Għan: Niftħu moħħna u qalbna fil-bidu tas-sena skolastika ġdida
Merħba (1 min)
- L-edukatur jilqa’ l-istudenti, imbagħad jiggwidahom biex jisktu u jibdew bir-radd tas-salib isegwi b’talba sempliċi ta’ ringrazzjament mument qasir ta’ silenzju biex jaħsbu fuq il-ġmiel tal-għodwa ġdida u ta’ sena ġdida.
Taqsam (4 min)
- L-edukatur jintroduċi t-tema Niżirgħu t-Tama għar-riflessjonijiet speċjali ta’ filgħodu.
- L-edukatur jissuġġerixxi illi li tiżra’ kwalunkwe żerriegħa hija li jkollok t-tama illi dawn ser jikbru.
- L-edukatur isaqsi fuq it-tip ta’ frott nixtiequ niksbu dis-sena u jagħti ħin għal suġġerimenti.
Riflessjoni (4 min)
- L-edukatur ifiehem (jekk jista’ bl-għajnuna ta’ dan il-filmat qasir fl-isfond – massimu ta’ minuta u nofs mill-bidu) li jeħtiġielna nibdew billi nippreparaw l-art.
- L-edukatur isemmi kif f’parabbola famuża (Mk 4:1-8), nisimgħu li “l-art tajba” biss, il-ħamrija lesta biex tirċievi iż-żerriegħa, tista’ tipproduċi ħafna frott – iż-żerriegħa l-oħra li ż-żerriegħ żera’ waqgħet fil-mogħdija (fejn spiċċaw mikula mill-għasafar), fuq blat u art xagħrija (fejn il-ħamrija mhix fonda – u allura ż-żerriegħa tikber u tmut malajr minħabba x-xemx tiżreġ u nuqqas ta’ għeruq), u fis-siġar tax-xewk (fejn ġew maħnuqa u maqtula).
- L-edukatur jgħin lill-istudenti jistaqsu u jirriflettu fuq it-tifsira għalina li ‘tipprepara l-art’ u jissuġġerixxi li hemm wegħda ta’ ħwejjeġ sbieħ.
Talba (1 min)
O Alla, grazzi għal din is-sena l-ġdida u l-opportunitajiet ġodda biex nitgħallmu u nikbru. Għinni jkolli fiduċja f’dan il-proċess, u li dejjem nittama fil-wegħda Tiegħek li għad nagħmel ħafna frott. Ammen