jgħin lil-fqir meta jsejjaħlu
Jgħin lil kull min hu waħdu u batut.    R/

Alla hu mħabba, kulħadd hu għażiż quddiemu,
ma jridx min imut bil-ġuħ.                  R/

Hallelujah, Hallelujah.

Ġesù qassam il-ħobżiet u ż-żewġ ħutiet u kulħadd kiel u xaba’.
Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evangelju skont San Mark   Mk 6, 30-41

Kum: L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom:
Ġesù: Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit.
Kum: Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa waħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ‘l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Kum: X’ħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad igħallimhom ħafna ħwejjeġ. Meta kien sar il-ħin, resqu d-dixxipli tiegħu u qalulu:
Dixxipli: Dan post imwarrab, u diga sar ħafna ħin. Ibgħathom ħa jmorru fl-irziezet u fl-irħula tal-qrib jixtru xi ħaġa x’jieklu.
Kum: Iżda hu weġibhom:
Ġesù: Agħtuhom intom x’jieklu.
Dixxipli: U aħna se mmorru nixtru b’mitejn dinar ħobż biex nagħtuhom x’jieklu?
Ġesù: Xi kemm għandkom ħobż? Morru u araw.
Kum: Meta saru jafu, qalulu:
Dixxipli: Ħamsa u żewġ ħutiet.
Kum: Imbagħad ordnalhom iqiegħdu lil kulħadd bilqiegħda, ġemgħa ġemgħa, fuq il-ħaxix aħdar. U n-nies inxteħtu fl-art mija mija, u ħamsin ħamsin. Hu ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, refa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet, u ta l-ħobżiet lid-dixxipli tiegħu biex dawn jagħtuhom lin-nies, u qassam ukoll iż-żewġ ħutiet bejniethom ilkoll. U kulħadd kiel u xaba’.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Talba fuq l-offerti

Missier, mal-offerti tal-ħobż u tal-inbid li ġibna fuq l-artal noffrulek ukoll il-ħajja, it-talenti, il-ħin u l-imħabba tagħna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba tal-aħħar

Mulej, kemm hi haġa sabiħa li ltqajna flimkien, u Inti, għax tħobbna, tajtna lilek innifsek fit-tqarbin. Għinna nkunu dejjem ġenerużi ma xulxin biex nikbru aktar fl-għaqda tagħna miegħek u bejnietna. Bi Kristu Sidna. Ammen

Għażiż Ġesù, grazzi tal-familja li ngħix fiha:   Agħmel li kull membru tal-familja jagħti s-sehem tiegħu biex il-familja tikber fil-għaqda u fl-imħabba. Għinna nikbru u niskopru t-talenti li Alla ta lil kull membru tal-familja. Għallimna dejjem nagħdru u naħfru lil xulxin. Agħmel li kull min jiġi d-dar jħoss dejjem l-imħabba ta’ bejnietna u li  aħna nkunu dejjem lesti li nilqgħuh.  

Ġesù grazzi għal dawk in-nies li għallmuni nħobb

Bidu tal-quddiesa


Fil-bidu tal-quddiesa l-qassis dejjem jistedinna biex nagħmlu ftit ħin fis-skiet, naħsbu n-nuqqasijiet tagħna u wara flimkien nitolbu maħfra.
Fil-quddiesa ta’ llum se nħarsu lejn il-ħajja ta’ Marija. Għalhekk flimkien naraw xi kwalitajiet sbieħ li kellha u kif ġabet ruħha. Wara nitolbu maħfra ‘l Alla għax ma ngħixux bħalha.

Att Penitenzjali

T.1 Meta deher l-anġlu Gabriel biex iħabbar lil Marija li Alla għażilha tkun Omm Ġesù, hi kienet qiegħda titlob.
T.2 Mulej, nitolbuk taħfrilna għal meta ma nitolbux.
T1 . Aħfrilna, nitlobuk, Mulej.

T.1 Marija faħħret lil Alla għax għażilha biex issir omm Ġesù.
T.2 Mulej, nitolbuk taħfrilna għax aħna mhux dejjem nirringrazzjawk għad-doni li tagħtina.
T.1 Aħfrilna, nitolbuk, Mulej.

T.1 Marija marret tiġri fid-dar ta’ Eliżabetta biex tgħinha.
T.2 Mulej, nitolbuk taħfrilna ta’ kull meta ma tajniex kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn.
T.1 Aħfrilna, nitolbuk, Mulej.

Kolletta

Nitolbu
Mulej, kull wieħed/ u waħda minna nħobbu lil Marija. Għinna biex nitgħallmu minn għandha kif inħobbuk u naqduk. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Qari

Matul iż-żmien Alla dejjem sejjah lil xi wħud biex fil-ħajja tagħhom jagħmlu xi ħaġa speċjali. Fost dawk li sejjah insibu lil Marija, għażilha biex tkun omm Ġesù. Alla sejjaħ lilna wkoll u jagħtina l-għajnuna tiegħu.

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija Is 41: 9, 10
Alla qal: Jien għażiltek biex taħdem miegħi. Ma għandekx għalfejn tibża’. Jien qiegħed dejjem miegħek. Jiena Alla tiegħek. Jien ngħinek u nurik x’għandek tagħmel

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                                Lk 1; 46-55

Rit: Alla kien twajjeb miegħi

Marija qalet:
Jien infaħħar lill-Mulej.
Hu għażilni. Għamel ħwejjeġ kbar miegħi
Qaddis hu l-Isem tiegħu. R/

Alla hu ħanin
Jieħu ħsieb lill-fqir.
Qaddis hu l-Isem tiegħu R/

Alla jħobb lill-poplu tiegħu.
Agħmel magħhom ħwejjeġ kbar.
Qaddis hu l-Isem tiegħu. R/

Glorja u tifħir lilek Kristu (Hallelujah, Hallelujah.)
Sliem għalik, Marija bil-grazzja mimlija, il-Mulej miegħek
Glorja u tifħir lilek Kristu (Hallelujah).

Evanġelju


Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann Ġw. 19; 16-27
Wara li kien ikkundannat minn Pilatu, Ġesù refa’ s-salib sal-post fejn kellhom isallbuh. Meta wasal il-Golgota sallbuh ma’ tnejn oħra. Wieqfa ħdejn is-salib kien hemm omm Ġesù. Kif Ġesù ra’ lill-ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”
Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. Minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Talba fuq l-offerti


Mulej, ġibna l-ħobż u l-inbid li se jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Agħmel li bħal Marija, aħna nilqgħu lil Ġesù fil-qalb u fil-ħajja tagħna.
Bi Kristu Sidna. Ammen

Wara t-Tqarbin

Rit. Grazzi, Mulej.

Marija laqgħet it-tħabbira tal-anġlu biex issir Omm Ġesù. R/
Marija ħadet ħsieb Ġesù meta kien qiegħed jikber. R/
Marija ippreżentat lil Ġesù fit-Tempju. R/
Marija rat lil Ġesù jitlaq mid-dar biex imur jgħallem u jfejjaq lill-morda. R/
Marija kienet ħdejn Ġesù waqt li kien qiegħed ibati u jmut. R/
Marija ltaqgħet ma’ Ġesù wara li qam mill-mewt. R/
Marija kienet titlob mal-appostli meta niżel fuqhom l-Ispirtu s-Santu. R/

Talba wara t-Tqarbin

Mulej, Int tajtna lil Marija biex tieħu ħsiebna u tagħmilna ħbieb tiegħek. Għinna biex bħal Marija nfaħħruk għall-affarijiet kbar li għamilt magħna. Bi Kristu Sidna. Ammen

“Illum, fil-belt ta’ David, tweldilkom Salvatur….. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mimduda f’maxtura” “Glorja lil Alla fl-għoli tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu” Lq 2, 11-14

F’dawn il-ġranet tal-Avvent niftakru f’dawk in-nies kollha li Alla għażel biex jippreparaw għall-miġja ta’ Ġesù. Niftakru b’mod speċjali fi Ġwanni l-Battista. Kien hu li għammed lil Ġesù u wrieħ lin-nies. Nitolbu biex aħna nilqgħu lil Ġesù u nagħmlu dak li jogħġob lilu.

