G
ħat-tieni sena konsekuttiva l-Eko skola stednitna biex narmaw prayer spaces relatati mal-ambjent u l-ħolqien waqt avveniment hekk imsejjaħ FEE Fest. (Foundation for Environmental Education Fest) Dan l-avveniment li jsir fuq medda ta’ tlett ijiem, jagħti opportunità lil ħafna studenti jsiru aktar familjari ma’ programmi dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli. Din is-sena l-FEE Fest sar bejn l-10 u t-12 ta’ Jannar 2018 fl-Iskola Sekondarja Għolja Giovanni Curmi, fin-Naxxar.
 
Bħala tim ta’ prayer spaces, konna verament ferħana nilqgħu fostna gruppi ta’ tfal u adoloxxenti Maltin u Għawdxin minn skejjel primarji u sekondarji. Dawn talbu u rriflettew permezz ta’ tmien spazji ta’ talb fosthom, li kitbu talb għan-nies fid-dinja wara li raw powerpoint presentation b’realtijiet diversi ta’ nies madwar id-dinja. Talbu dwar l-ambjent ħieles minn kull tniġġiż waqt li taw valur minn 1 sa 10 jekk dak li qed jaraw fl-istampa huwiex ta’ ġid għall-ambjent jew le. L-istudenti mbagħad kellhom jaqbdu backpack u jagħżlu tlett oġġetti biss li jieħdu magħhom f’każ li jkollhom jitilqu malajr mill-pajjiż minħabba gwerra jew xi terremot etc.  Fuq ċrieki kkuluriti li meta twaħħlu ffurmaw forma ta’ dudu, kitbu talb ta’ ringrazzjament għal dak li jogħġobhom fil-ħolqien. Fi spazju ieħor ta’ talb, ġew mistiedna jaqbdu ġebla żgħira maħmuġa bil-ħamrija, li kienet qed tirrapreżenta lilna nfusna li maż-żmien nitħammġu b’xi vizzju, u lkoll ħsibna kif nistgħu ninħelsu minnu waqt lil laħlaħna l-ġebla fil-kontenitur tal-ilma.
Kien hemm mumenti ta’ talb profondi ħiereġ mill-qlub ta’ dawn l-istudenti meta rriflettew dwar dak li qed jinkwethom u jbeżżagħhom.
 
Dawn huma xi wħud mit-talb miktub fuq sticky notes:
 
“Jien qed nibża’ li nerġa’ niġi bbuljat hekk kif immur fis-sekondarja, għax meta kont żgħir kienu jaqbdu miegħi”
“Jien naf xi tfisser tgħix f’kaxxa tal-kartun għax għamilt tlett xhur ngħix hekk qabel ma’ wasalt Malta” “Jien ħassejtni skomdu norqod f’kaxxa ta’ kartun u bla ikel. Ħassejtni mbeżża’ fid-dlam.  Tlabt għat-tfal daqsi li jkollhom dar bħali.
“Il-ħajja mhix faċli għalija dejjem imbeżża’ li missieri ma jiġix għalija u jħallini dejjem għand in-nanna”
“Nitlob għat-tfal bħali biex jaqtgħu l-għatx tal-imħabba.  Nixtieq li lili jħobbuni bħal ma jħobbu lil ħuti. Naħseb lili ma jħobbunix ħafna għax ma tantx jagħtu kasi”
“Jien irrid naqta’ l-għatx tal-ħbiberija vera.  Se nagħmel minn kollox biex lil ħabiba tiegħi napprezzha u ma niġġilidx magħha jew ngħajjarha”
“Jien kollox jogħġobni fil-ħolqien għax nara kemm hu kbir Alla biex ħalaq kollox sabiħ.  Ara x-xemx kemm tkun sabiħa tiela’ fil-għodu!”