Kapitlu 1
Il-ħolqien tas-sema u l-art
1Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art: 2u kienet l-art taħwid u baħħ; u d-dlam kien fuq wiċċ l-abbissi u fuq wiċċ l-ibħra kien jittajjar l-ispirtu ta’ Alla.
3U qal Alla: “Ħa jkun id-dawl.” U d-dawl sar. 4U ra Alla d-dawl li kien tajjeb. U Alla fired id-dawl mid-dlam. 5U d-dawl Alla semmieh jum, u d-dlam sejjaħlu lejl. U dalam u sebaħ - L-ewwel jum.
6U qal Alla: “Ħa jkun hemm medda f’nofs l-ilmijiet u tifred ilma minn ilma.” 7U Alla għamel il-medda u fired l-ilma ta’ taħt il-medda mill-ilma ta’ fuq il-medda. U hekk sar. 8U l-medda Alla semmieha sema. U dalam u sebaħ - It-tieni jum.
9U qal Alla: “Ħa jinġemgħu naħa waħda l-ilmijiet ta’ taħt is-sema u jidher l-inxif.” U hekk sar. 10U sejjaħ Alla l-inxif art; u l-ġemgħa tal-ilma sejħilha baħar. U Alla ra li kollox kien tajjeb. 11U qal Alla: “Ħa tnibbet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa, siġar li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa ġo fih skont għamliethom, fuq l-art.” U hekk sar. 12U nibbtet l-art il-ħaxix, ħaxix li jagħmel iż-żerriegħa skont għamlietu u siġar jagħmlu l-frott biż-żerriegħa skont għamlietu; u ra Alla li kien tajjeb. 13U dalam u sebaħ - It-tielet jum.
14U qal Alla: “Ħa jkun hemm imnariet fil-firxa tas-sema biex jifirdu l-jum mil-lejl, u jkunu sinjali għat-tqassim taż-żminijiet, tal-jiem u tas-snin. 15U jkun hemm, imnariet fil-firxa tas-sema biex idawlu l-art.” U hekk sar. 16U għamel Alla ż-żewġ imnariet il-kbar; l-imnara l-kbira biex trieġi l-jum, u l-imnara ż-żgħira biex trieġi l-lejl, u l-kwiekeb. 17U Alla qegħedhom fil-firxa tas-sema biex jiddu fuq l-art, 18u jrieġu l-jum u l-lejl u jifirdu d-dawl mid-dlam. U Alla ra li kien tajjeb. 19U dalam u sebaħ - Ir-raba’ jum.
20U qal Alla: “Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq ħajjin u jittajru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet.” 21U Alla ħalaq il-ħut il-kbir u l-annimali kollha li jitkaxkru, li bihom miżgħud l-ilma, skont ġenshom, u t-tajr bil-ġwienaħ skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb. 22U berikhom Alla u qalilhom: “Welldu u oktru, u imlew l-ilma tal-ibħra; u joktor it-tajr fuq l-art.” 23U dalam u sebaħ - Il-ħames jum.
24U qal Alla: “Ħa tnissel l-art ħlejjaq ħajja skont ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skont ġenshom.” U hekk sar. 25U għamel Alla l-bhejjem selvaġġi skont ġenshom, u l-bhejjem tad-dar skont ġenshom, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art skont ġenshom. U ra Alla li kien tajjeb.
26U qal Alla: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq ix-xbieha u s-sura tagħna, u jaħkmu fuq il-ħut tal-baħar u fuq it-tajr tal-ajru, fuq il-bhejjem tad-dar u fuq il-bhejjem selvaġġi, u fuq il-ħlejjaq li jitkaxkru fuq l-art.”
27U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbiehetu
fuq xbihat Alla ħalqu,
raġel u mara ħalaqhom.
28U berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr tal-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”