Kolletta

Nitolbu
Mulej, nitolbuk biex insiru aktar ħbieb tiegħek. Għinna naqdu d-dmirijiet tagħna aħjar. Għallimna biex f’dawn il-ġranet inħobbu aktar lil xulxin biex nippreparaw tajjeb għat-twelid ta’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Qari

San Pawl qiegħed jgħidilna biex nifirħu. Aħna għandna nifirħu għax Ġesù twieled u sar bniedem bħalna.

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin                                                Fil 4,4-7

Ifirħu dejjem fil-Mulej: nerġa’ ngħidilkom, ifirħu. L-imħabba tagħkom uruha ma’ kulħadd. Il-Mulej qiegħed magħna, għalhekk m’hemmx għalfejn tinkwetaw. Meta titolbu, lil Alla itolbuh kull ma jkollkom bżonn, dejjem irringrazzjawh għax iħobbkom. Meta tagħmlu hekk, il-paċi ta’ Alla tkun dejjem fikom. Ġesù ma jħallikom qatt.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                                Salm 9 (9a)

Rit: Grazzi Mulej

Infaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha
nitkellem fuq l-affarijiet sbieħ li ħlaqt. R/

Ikun il-Mulej ma’ min qiegħed ibati.
Ikun ta’ għajnuna għal min hu mdejjaq R/

Min jafek, Mulej, jittama fik,
għax int, Mulej, qatt ma tħallih waħdu. R/

Hallelujah. Hallelujah
Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir:
Illum tweldilna Salvatur. Kristu l-Mulej!
Hallelujah

Evanġelju

Ġwanni l-Battista jipprepara lin-nies biex jiltaqgħu ma’ Ġesù.
Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa                                                Lq3, 10-14
Kum: In-nies kienu jmorru għand Ġwanni l-Battista u jistaqsuh:
Nies: “X’għandna nagħmlu?”
Kum: Ġwanni qalilhom:
Ġwanni: “Min għandu żewġt ilbiesi jaqsam ma’ min m’għandu xejn.”
Kum: Lill-publikani qalilhom:
Ġwanni: “Iġġagħlux lin-nies iħallsu aktar milli jistgħu.”
Kum: Lis-suldati qalilhom:
Ġwanni: “Tisirqu lil ħadd.”
Kum: Ħafna nies kienu jmorru jisimgħu lil Ġwanni għax ħasbu li hu kien il-Messija. Imma Ġwanni kien jgħidilhom:
Ġwanni: “Min jiġi warajja hu aktar importanti u aqwa minni. Jien ma jistħoqqlix inħoll il-qfieli tas-żarbun tiegħu.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Nagħmlu t-talbiet tagħna.


F’dawn il-ġranet niftakru f’Ġesù li twieled fostna, qegħdin niftakru kemm iħobbna. Għalhekk nersqu lejh u nagħmlulu t-talbiet tagħna.
Bierek, Mulej, il-Papa, l-Isqof u l-qassisin. Nitolbu biex jgħallmuna aktar fuq l-imħabba tiegħek. Nitolbu.
Bierek lill-ġenituri tagħna. Għinna nuru li nħobbuhom billi nagħmlu dak li jgħidulna. Nitolbu.
Bierek, Mulej, lill-ħbieb tagħna. Għinhom iħobbuk iżjed. Nitolbu.
Bierek, Mulej, lit-tfal kollha, b’mod speċjali dawk it-tfal li f’dan il-Milied ma jistgħux jifirħu bħalna. Nitolbu.
Nitolbu lil Marija, Omm Ġesù, li tieħu ħsiebna kif ħadet ħsieb Ġesù.
Għalhekk ngħidu flimkien Sliem għalik…

Talba fuq l-offerti

Mulej, mal-offerti tal-ħobż u tal-inbid, noffrulek lilna nfusna. Nitolbuk tbierek kemm l-offerti li ġibna fuq l-artal kif ukoll lilna. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba tal-aħħar

Nirringrazzjawk, Mulej, għax irċevejna lil Ġesù ġewwa fina. Għinna nibqgħu dejjem ħbieb tiegħu u nħobbuh kif iħobbna hu. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Ġesù għinni ngħid lill-ħbieb kemm tħobbni

Kolletta

Nitolbu
Missier, nirringrazzjawk għan-nies li
niltaqgħu magħhom. Għallimna naraw
il-ħtiġijiet tagħhom u ngħinuhom.
B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla
u miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’
l-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.

Qari I


Fil-qari niltaqgħu ma’ Elija li kien magħżul minn Alla biex jgħallem lin-nies. Fi żmienu, waqa’ ġuħ kbir u ħafna nies kienu qegħdin imutu bil-ġuħ. Lanqas Elija ma kellu x’jiekol. Dan mar għand mara, li kellha tifel żgħir u talabha biex tagħtih x’jiekol. Il-mara, li riedet tgħinu, tagħtu mill-ftit li kellha.

Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten                                                1 Slat. 17, 2-16

Kum: Il-Mulej kellem lil Elija u qallu:
Alla: Qum u mur fil-belt li se nurik, u oqgħod hemm. Jien ikkmandajt lil waħda armla minn hemm biex tagħtik x’tiekol.
Kum: Qam u mar il-belt li kien urieh il-Mulej. Kif wasal ħdejn il-bieb tal-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha:
Elija: Jekk jogħġbok ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob!
Kum: Hi u sejra, Elija reġa’ sejħilha u qalilha :
Elija: Jekk jogħġbok, ġibli wkoll kisra ħobż f’idejk!
Armla: Ma għandi xejn x’intik! Kull ma għandi hu ftit dqiq f’ġarra u ftit żejt fil-kus. Dan hu kull ma baqagħli! Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nlesti xi ħaġa għalija u għal ibni. Meta nikluha nistgħu immutu għax xejn ma jkun baqagħli!
Kum: Elija wieġeb:
Elija: La tibżax! Mur u agħmel kif għidtli; imma qabel agħmel ftira żgħira għalija u ġibhieli! Għalik u għal ibnek aħseb wara! Għax din hi l-Kelma tal-Mulej, Alla ta’ Israel! Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt u l-kus taż-żejt ma jitbattalx sa dak in-nhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.
Kum: U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u n-nies tad-dar tagħha wkoll. Il-ġarra tad-dqiq u l-kus taż-żejt ma tbattlux. Kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                                Salm 4

Rit: Mulej, grazzi tal-imħabba tiegħek
Weġibni meta nsejjaħlek
għinni, Mulej, meta nkun imdejjaq,
ħenn għalija u isma’ t-talb tiegħi. R/.

Kunu afu li l-Mulej
wera mħabba kbira miegħi;
jismagħni l-Mulej meta nsejjaħlu. R/.

Hallelujah. Hallelujah
Marija marret fuq il-qaddejja u
qaltilhom jagħmlu kull ma jgħidilhom Ġesù.
Hallelujah.

Evanġelju


Ġesù, Marija u d-dixxipli kienu mistiedna għal tieġ. Marija tinduna li ma baqax inbid. Għalhekk tmur fuq Ġesù u tgħidlu xi ġralhom. Ġesù jgħinhom billi jibdel l-ilma f’inbid.

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann                                                Ġw.2, 1-11
Kum: Sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll, flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu.
Marija: Ma għandhomx inbid
Kum: U Ġesù qalilha:
Ġesù: Aħna x’għandna x’naqsmu, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx!
Kum: Omm Ġesù qalet lill-qaddejja:
Marija: Agħmlu kull ma jgħidilkom hu!
Kum: Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għall-ħasil ritwali tal-Lhud, kull waħda minnhom tesa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja.
Ġesù: Imlew il-ġarar bl-ilma.
Kum: U dawk imlewhom sax-xfar. Imbagħad qalilhom.
Ġesù: Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda.
Kum: U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja kienu jafu – sejjaħ lill-għarus u qallu:
Raġel: Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom, iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa.
Kum: Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Saċ: Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu.

