Subgħa Uniku

Meta napprezza lili nnifsi, nirbaħ

Bookmark
Skola SajfStejjer

English

Isma’ l-istorja

Aqra l-istorja

Petra u Thea huma żewġt tewmin identiċi. Waħda ma tgħaddix mingħajr l-oħra u kif tagħmel waħda tħobb tagħmel l-oħra ukoll. Huma jħobbu jieklu frott, ħaxix u pizza. Iħobbu wkoll jilbsu bħal xulxin u jagħmlu xagħarhom l-istess stil. Iqattgħu ħafna ħin flimkien fil-ġnien żgħir tad-dar. Xi kultant waqt li waħda toqgħod tiżra xi żerriegħa u xitel, l-oħra toqgħod issaqqi s-siġar u l-pjanti.
Huma jmorru l-iskola bil-pass u qegħdin fl-istess klassi. L-arti tinteressahom ħafna. Fil-ħin liberu tagħhom jużaw it-talent artistiku tagħhom u joħolqu tpinġijiet kreattivi . Filwaqt li Petra tħobb tġinġi bil-lapsijiet tal-kulur, Thea tippreferi l-kuluri li tħallat mal-ilma u tħobb tpinġi bil-pinzell.

Darba minnhom waqt li kienu fil-lezzjoni tal-Arti, ġara inċident ċkejken. Waqt li t-tfal tal-klassi kollha kienu qed ipinġu tpinġijiet tagħhom biex jitwaħħlu mal-kuritur tal-iskola, daħal ferħ ta’ qattus mit-tieqa baxxa tal-klassi.

Tgħidx kif tgerfxu t-tfal dak il-ħin! Min feraħ bil-qattus u ried jerfgħu u min beża’ għax allerġiku għall-pil tal-qtates. Kif xi tfal  marru biex jerfgħuh, il-qattus qabeż qabża u tajjar il-kontenituri tal-kuluri ta’ Thea.  L-art ġiet ċaflisa sħiħa.

L-għalliema bil-kalma kollha rat kif għamlet u ħarġet il-qattus mill-klassi. Ippruvat iddawwar dan iċ-ċaflis tal-art f’xi ħaġa pożittiva. Hija tbissmet lit tfal u qaltilhom: “Ejja kull wieħed u waħda minna nbillu subgħajna fil-kuluri u nagħmlu l-marka ta’ subgħajna fuq din il-kartoċina kbira. Imbagħad niktbu isimna taħt il-marka tas-subgħajna.” Hekk għamlu t-tfal u l-għalliema. Imbagħad mesħu subgħajhom u baqgħu jħarsu lejn il-kartonċina mimlija marki tas-swaba tagħhom.

L-għalliema qaltilhom: “Ħarsu sew u nnutaw li kullħadd għandu l-marki tas-swaba tiegħu differenti. Anke  Petra u Thea li għalkemm huma żewġt tewmin identiċi, għandhom il-marka tas-swaba differenti minn ta’ xulxin ukoll. U mhumiex biss il-marki tas-swaba li aħna lkoll għandna differenti tafux,  imma kull wieħed u waħda minna, aħna lkoll uniċi u differenti minn xulxin.”

U kieku int, tixtieq li tbill subgħajk fil-kuluri u tagħmel marka tas- swaba?

Jek iva, wara li tagħmel din il-marka ta’ subgħajk, ikteb ismek taħtha u għid talba ta’ ringrazzjament lil Alla talli għamlek dak li int; uniku jew unika u differenti mill-oħrajn.

Ftakar li Alla għamilna lkoll differenti u jiċċelebra din l-uniċità. Minkejja li Alla ħalaqna nixbhu lilu u lil xulxin, aħna lkoll differenti.

English