Nhar it-Tlieta 4 ta’ Lulju 2023, ġiet organizzata laqgħa minn Spiritual Development in Schools flimkien mar-Religious Counsellors ġewwa l-Kunvent San Ġwann tas-Salib, Ta’ Xbiex.
L-għan
L-għan tal-laqgħa kien biex hekk kif intemmet is-sena skolastika 2023, wieħed jirrikonoxxi l-ħidma spiritwali u pastorali ta’ kull Religious Counsellor fl-iskejjel Primarji, Medji, Sekondarji u Post-Sekondarji tal-Istat u c-chaplains fl-iskejjel Indipendenti.
Ħin ta’ Riflessjoni u Talb
Ir-Religious Counsellors kellhom ħin ta’ riflessjoni u talb permezz tal-esperjenza ta’ Prayer Spaces fejn ġew armati spazji ta’ talb relatati mat-tema ‘Ngħixu l-Imħabba’. Huma rriflettew u talbu dwar kif nistgħu ngħixu l-imħabba fil-kommunità, bejnietna bħala aħwa, permezz tar-rikonċiljazzjoni, billi noffru lilna nfusna, u billi nesprimu l-gratitudni tagħna lejn l-oħrajn.
Wara kien hemm ħin allokat fejn wieħed seta’ jipproċessa l-esperjenza ta’ prayer spaces, dwar kif ħassewhom, kif għinuhom jitolbu b’affarijiet sempliċi imma li jgiegħluk taħseb fil-fond dwar temi reali.
Uħud mir-rispons wara li esperjenzaw il-prayer spaces
- Ħassejtni miġbur u tajjeb ħafna.
- Jolqtu l-esperjenzi konkreti tal-ħajja tagħna – bihom titlob fuq l-esperjenzi konkreti tal-ħajja tiegħek.
- Modi sempliċi u prattiċi fejn tiltaqa’ m’Alla mingħajr reżistenzi.
- Atmosfera ta’ ġabra. Grazzi għas-set up u l-mużika fl-isfond.
- Komdu – fil-paċi – fil-kwiet, fil-mistrieħ, rilassat.
- L-ideat – il-kreattività, l-originalità – il-mezzi diversi – sistemi ‘very focused’.
- L-eżerċizzji jwassluk taħseb fuq affarijiet ordinarji u ta’ kuljum.
- Riflessjonijiet sempliċi li jolqtu aspetti differenti, u allura tiffoka.
- Minn dak li esperjenzajt dalgħodu jidhru li ‘one size doesn’t fit for all’ speċjalment għal tfal u żgħażagħ.
- Għoġobni l-kwiet u l-personal journaling.
Esperjenzi sbieħ
Qasmu flimkien esperjenzi sbieħ dwar is-sena skolastika li għaddiet fl-iskejjel u kulleġġi rispettivi ta’ kull wieħed minnhom fosthom l-importanza tal-kuntatt kontinwu mal-SLTs u r-relazzjonijiet tajba mal-edukaturi li jgħinu fil-preparamenti għal waqt iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi u l-ħidma pastorali tagħhom fil-klassijiet. Ir-relazzjonijiet mal-istudenti u l-familji tagħhom tkompli tikber u hija ħaġa nkoraġġanti u pożittiva. Tkellmu dwar riżorsi ġodda li qed jippreparaw u ħolm li jixtiequ jwettqu fil-ħidma pastorali għas-sena d-dieħla.