Nagħmlu t-Talbiet tagħna

Fil-qari ta’ llum rajna lil mara tgħin lil Elija u lil Marija u lil Ġesù jgħinu lill-għarajjes. Nitolbu lil Alla biex jgħin lilna ngħinu lill-oħrajn.
Għinni nitgħallem ngħid grazzi lil dawk kollha li jħobbuni u jgħinuni. Nitolbu.
Għinni nagħti s-sehem tiegħi biex il-familja tiegħi tikber fil-għaqda u fl-imħabba. Nitolbu.
Waqt il-logħob għallimni nilgħab mat-tfal kollha. Thallinix inħalli barra lil dawk li ma jaqblux miegħi. Nitolbu.
Għallimni nħobb iżjed biex inkun nista’ ngħin lill-oħrajn aħjar. Nitolbu.
Nirringrazzjaw lil Marija u nitolbuha biex bħalha nkunu nistgħu naraw x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies li jkunu magħna. Għalhekk ngħidu flimkien: Sliema Għalik…

Talba fuq l-offerti

Mulej, ilqa’ dan il-ħobż u nbid u ibdilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Nitolbuk biex Ġesù jgħinna dejjem inħobbu kif kien iħobb Hu. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.

Talba tal-aħħar


Nitolbu
Nirringrazzjawk, Mulej, talli ltqajna flimkien, bejnietna u miegħek. Għinna biex b’din it-tqarbina li għamilna nitgħallmu ngħinu lil xulxin. Dan nitolbuh b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ikteb ħames affarijiet li għamilt biex tgħin fid-dar.
Ikteb żewġ affarijiet li għamilt fl-iskola biex tgħin lil tifel/tifla.
Ikteb ħaġa waħda li għax m’għamilthiex, tifel/tifla batew.

Kolletta

Nitolbu
Missier ħanin, xi drabi aħna nagħtu kas ħafna iżjed tal-bżonnijiet tagħna milli tal-oħrajn. Għallimna naħsbu fil-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn kif għallimtna int. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Qari I

San Pawl u l-Maltin ħabbew lil xulxin u taw kas tal-bżonnijiet ta’ xulxin. San Pawl għallimna fuq Ġesù u fejjaq il-morda. Il-Maltin tawh fejn joqgħod u x’jiekol kemm meta kien hawn kif ukoll meta ġie biex jitlaq.

Qari mill-Atti tal-Appostli                                                Atti28, 1-2,7-10
Meta ħlisna mill-għarqa, sirna nafu li l-gżira kien jisimgħa Malta. In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb. F’dawk l-inħawi kien hemm l-art tal-prinċep tal-gżira, li kien jismu Publiju. Dan laqagħna bil-qalb kollha u żammna għandu tlitt ijiem. Missier Publiju nzerta kien marid. Pawlu daħal ħdejħ, għamel talba, qiegħed idejh fuqu u fejqu. Wara dan imbagħad bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-ġżira, u hu fejjaqhom. Tawna ukoll minn kull xorta ta’ ġid meta ġejna biex nitilqu, għabbewlna fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu.
Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali Salm 144

Rit Il-Mulej tajjeb u ħanin

Kull jum imbierkek Mulej,
u nfaħħar ismek għal dejjem ta’ dejjem.
Kbir il-Mulej, u ta’ min ifaħħru, R./

Il-Mulej tajjeb u ħanin u kollu tjieba.
Twajjeb il-Mulej ma’ kulħadd
u l-ħniena tiegħu hi akbar minn kull ma għamel R./

Hallelujah. Hallelujah.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
Twajjeb fl-egħmil tiegħu kollu.
Hallelujah

Evanġelju

Ġesù kien iħobb u jagħti kas lil dawk ta’ madwaru. Hu ried li wara li jitla’ s-sema jkun hawn nies li jibqgħu jgħallmu u jagħtu kas bħalu. Għalhekk jistedinna biex aħna nitkellmu mal-ħbieb fuq kemm iħobbna.

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew                                                Mt.9, 35-38,10,1

Kum: Ġesù dar l-ibliet u l-irħula kollha jgħallem fis-sinagogi, ixandar il-Bxara t-tajba tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal ngħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu.
Ġesù: Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu.
Kum: Sejjaħ lejh it-tnax-il dixxiplu tiegħu u tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena biex ikeċċuhom, u jfejqu kull xorta ta’ mard u ‘l kull min kien nieqes minn saħħtu.
Saċ: Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla

Nagħmlu t-Talbiet tagħna

Ġesù jħobbna u jagħti kas tagħna; nitolbu biex jgħinna nħobbu kif ħabb hu u wkoll nitolbuh jgħinna nagħtu kas tal-oħrajn.

Mulej għallimna nagħrfu li biex inħobbu u nagħtu kas m’hemmx bżonn nagħmlu affarijiet kbar, biżżejjed li nagħmlu dawk l-affarijiet żgħar ta’ kuljum. Nitolbu.

Nitolbuk għal dawk it-tfal li m’għandhomx dar fejn joqogħdu u l-anqas x’jieklu. Għinhom jiltaqgħu ma’ nies li jħobbuhom u li jagħtu kas tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ kuljum. Nitolbu.

Grazzi tal-imħabba li l-ġenituri għandhom lejna. Għinna ma nżidulhomx iżjed xogħol. Għalhekk għinni nitgħallmu nirranġaw l-kamra tiegħna u nagħmlu l-affarijiet li nuża f’posthom. Nitolbu.

Mulej agħmel li nżur lin-nanniet u lill-ħbieb li huma morda biex nagħmluhom ferħana. Nitolbu.

Mulej għallimna nifhmu iżjed il-kmandament tal-imħabba biex ngħixu iżjed fil-għaqda bejnietna u miegħek. Bi Kristu Sidna.

Talba fuq l-offerti

Mulej, f’din l-offerta tagħna tal-ħobż u tal-inbid int qed terġa’ tagħti lilek innifsek lilna billi tibdilhom fil-Ġisem u d-Demm tiegħek. Għallimna naqsmu ma’l-oħrajn mid-doni li inti tagħtina. Bi Kristu Sidna.

Wara t-Tqarbin

Rit. Grazzi Ġesù.
Għinni ngħid grazzi lil min jgħinni. R./
Għinni nkun ġeneruż ma’ kulħadd. R./
Għinni nkun fil-ħin biex ma nħalli lil ħadd jistenna R./
Għallimni nagħraf id-dmirijiet tiegħi fid-dar u fl-iskola u nagħmilhom. R./

Talba tal-aħħar

Grazzi Mulej, talli ħsibt fina u tajtna lilek innifsek fit-tqarbin. Għinna nsibu ħin biex ngħinu lill-oħrajn u agħmel li bħalek inħossu iżjed ferħ meta nagħtu milli meta nirċievu. Bi Kristu Sidna.

Ġesù għallimni nieqaf u nara x’inhuma l-bżonnijiet tan-nies li qegħdin ħdejja.

Kolletta

Nitolbu
Alla Missier, nirringrazzjawk għall-ħbieb li għandna. Għinna nikbru aktar fil-ħbiberija tagħna biex inħobbuk aktar. Dan nitolbuh b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Introduzzjoni għall-Qari

Vuċi 1 Daqqet il-qanpiena u kulħadd ħareġ jiġri għall-“break”. Kien hemm tfal li qagħdu bilqiegħda flimkien jieklu l- “Lunch”, oħrajn bdew jilagħbu l-“football” u kien hemm min qagħad tiela’ u nieżel ma’ ħadida li kien hemm fil- “Ground”. F’rokna kien hemm tifel waħdu, rasu ‘l isfel ma ried ikellem lil ħadd. Staqsejt lit-tfal l-oħra jekk ġratlux xi ħaġa.

Vuċi 2 Ma ġralu xejn

Vuċi 1 Mela għaliex qiegħed waħdu u mhux qiegħed jilgħab mat-tfal l-oħra?

Vuċi 3 M’għandux ħbieb, irid joqgħod waħdu.

Vuċi 2 Jgħid li m’għandu bżonn lil ħadd. Il-ħbieb idejquh u magħhom ma jistax jagħmel li jrid.

Vuċi 1 Intom x’taħsbu? Veru li jgħid?

Vuċi 2 Ma naqbilx miegħu.

Vuċi 3 Alla ma ħalaqniex biex ngħixu weħidna. Iridna nkunu ħbieb. Jixtieq jarana ngħinu lil xulxin u nikbru flimkien.

Vuċi 2 Meta nikbru niltaqgħu ma’ nies li jħobbuna u jgħinuna. Hemm il-ġenituri, it-teachers, il-qassis.

Vuċi 3 Meta nkunu morda hemm it-tabib u n-nurse.

