Imma kif? U dak li semgħet fuq ir-radju x’kellu x’jaqsam?
Noel kien ta’ spiss jgħidilha: Be yourself! Kun int innifsek! Tibżax tkun dak li int. Toqgħodx tinbidel biex tingħoġob mill-ħbieb tiegħek. Kun int innifsek, u min verament irid ikun ħabib tiegħek iħobbok għal dak li int.
Imma x’ried ifisser eżattament? Kif tkun ‘int innifsek’?
Darba kienet qed tistenna tal-linja u mit-tieqa ta’ dar instema’ programm tar-radju. Kellha bilfors toqgħod tisimgħu għax il-volum kien għoli. Il-preżentatur kien qed jitkellem dwar il-Beatitudnijiet. Dil-kelma ma kenitx taf xi tfisser imma dak li bdiet tisma’ tant ħassitu kliem sabiħ li ħassitu jmissilha qalbha. Kif rikbet tal-linja, xegħlet l-internet fuq it-tablet u ttajpjat il-kelma ‘Beatitudnijiet’. Sabet li dawn huma tmien sentenzi sbieħ u li kollha jibdew bil-kelma ‘Henjin’ u tahomlna Ġesù:
- Henjin il-foqra fl-ispirtu, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
- Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa.
- Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art.
- Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
- Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena.
- Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla.
- Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla.
- Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.
Hi u taqra bdiet tħossha tidentifika ruħha sew magħhom għax hi ġieli ħassitha mnikkta u mtaqqla. Kemm xtaqet li tkun tfajla hienja u tipprova tgħix dan l-istil ta’ ħajja!
Staqsiet kif setgħet tiżviluppa dawn il-beatitudnijiet f’ħajjitha. Sabet li bħal kull ħaġa oħra li tkun trid tikber fiha, irid ikollok qalb miftuħa għaliha, titgħallem dwarha u titħarreġ fiha. Riedet ukoll toqgħod attenta għall-persuni li jistgħu jkunu mudelli għaliha. Fehmet li l-Beatitudnijiet huma għejun biex jgħinuha tgħix ħajja aħjar.
Tgħallmet tkun sinċiera magħha nnifisha u tipprova twettaq dak li hu tajjeb u ta’ ġid. Ta’ kuljum bdiet tiltaqa’ ma’ okkażjonijiet fejn setgħet tħobb, tfarraġ, tisma’, taqdi u ġġib il-paċi. Kemm kienet ferħana li għarfet tibda tgħix din it-triq! Issa kienet tħossha tassew ‘hienja’!
–
Marzu 2017