Vuċi 1 Meta nitkellmu fuq min iħobbna rridu bilfors niftakru f’Alla. Ħalaqna għax ħabbna u qalilna li qiegħed dejjem magħna. Meta l-bnedmin ma baqgħux ħbieb tiegħu u jaqblu bejniethom. Hu bagħat lil Ibnu Ġesù fid-dinja. Fil-ħajja tiegħu Ġesù kien ħabib ma’ kulħadd u kien jgħin lil kulħadd. Hu għallimna li aħna għandna nkunu ħbieb ta’ xulxin u li Alla hu Missier ta’ kulħadd.

Fl-ewwel lezzjoni naqraw li l-ħbieb jagħmluna ferħana. Fil-Vanġelju naqraw li Ġesù ried li n-nies ikunu ħbieb tiegħu.

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak                                                Sir 6, 14-17

Ħabib tajjeb huwa kenn qawwi;
min jsib lilu jsib teżor.
Ħabib tajjeb m’hemmx egħżeż minnu;
is-siwi tiegħu u ma jistax jitqies
Ħabib tajjeb huwa balzmu li jagħti l-ħajja.
isibuh dawk li jibżgħu mill-Mulej.
Min jibża’ mill-Mulej jagħmel il-ħbieb sinċieri,
għax skont ma jkun hu, hekk ukoll ikun ħabibu

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali Salm 26


Rit. Il-Mulej id-dawl tiegħi.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;
minn min għandi nibża’? R./

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,
ħaġa waħda nfittex:
li ngħix fid-dar tiegħu
tul il-jiem kollha ta’ ħajti R./

Hallelujah. Hallelujah. (Glorja u tifħir lilek, Kristu)
Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jien nikkmandakom.
Hallelujah. Hallelujah. (Glorja u tifħir lilek, Kristu)

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju ta’ San Gwann Ġw 15, 12-15,17

Ġesù qal: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jien nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jien għarrafthulkom. Dan li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Nagħmlu t-talbiet tagħna

Ġesù hu l-ħabib kbir tagħna. Hu wera mħabba speċjali lejn it-tfal u lill-Appostli qalilhom biex iħallu lit-tfal imorru għandu. Waqt li nitolbu lil Ġesù jberikna nagħmlu t-talbiet tagħna.
Bierek lill-ġenituri tagħna. Għinhom iħobbu iżjed lil xulxin. Nitolbu.
Bierek lilna t-tfal waqt li qegħdin nitolbu, nilagħbu u nistudjaw Nitolbu.
Bierek lit-tfal li jgħixu weħidhom, u fil-pajjizi fejn hemm il-gwerer. Nitolbu.
Ġesù inti trid li nkunu ħbieb. Għinna biex qatt ma niġġieldu imma naħfru lil xulxin dejjem. Bi Kristu Sidna.

Talba fuq l-offerti

Il-Ħobż u l-Inbid li ġibna fuq l-artal se jinbidlu fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù. Ġesù se jistedinna niltaqgħu miegħu fit-tqarbin. Għin lilna wkoll inħobbu lit-tfal kollha li niltaqgħu magħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Ringrazzjament għat-Tqarbin

Ġesù, grazzi tal-ħbieb li għandi;

Il-ħbieb li hemm fl-iskola u li nitgħallem magħhom.
Il-ħbieb li joqogħdu ħdejn id-dar u li nilagħbu flimkien.
Il-ħbieb li niltaqa’ magħhom fid-duttrina u nitlob magħhom.
Il-ħbieb li jisimgħuni, jaħfruli u jagħmluni ferħan.

Talba tal-aħħar

Nitolbu
Mulej, issa li rċevejna lil Ġesù ġewwa fina, għinna nibqgħu nirċevuh ta’ spiss biex nibqgħu ħbieb kbar tiegħu. Dan nitolbuh b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Meta tiltaqa’ma’ ħabib, kif iġġib ruħek?

Ma tagħtix kas tiegħu u titlaq waħdek?
Tilgħab ma’ ħuk jew oħtok, u tħalliħ iħares lejk?
Tiġġieled miegħu?
Tilqgħu u tibdew tilagħbu u tieħdu pjaċir flimkien?

Kif iġġib ruħek jekk tmur id-dar ta’ ħabib tiegħek u jgħidlek:

“Tista’ tgħaddi. Imma llum għandi ħafna x’nagħmel għax il-logħba li qiegħed nilgħab, jilgħabha tifel wieħed.

Għalhekk sakemm nispiċċa, oqgħod ara t-TV jew ejja arani nilgħab.

Kif tħossok?……………………….

Ġesù għallimni nħobb lill-ħbieb tiegħi

F’dawn il-ġranet tar-Randan nistiednek tiftakar iżjed fl-imħabba ta’ Alla. Dan tagħmlu għax titlob, tisma’ l-Kelma ta’ Alla, tgħin lil min hu fil-bżonn u titlob maħfra għan-nuqqasijiet tiegħek.

Kolletta

Nitolbu
Mulej, fir-Randan aħna mistiedna biex ma nagħmlux xi affarijiet li nħobbu nagħmlu. Għinna biex waqt li niċċaħħdu minn dawn l-affarijiet, nitgħallmu nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu l-ħażin. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Qari

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin Fil 2, 13-16
Alla hu magħkom u jgħinkom tagħmlu dak li jogħġob lilu. Agħmlu kollox mingħajr tgergir u mingħajr tlaqliq. Kunu nies li ma tagħmlux dak li hu ħażin. Agħmlu dak li hu tajjeb. Uru li intom ulied Alla wkoll meta tiltaqgħu ma’ nies li jagħmlu l-ħażin. Uruhom li Alla jħobbhom. Fil-ħajja tagħkom imxu dejjem fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali Salm 112

Rit. Faħħru isem il-Mulej

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,
li jimxi tajjeb R./

Il-bniedem tajjeb ma jitfixkilx,
ma jibżax meta jiltaqa’ ma’ affarijiet ħżiena R./

Imbierek il-bniedem li jagħżel il-kmandamenti tal-Mulej.,
qatt ma jaqta’ qalbu għax jafda f’Alla R./

Glorja u tifħir lilek Kristu.
Kull darba li ngħinu lil xulxin nuru l-imħabba tagħna lejn Alla.
Glorja u tifħir lilek Kristu.

Evanġelju

Iż-żewġ siltiet li se naqraw issa juruna li biex nogħġob lil Ġesù irrid nisma’ l-kelma tiegħu u ngħin lil min hu fil-bżonn.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa Lq 10, 38-42

Ġesù daħal f’raħal u laqgħetu waħda mara jisimha Marta. Din kellha oħtha, jisimha Marija, li niżlet bilqiegħda f’riġlejn Ġesù tisimgħu x’kien qiegħed igħid. Iżda Marta kienet moħħha fuq il-ħafna xogħol tad-dar.

Imbagħad resqet u qaltlu: “Mulej, mintix tara kif oħti ħalliet ix-xogħol kollu fuqi biss? Mela għidilha taqbad tagħmel xi ħaġa miegħi!” Qabeż Ġesù u qalilha: “Marta, Marta, inti tieħu rasek u tinwieta fuq ħafna ħwejjeġ; imma ħaġa waħda hi meħtieġa. Hi Marija li għażlet l-aħjar”.

Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu

u/Jew

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa Lq. 10; 30-37

Kum: Ġesù qal din il-parrabbola: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalem u l-ħallelin sawtuh, neżżgħuh u telqu, u ħallewh nofsu mejjet. Minn dik it-triq kienu neżlin qassis u levita, meta waslu ħdejh u rawh għaddew minn mal-ġenb u baqgħu sejrin. Għadda minn hemm wieħed Samaritan, wasal ħdejh, rah u tħassru. Resaq lejh, dewwielu l-ġrieħi u rabathomlu. Imbagħad ħadu miegħu, wasslu f’lukanda u ħa ħsiebu. L-għada ħareġ il-flus u tahom lil tal-lukanda.

Samaritan: ‘Ħu ħsiebu; jekk tonfoq xi ħaġa iżjed, nagħtihielek jien meta nerġa’ ngħaddi’.

Ġesù: “Minn dawn it-tlieta, int min jidhirlek li wera mħabba ma’ dak li waqa’ f’idejn il-ħallelin?”

Raġel: “Min ħenn għalih”

Ġesù: “Mur u agħmel hekk int wkoll.”

Saċ: Il-Kelma tal-Mulej.
Tifħir lilek Kristu.

Talba fuq l-offerti

Fil-ħniena tiegħek, Mulej, ilqa’ l-offerti li ġibna fuq l-artal. Agħtina l-maħfra tiegħek biex insiru aktar ħbieb tiegħek. Bi Kristu Sidna.

Talba tal-aħħar

Mulej, iltqajna ma’ Ġesù fil-qari għax smajna l-kelma tiegħu u rċevejnieh fit-tqarbin. Għinna biex dawn il-ġranet tar-Randan nuru dejjem kemm hi kbira l-imħabba tiegħek lejna l-bnedmin. Bi Kristu Sidna.

Bidu tal-Quddiesa 

Wara li Ġesù miet, l-appostli beżgħu li kien se jitlaqhom weħidhom. Ġesù qam, rawħ, kellimhom u kiel magħhom. Jgħidilhom li għalkemm mhux se jibqgħu jarawh Hu kien se jibqa’ magħhom għax meta jmur, jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jifhmu dak li għallimhom. Ġesù jrid ikun magħna issa li nġbarna biex nieħdu sehem fil-quddiesa. Ħa nuru l-imħabba tagħna  lejh billi naħsbu fil-ħtijiet tagħna u nitolbuh jaħfrilna.

Int li stedint lill-appostli biex jimxu warajk.

Mulej Ħniena

Int li wegħedt lill-appostli li se tibqa’ magħhom. 

Kristu Ħniena

Int li bgħatt lill-Ispirtu s-Santu biex jgħinna nifhmu dak li għallimt 

Mulej Ħniena

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna, u jwassalna fil-ħajja ta’ dejjem. Ammen

Kolletta

Nitolbu

Mulej, int qajjimt lil Ġesù mill-mewt. Qajjem lilna biex fil-ħajja tagħna nagħżlu dejjem it-tagħlim ta’ Ġesù li miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Qari

Qari mill-Atti tal-Appostli                                     Att 1, 13, 14

Wara li Ġesù tela s-sema, il-ħbieb tiegħu reġgħu lura Ġerusalem u marru fid-dar fejn kienu joqgħdu. Dawn kienu ma’ Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indri’, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu, Xmun u Ġuda. Qalb waħda flimkien qagħdu jitolbu ma’ xi nisa u ma’ Marija Omm Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali                                               Salm 46

Rit: Għajtu bil-ferħ lil Alla

Nies kollha, ċapċpu idejkom,
għajtu b’leħen ta’ ferħ lil Alla!
Għax il-Mulej hu sultan fuq l-art kollha.       R./

Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ,
Għannu lil Alla,
Għannu lis-sultan tagħna          R./

Isaltan Alla fuq il-bnedmin kollha,
joqgħod Alla fuq it-tron qaddis tiegħu.         R/.

Hallelujah. Halleluajh
Ġesù qam mill-mewt,
ħa nifirħu u nirringrazjawh
Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark                          Mk. 16, 2-8

Il-Ħadd, filgħodu kmieni, kif telgħet ix-xemx, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salome marru ħdejn il-qabar fejn poġġew lil Ġesù. Waqt li kienu mexjin bdew jistaqsu lil xulxin min kien se jneħħilhom il-ġebla minn quddiem il-qabar. Meta waslu sabu li l-ġebla kienet tneħħiet. Daħlu  fil-qabar u raw żagħżugħ liebes libsa bajda, u nħasdu. Hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab? Qam mill-mewt, mhux qiegħed hawn. Ħarsu lejn il-post fejn qegħduh. Morru għidu lid-dixxipli tiegħu u lil Pietru li se jiltaqgħu miegħu fil-Galilija.”

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu.

Talba fuq l-offerti

Agħmel, Mulej li l-offerti li ġibna fuq l-artal jagħmluna ferħanin għax nafu li aħna wkoll għad inqumu flimkien ma’ Ġesù u nkunu ferħanin miegħu. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba tal-aħħar

Mulej, nirringrazzjawk li ltqajna ma’ Ġesù li baqa’ magħna fl-Ewkaristija. Għinna nitkellmu mal-ħbieb tagħna fuq l-imħabba li Ġesù għandu għalina. Hu li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Fil-Bidu tal-Quddiesa

Infaħħru lil Alla l-Missier għax bagħat lil Ibnu Ġesù fostna biex aħna nsiru ħbieb miegħu u bejnietna. Infaħħruh ukoll għax baqa’ magħna biex jgħinna nħobbuh.

Int li kont tħobb ħafna lit-tfal.                                          Mulej ħniena
Int li għallimtna nħobbu lill-oħrajn                                  Kristu ħniena
Int li taħfer lil dawk li ma jimxux fuq it-tagħlim tiegħek  Mulej ħniena
Int li tajtna lilek innifsek fit-tqarbin                                 Kristu ħniena

Introduzzjoni għall-qari

T.1    Kemm ħadt pjaċir fil-party ta’…
T.2    Veru. Ħadt pjaċir għax kulħadd lagħab flimkien u ftehemna bejnietna.
T.3    Meta nkun id-dar il-ġenituri mhux dejjem jilagħbu miegħi u lanqas jisimgħu dak li nkun irrid ngħidilhom. Għalhekk ħadt gost għax magħna lagħbu wkoll il-ġenituri.

Kolletta

Nitolbu
Grazzi, Mulej, talli tistedinna biex ngħixu flimkien u ngħinu lil xulxin.
Għinna nkunu dejjem bi tbissima biex inferrħu lin-nies li niltaqgħu magħhom.
Dan nitolbuh, b’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu
s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Qari I

Qari mill-Atti tal-Appostli                                     Att 2, 42-47

L-insara kienu jimxu fuq it-tagħlim tal-appostli; jgħixu f’għaqda bejniethom; jieħdu sehem
fl-Ewkaristija u jitolbu flimkien.

L-appostli kienu jagħmlu ħafna mirakli u dawk kollha li emmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma  kellhom u jaqsmu l-flus li jdaħħlu bejn  kulħadd, skont il-bżonn ta’ kull wieħed. Kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien u jfaħħru ‘l Alla u l-poplu kollu kien jirrispettahom.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                                                  Salm 95

Rit.    Għajtu bil-ferħ lil Alla

Bil-kant u bl-għajat,
kulħadd ifaħħar lill Mulej.                        R/

Nuru l-imħabba li Alla
għandu għal kull wieħed minna              R/

Il-Mulej imexxina, ħa nagħżlu dejjem
li nimxu fuq it-tagħlim tiegħu             R./

u/jew

Qari II

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin          1Kor 11, 23-26

Ħuti, jien irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom. Ġesù fil-lejl li fih kien ittradut, ħa l-ħobż u, wara li radd il-ħajr, qasmu u qal: “Dan hu ġismi li jingħata għalikom; agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

Hekk ukoll, wara li kiel, ħa l-kalċi u qal:

“Dan hu l-kalċi tal-patt il-ġdid b’demmi; kull meta tixorbu, agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Mela kull meta tieklu dan il-ħobż u tixorbu dan il-kalċi, intom ixxandru l-mewt tal-Mulej, sa ma jiġi.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla

Hallelujah, Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
Għax kellimt liż-żgħar fuq is-Saltna tiegħek.
Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mark                                             Mk 10, 13-16

In-nies ġabu għand Ġesù xi tfal zgħar biex iberikhom u jitlob għalihom. Id-dixxipli bdew jgħajtu magħhom. U Ġesù qalilhom: “Ħalluhom it-tfal iż-żgħar jigu għandi, u la żżommuhomx, għax min jixbah lilhom jidħol fis-Saltna tas-Smewwiet”. Imbagħad qiegħed idejh fuqhom.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Talba fuq l-offerti

Mulej, mal-ħobz u l-inbid noffrulek ukoll l-istudju, il-logħob u dak kollu li nagħmlu matul il-ġurnata. Għinna ngħixu fil-paċi u l-ferħ tiegħek. Bi Kristu Sidna Ammen.

Talba tal-aħħar

Mulej, inti tħobbna ħafna u stedintna biex nirċevuk ġewwa fina. Għinna biex insiru nixbħuk dejjem aktar. Bi Kristu Sidna Ammen.

Ġesù, għinni niftakar li Int dejjem miegħi.

Mhux dejjem nieħdu gost niġu l-iskola

Madankollu hi importanti għall-edukazzjoni tagħna. Għalhekk flimkien nirringrazzjaw lil Alla għat-teachers li għallmuna, għall-ħbieb u għal dak li tgħallimna matul din is-sena. Iż-żmien li nagħmlu fl-iskola jgħinna nikbru fl-imħabba ma’ Ġesù u bejnietna. Din l-imħabba bejnietna tgħinna nkunu dejjem ferħana.

Bidu tal-quddiesa

Nagħmlu ftit ħin fis-skiet biex naħsbu n-nuqqasijiet tagħna. Illum b’mod speċjali naħsbu f’dawn in-nuqqasijiet li stajna għamilna waqt li konna qegħdin fl-iskola.

Kif morna mat-teachers u mat-tfal?
Ħadna ħsieb l-affarijiet tal-iskola?
Tlifna ħin?
Ippruvajt inkun ħabib ma’ kulħadd?
Studjajt, il-homework dejjem għamiltu?….

Kolletta

Nitolbu

Mulej, għinna dejjem ngħidulek grazzi għal dak kollu li tgħallimna u għall-imħabba li qsamna bejnietna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u miegħek ighix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, ghal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Qari 1

Il-profeta jistieden u fl-istess ħin jagħmel kuraġġ lin-nies biex jitgħallmu. Jurihom li jitgħallmu bil-għajnuna ta’ xulxin u fit-tagħlim tagħhom għandhom ifittxu li jsiru jafu aktar lil Alla. Dak li qed jgħid il-profeta jgħodd għalina wkoll. Post fejn nitgħallmu hi l-iskola.

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak                                                    Sir 6, 32-37

Jekk tixtieq, ibni, tista’ titgħallem u jekk tiddedika ruħek, tkun bil-għalaq.
Jekk tħobb tisma’, tigħallem; jekk toqgħod attent issir għaref.
Oqgħod fejn jiltaqgħu x-xjuħ; u fejn hemm xi għaref oqgħod ħdejh.
Ara li tagħti widen għal kull kelma ta’ Alla.
Jekk issib xi bniedem li jifhem, għaġġel biex tmur għandu.
Ikun moħħok fil-kmandamenti tal-Mulej, u aħseb dejjem fil-preċetti tiegħu;
Hu jagħtik l-għajnuna u tinqatagħlek ix-xewqa li tkun għaref.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                                                   Salm 66

Rit.    Il-Mulej hu tajjeb

Għajtu bil ferħ lil Alla
bnedmin tad-dinja kollha;
faħħruħ għal dak kollu li għamel.        R./

Bierku, popli, lil Alla tagħna,
ħalli kulħadd jisma’ t-tifħir tiegħu.     R./

Il-Mulej semagħni,
ta widen għat-talba tiegħi.
Imbierek Alla, ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu.       R./

Hallelujah. Hallelujah
Għax intom ħbieb tiegħi, kollox għidtilkom,
ma żammejt  l-ebda sigriet.
Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju ta’ San Ġwann.                                Ġw. 15,11

Ġesù qalilhom: “Inkellimkom b’dan il-mod, għax nixtieq li tkunu ferħana u ma jkun hemm xejn li ma jħallikomx ferħana. Ngħidilkom biex tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Intom il-ħbieb tiegħi, jekk tagħmlu dak li nikkmandakom Għax intom il-ħbieb tiegħi, kollox għidtilkom, ma żammejt l-ebda sigriet. Nikkmandakom li tħobbu lil xulxin”.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Nagħmlu t-Talbiet tagħna

MIġburin flimkien, nafu li għal ħafna minna mhux possibbli li nibqgħu niltaqgħu matul il-vaganzi. Nitolbu lil Alla nibqgħu niltaqgħu miegħu billi nagħmlu ferħana lin-nies li niltaqgħu magħhom u nsibu ħin għat-talb.

Għalhekk nitolbu:

Bierek lill-headmaster/headmistress, lit-teachers u lil kull min jaħdem fl-iskola. Nirringrazzjawk tal-għajnuna tagħhom. Nitolbu
Nitolbu għalina t-tfal li attendejna l-iskola. Grazzi tal-ferħ u l-imħabba li qsamna flimkien. Nitolbu
Mulej, għinna nagħtu l-għajnuna tagħna fid-dar biex il-familja tagħna tikber fl-għaqda u fl-imħabba. Nitolbu
Mulej, għamel li dak li tgħallima matul din is-sena jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb u jogħġob lilek. Nitolbu

Infaħħaru lil Marija u nitolbuha tgħinna nagħżlu dak li jogħġob lil binha Ġesù… Sliem għalik Marija…

Talba fuq l-offerti

Mulej, noffrulek l-affarijiet kollha li għamilna matul din is-sena. Għinna biex nibqgħu nikbru fl-imħabba tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba tal-aħħar

Mulej, grazzi talli qegħdin nispiċċaw din is-sena miġburin flimkien nieħdu sehem fil-quddiesa. Għinna biex matul il-vaganzi tas-sajf nuru mħabba man-nies li niltaqgħu magħhom u nsibu ħin infaħħruk billi nieħdu sehem fil-quddiesa. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Grazzi Ġesù
għal min għallimni
għal dak li tgħallimt
tal-ħbieb li għamilt

Illum qegħdin ingawdu u nagħmlu użu mill-affarijiet tajba li għamlu in-nies li għexu qabilna. Nagħrfu d-dmir tagħna li nieħdu ħsieb l-affarijiet ta’ madwarna biex il-ġenerazzjoni ta’ warajna tgawdi dak li Alla fdalna f’idejna.

Kolletta

Nitolbu
Mulej, int tistedinna ngħixu flimkien fl-imħabba. Ma tħarisx lejn kemm għandna eta’. Għalhekk nitolbuk biex tgħallimna nħobbu u ngħinu lil min hu akbar minna, b’mod speċjali lil min hu anzjan u jgħix waħdu. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Qari


Fl-Antik Testment il-ħajja twila kienu jarawha grazzja t’Alla. Fis-silta li sejrin naqraw Alla jfaħħar lil Abraham, bniedem anzjan, li għamel dejjem it-tajjeb. Flimkien nirringrazzjaw lil Alla tal-ħajja twila li ta lil ħafna nies u tat-tajjeb li għamlu. Fl-istess ħin nitolbu lil Alla nitgħallmu minnhom biex flimkien nagħmlu dejjem it-tajjeb u nogħġbu lil Alla.

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi                                 Ġen 15, 1-5
Kum: Il-Mulej qal lil Abraham:
Alla: La tibżax, Abraham! Hlasek ikun kbir ħafna
Kum: U Abraham qallu;
Abraham: Sidi Mulej, x’se tagħtini, għax se nibqa’ bla tfal, il-werriet tiegħi se jkun it-tifel tal-iskjava tiegħi.
Kum: Il-Mulej qal:
Alla: Ma jirtekx dan imma jirtek ibnek. Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb, jekk għandek il-ħila tgħoddhom. Hekk għad ikun nislek.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali                                 Salm 33

Rit: Duqu u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej

Kull ħin inbierek ‘il-Mulej,
tifħiru dejjem f’fommi.
Bil-Mulej tiftaħar ruħi.
jisimgħu l-fqajrin u jifirħu! R/.

Kabbru l-Mulej miegħi,
u ngħollu ismu flimkien
Jien fittixt ‘il-Mulej, u weġibni,
u minn kull biża’ ħelisni R/.

Ħarsu lejh u tiddu bil-ferħ,
u wiċċkom ma jistħix.
Dan il-fqajjar sejjaħ ‘il-Mulej, u semgħu,
u mid-dwejjaq kollha tiegħu ħelsu. R/.

Hallelujah, Hallelujah.
Bil-kliem u l-għemil weġġah lil missierek,
ħa tinsel fuqek il-barka tiegħu.
Hallelujah

Evanġelju

Meta Ġesù kien ippreżentat fit-Tempju ġie milqugħ minn żewġ anzjani, Xmun u Anna. Dawn kienu qegħdin fit-Tempju jitolbu u jfaħħru lil Alla.
Nitolbu biex aħna bħal Ġesù, Marija, Ġużeppi, Xmun u Anna nifirħu u ngħinu lil xulxin kull meta niltaqgħu flimkien.

Qari mill-Evanġelju ta’ San Luqa                                 Lq 2,22,25-28,36-38.

Marija u Ġużeppi ħadu lil Ġesù f’Ġerusalem biex jippreżentawh lill-Mulej. Fit-tempju kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-farag ta’ Israel u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej.

Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh u bierek lil Alla. Kien hemm ukoll waħda profetessa Anna, kienet imdaħħla fiż-żmien, kellha erbgħa u tmenin sena u ma kienet titwarrab qatt mit-tempju, lejl u nhar taqdi lil Alla fis-sawm u t-talb.

Dak il-ħin stess waslet, u bdiet tfaħħar lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalem.

Il-Kelma tal-Mulej.
Inroddu ħajr lil Alla.

Talba tal-Fidili

Alla jrid li nies ta’ kull eta’, tfal, żgħażagħ, anzjani, jgħixu fid-dinja biex flimkien bejniethom jaħdmu għall-glorja tiegħu. Għalhekk nitolbuh biex nagħtu s-sehem tagħna biex dan iseħħ.

Grazzi għall-anzjani li għandhom relazzjoni magħna u dawk li jgħixu viċin tad-dar. Għinna nisimgħuhom u nitgħallmu minn dak li jgħidulna Nitolbu.

Mulej int ma tħarisx lejn l-età tal-bniedem. Għalhekk ngħidulek grazzi talli tħobb lit-tfal u
l-kbar bl-istess mod. Nitolbu.

Mulej, agħmel li l-anzjani ma jsibux ruħhom waħedhom matul il-ġurnata. Għinhom isibu ma’ min jitkellmu u joħorġu. Nitolbu.

Mulej, għinna nżuru lin-nanniet tagħna u ngħinuhom fil-ħtiġijiet tagħhom. Nitolbu.

Nitolbu lil Marija tidħol għalina quddiem Binha Ġesù biex nagħmlu dejjem ir-rieda tiegħu. Għalhekk ngħidu: Sliem għalik…

Talba fuq l-offerti

Mulej, qegħdin noffrulek dan il-ħobż u nbid u int se tibdilhom fil-Ġisem u d-Demm ta’ Ibnek Ġesù. Nitolbuk tgħin lill-morda jingħaqdu miegħek biex int tgħinhom fit-tbatija tagħhom. Bi Kristu Sidna. Ammen

Talba tal-aħħar

Is-sehem tagħna fil-quddiesa u t-Tqarbina li għamilna turi l-għaqda tagħna miegħek. Għallimna ngħixu din l-għaqda billi nirrispettaw, b’mod speċjali lill-anzjani. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Xi kultant aħna xi ftit għażżiena, ma tantx inħobbu naħdmu. Ikun hemm drabi fejn nipprova niskarta u nagħmel ta’ birruħi li ma nismax. Hemm okkażjonijiet oħra fejn nieħu pjaċir li t-teacher, il-ġenituri qaluli biex naħdem magħhom jew nagħmililhom xi ħaġa. Għalhekk inneħħi kollox minn idejja u nagħmel li jgħiduli.
Alla jħobbni u għandu fiduċja fija. Hu jistedinni naħdem miegħu.
X’se nagħmel?
Nibqa’ inħares jew nistaqsiħ x’irid?

Kolletta

Nitolbu
Mulej, int riedt li Ġesù jitkellimna fuq l-imħabba kbira li għandek lejna. Għinna nilqgħu l-istedina li qiegħed tagħmlilna, biex aħna wkoll nitkellem u nuru din l-imħabba tiegħek lejna. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Qari

Samwel kien joqgħod fit-tempju mal-qassis Għeli. Illum naqraw kif Alla sejjaħlu biex jimxi warajh. Alla mhux se jsejħilna kif sejjaħ li Samwel. Madankollu Alla xorta jsejħilna għax minn għandna jistenna xi ħaġa speċjali.

Qari mill-ewwel ktieb ta’ Samwel                                 1 Sam 3,1-10, 19-20

Kum: It-tifel Samwel kien ikun fit-tempju ma’ Għeli biex jaqdi l-Mulej. Għeli kien raġel xiħ. Darba, meta Samwel kien fit-tempju, il-Mulej sejjaħ:

Mulej: Samwel!

Samwel: Hawn jien.

Kum: Samwel mar jiġri għand Għeli u qallu:

Samwel: Hawn jien, għalfejn sejjaħtli?

Għeli: Ma sejjaħtlekx, erġa mur orqod.

Kum: Samwel rega’ mar jorqod u l-Mulej reġa’ sejjaħlu:

Mulej: Samwel

Kum: Samwel qam u reġa’ mar għand Għeli u qallu:

Samwel: Hawn jien. Għalfejn sejjaħtli?

Għeli: Ma sejjaħtlekx, ibni erġa’ mur orqod.

Kum: Samwel kien għadu ma għarafx li l-Mulej kien qiegħed isejjaħlu. Il-Mulej reġa’ sejjaħlu:

Mulej: Samwel!

Kum: Għeli għaraf li kien il-Mulej li qiegħed isejjaħ lil Samwel. Għalhekk

Għeli: Mur orqod. Jekk terġa’ tisma’ min isejjaħlek, wieġeb: Tkellem Mulej, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’.

Kum: Samwel mar jorqod u l-Mulej reġa’ sejjaħlu.

Mulej: Samwel! Samwel!

Samwel: Tkellem, Mulej, għidli xi tridni nagħmel. Jien qiegħed nisma’

Kum: Samwel kiber u l-Mulej kien dejjem miegħu. Il-poplu Lhudi għaraf li Samwel kien profeta u għen lill-poplu jgħix il-Kelma ta’ Alla.

Kum: Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali                                 Salm 64


Rit: Mulej, inti tħobbni

Mulej, int tajjeb u taħfer.
Isma’ t-talb li nagħmillek. R./

Il-bnedmin kollha jiġu jagħtuk qima,
għax tagħmel ħwejjeġ kbar. R./

Ħares lejja u ħenn għalija,
agħti l-għajnuna lill-qaddejja tiegħek. R./

Hallelujah. Hallelujah
Morru u għidu lil kulħadd,
Kemmm hi kbira l-imħabba tiegħi lejn il-bnedmin.
Hallelujah

Evanġelju

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew                                 Mt 28, 16-20

L-appostli telgħu fuq il-muntanja kif kien qalilhom Ġesù. X’ħin rawħ inxteħtu quddiemu. Xi wħud minnhom iddubitaw.

Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, għidu lin-nies li nħobbhom, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom jgħixu dak kollu li għidtilkom jien. Jien, magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien.

Il-Kelma ta-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Nagħmlu t-talbiet tagħna

Ġesù jgħidilna: “Jien it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja”. Għalhekk jistedinna immorru għandu biex jgħinna nagħzlu dak li Alla jrid minna. Għalhekk miġburin flimkien nitolbuh.

Missier, nirringrazjawk għall-affarijiet tajba li tajtna. Ngħidulek grazzi speċjali għax iltqajna ma’ Ġesù li uriena kemm tħobbna. Nitolbu.

Mulej, nirringrazzjawk li Int tistedinna naħdmu miegħek. Għinna nilqgħu dejjem is-sejħa tiegħek u qatt ma naqtgħu qalbna Nitolbu.

Mulej, għinna nagħarfu dejjem aktar kif nistgħu inħobbuk u kif nistgħu nitkellmu mal-ħbieb tagħna fuq l-imħabba tiegħek. Nitolbu.

Mulej, nirringrazjawk għan-nies kollha li għinuna nsiru nafuk. Agħmel li nsiru nafuk izjed billi naqraw l-Iskrittura u nħallu l-Ispirtu s-Santu jmexxina. Nitolbu.

Mulej, nitolbok tieħu paċenzja bina għax ma nagħmlux mill-ewwel dak li trid. Għinna nifhmu li dak li titlob minna hu ta’ ġid kemm għalina u għall-bnedmin l-oħra. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba fuq l-offerti

Missier, mal-ħobż u l-inbid nippreżentawlek wkoll id-doni u t-talenti li tajtna. Għallimna nużawhom biex inxandru l-imħabba tiegħek. Bi Kristu Sidna. Ammen.

Talba tal-aħħar

Mulej, nirringrazjawk li tafna u tieħu ħsiebna. Grazzi li jiltqajna ma’ Ġesù Ewkaristija. Agħmel li fil-ħajja tagħna jgħinna dejjem nagħzlu l-aħjar, dak li Int tistedinna għalih. Bi Kristu Sidna Ammen.

Mulej, għinni:

*nifhem dejjem aħjar it-tagħlim tiegħek

*nagħarf x’inhi r-rieda tiegħek.

Bidu tal-Quddiesa

Fl-Evanġelju naraw li Ġesù’ iltaqa’ ma’ nies li mhux dejjem għamlu dak li hu tajjeb. Hu qatt ma skartahom, anzi kien imur jiltaqa’ magħhom. Jurihom l-imħabba tiegħu u jistedinhom biex ma jibqgħux jagħmlu d-dnub. Aħna wkoll, mhux dejjem nagħmlu dak li hu tajjeb.
Għalhekk aħna mistiedna biex naħsbu n-nuqqasijiet tagħna u flimkien nitolbu maħfra lil Alla.
Għalhekk ngħidu:

Mulejja, Alla tiegħi, inti tħobbni ħafna, jiddispjaċini talli għidtlek le bi dnubieti, mil-lum ‘il quddiem, bil-għajnuna tiegħek, ma nerġax nagħmel dnubiet izjed, u rrid inħobbok fuq kollox.

Kolletta

Nitolbu
Mulej, inti tħobbna u tistedinna biex inkunu dejjem ħbieb tiegħek. Għinna nagħrfu dejjem in-nuqqasisjiet tagħna. Għinna wkoll nersqu lejk u nitolbuk maħfra. B’ Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Introduzzjoni għall-qari

Kum: Alla għażel lil Mose’ biex joħroġ lill-poplu tiegħu mill-Eġittu. Mhux in-nies kollha fehmu min hu Alla li sejjahlu. Għalhekk kien hemm min staqsa lil Mose’ fuq Alla. Xtaq ikun jaf min hu.

Lhudi 1: Min hu dak Alla li inti titla’ titkellem miegħu fuq il-muntanja. Qatt qallek min hu?

Mose’: Alla tagħna hu Alla li jagħti kas. Nistgħu inxebbħuħ ma’ missier imdawwar bit-tfal tiegħu u ma’ omm qiegħda ħdejn binha marid. Qiegħda ħdejh biex tieħu ħsiebu u tara x’għandu bżonn. Għalhekk Alla tagħna hu Alla kollu mħabba u ħlewwa.

Lhudi 2: Alla juri ħniena u mogħdrija?

Mose’: Jekk xebbaħnieh ma’ missier u omm nistgħu żġur ngħidu li hu jhenn u jagħder.

Lhudi 1: Alla juri ħniena anki ma’ min jagħmel id-dnub, ma’ min hu ħażin?

Mose’: Alla ma jridx li l-midneb jintilef. Alla jħobb lil kulħadd, anki meta wieħed jagħmel il-ħażin. Alla, li ma jaċċettax, hu l-ħażin li wieħed nagħmlu. Għalhekk Alla dejjem jistieden lill-midbeb biex jagħraf l-iżball tiegħu u biex jitolbu maħfra.

Lhudi 2: Hemm xi ħaġa oħra xi tgħidli fuq Alla?

Mose’: Inxebbhu lil Alla ma’ mexxej li dejjem jieħu ħsieb il-poplu tiegħu u dejjem jurihom x’għandhom jagħmlu biex ikunu ferħana.

Lhudi 2: Alla dejjem jiftakar fina u jibqa’ jħobbna?

Mose: Alla tagħna dejjem iżomm il-wegħdiet tiegħu. Qatt ma jerġa’ lura minn kelmtu.
Kemm aħna iffurtunati li għandna Alla li jħobbna daqshekk.

Qari

Qari mil-ktieb tal-Eżodu Eż 34, 4-6, 8-9

Mose’ fassal żewġ twavel tal-ġebel bħal ta’ qabel, u qam fil-għodu kmieni, u tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jahweh! Jahweh!
Alla li jagħder u jħenn: tqil biex jaghdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà”. Mose’ minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, ja Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.

Il-Kelma tal-Mulej
Inroddu ħajr lil Alla.

Salm Responsorjali Salm 102

Rit: Il-Mulej tajjeb u ħanin

Bierek, ruħ tiegħi l-Mulej
kull ma hu ġo fija, bierek l-isem qaddis tiegħu. R./

Hu li jaħfer dnubietek kollha,
li jfejjaq il-mard tiegħek kollu. R./

Ħanin u ta’ qalb tajba l-Mulej,
idum ma jirrabja u kollu ħniena. R./

Glorja u tifħir lilek Kristu. Gloria u tifħir lilek Kristu.
(Hallelujah. Hallelujah.)
Fittxu l-ġid, u mhux d-deni, u l-Mulej ikun magħkom.
Gloria u tifħir lilek Kristu. Glorja u tifħir lilek Kristu.
(Hallelujah. Hallelujah.)

Evanġelju

Ġesù jieħu ħsieb lil min jintilef

Qari mill-Evanġelju ta’ San Mattew                                 Mt 18, 12-14

F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom x’jidhrilkom? Jekk wieħed raġel ikollu mitt nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, ma jħallix id-disgħa u disgħin l-oħra fuq l-għoljiet u jmur ifittex dik li tkun intilfitlu? U jekk jirnexxilu jsibha, tassew, ngħidilkom, jibda jifraħ iktar biha milli bid-disgħa u disgħin l-oħra li ma jkunux intilfulu. Hekk ukoll anqas Missierkom li hu fis-smewwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar.

Il-Kelma tal-Mulej
Tifħir lilek Kristu

Nagħmlu t-talbiet tagħna

Mulej, kif aħna miġburin flimkien, nirringrazzjawk tal-għajnuna tiegħek biex waqt li nagħrfu l-iżbalji tagħna, nitolbuk tgħinna nerġgħu ninħabbu miegħek u bejnietna.

Nirringrazzjak, Mulej, għax bgħatt fostna lil Ibnek Ġesù
Kristu, biex jerġa’ jħabbibna miegħek. Nitolbu.

Żommna, Mulej, qalb waħda biex nikbru fl-imħabba bejnietna. Nitolbu.

Għinna, Mulej, nagħrfu naħfru lil min jonqosna, kif int taħfer in-nuqqasijiet tagħna. Nitolbu

Għinna Mulej, nagħrfu kif int tridna nagħtu s-sehem tagħna biex fid-dinja ma jkunx hawn aktar min ibati l-faqar, min jibki, min jkun imdejjaq. Nitolbu

Għinna nagħrfu, Mulej, li Ġesù illum qiegħed jgħix miegħek fis-sema, izda hu qiegħed ukoll magħna biex jgħinna nersqu aktar lejk. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Talba fuq l-offerti

Mulej, jilqa’ l-offerti tagħna. Nitolbuk biex fl-imħabba tiegħek, taħfrilna d-dnubiet tagħna. Bi Kristu Sidna Ammen.

Talba tal-aħħar

Mulej, grazzi għax iltqajna miegħek fit-tqarbin. Grazzi li ltqajna flimkien. Għallimna naħfru kif taħfrilna int. Bi Kristu Sidna Ammen.

Xi tfisser meta aħna mistiedna nitolbu maħfra lil Alla fis-sagrament tal-Qrar.

Nagħraf lil Alla bħala l-Missier li jħobbni u jaħfirli
Nagħraf li Alla hu dejjem miegħi; jismagħni, jieħu ħsiebi.
Għalhekk ma naqtax qalbi għax Alla jgħinni
Insir naf aktar min jien, il-doni u t-talenti tiegħi
Nitlob maħfra lil Alla għan-nuqqasijijet tiegħi.
Nifraħ mal-insara kollha għax Alla jħobbna, jaħfrilna u jerġa’ jilqagħna miegħu.
Inwiegħed li nagħti s-sehem tiegħi biex ikun hawn aktar imħabba fostna.
Nagħti s-sehem tiegħi biex ikun hawn dinja aħjar.

Ġesù kellimna u wera l-imħabba tiegħu

Tiftakar il-parabbola?

Min huma dawn in-nies li Ġesù ltaqa’



We want to get to know you. To be able to bookmark your favourite content, please log in or sign up below.

User Sign Up

  • This field is for validation purposes and should be left unchanged.


Discover more resources