Fid-dinja kontemporanja, il-kultura tat-taħriġ fiżiku qed issir dejjem iżjed popolari tant li tinkorpora fiha nies minn kull settur tas-soċjetà. Aktar minn qatt qabel, il-prattika ta xi sport saret minsuġa fl-orarju ta’ ħafna, irrispettivament mill-eta’ jew l-istat tal-persuna. Dment li persuna tagħraf titħarreġ b’mod responsabbli, ordnat u etiku, bl-għan li tibbenefika personalment u sservi t’ispirazjoni għal ħaddiehor, tkun iġġenerata L-pożittività.
Bħala edukatur inkun qrib ħafna tal-isfidi li jikkaratterizzaw l-adoloxxenza, u tal-impatt li dawn ikollhom fuq l-istudenti. Sikwit, studenti jirrikjedu risposti għal xi kurżitajiet jew dubji li jaħkmuhom kontinwament. Fosthom il-fidi! L-għan ta’ dan l-artiklu huwa li jixħet dawl fuq xebħ li jeżisti bejn is-saħħa fiżika tal-ġisem u dik tar-ruħ. Bla dubju, dal-kontenut jappella wkoll għal nies ‘il barra mill-ispektru taż-żġħożija u li għal raġunijiet differenti jħossuhom ikampaw mingħajr it-talb u l-ħajja sagramentali, b’mod partikolari l-qrar u l-ewkaristija.
Tendenzjalment, meta bniedem issib ħin għall-eżerċizzju fiżiku, isegwi dieta nutrittiva, u jkun konsistenti x’aktarx ikun iżjed fi ġrad li jissupera t-tentazzjoni ta’ ikel u xorb eċċessiv, anke jekk kultant jaqa’. Bil-kuntrarju, l-għażż jiġġenera nuqqas ta’ dixxiplina tant li tonqos it-tama li jintleħqu l-miri rispettivi.
Eżerċizzju Spiritwali
Dan japplika wkoll għar-relazzjoni tagħna m’Alla. Il-konsistenza hija element vitali ħafna biex persuna tirnexxi f’xi aspirazzjoni partikolari. Eżerċizzju regolari, parir siewi mingħand nies intiżi, dieta tajba, il-qari u r-riċerka personali u tant irqaqat oħrajn, huma kollha neċċessarji biex tkun b’saħħtek u f’saħħtek. Is-smigħ tal-Kelma t’Alla, l-ispjeġażżjoni tad-diretturi spiritwali, il-qari personali, it-talb, il-qrar u-tqarbin huma sinonimi għar-ruħ bħalma dak li jseħħ ġo ġym, huwa għall-ġisem.
Fiż-żewġ kuntesti nsibu ambjent imżewwaq b’dak rikjest, mgħammar b’riżorsi adegwati, nies imħarrġa biex jassistu skont il-bżonn, u fuq kollox motivazzjoni li tagħti kuraġġ. Dawn huma xi paraguni li tajjeb wieħed jirrifletti dwarhom:
- “Nagħmel tant workouts, u tant sigħat ġol-gym, għalfejn diffiċli siegħa fil-knisja (il-gym tar-ruħ)?”
- “Bħall-kowċ, il-qassis imħarreġ biex jigwidani ħalli nikber spiritwalment u b’hekk nimxi fuq il-passi ta’ Ġesù!
- “Mhijiex il-qrara effettiva kontra d-dnub bħalma hija ġirja biex naħraq il-pasta li kilt? Konsum żejjed ta’ kaloriji mhux toqol isirli jekk ma niddisponix minnu?”
- “Kemm rivisti, artikli u stejjer dwar idoli naqra! Ġieli naqra xi ħaġa dwar nies umli li ċċekknu? Għandi Bibbja u nitlob biha?”
- “Malli nlesti mit-taħriġ, niekol mill-ewwel ħalli l-ġisem jibda jirkupra. It-tqarbina mhijiex tabilħaqq ikla f’ħinha, wara li naħraq il-kaloriji tad-dnub u nkun tħarriġt bit-talb?”
- “Mhux lant li nixrob u nitħanżer għax ikun għalxejn il-workout. Kemm qed iħallu bidla fl-attitudnijiet tiegħi matul il-ġurnata dik il-quddiesa u tqarbina li nagħmel?”
Miż-żewġ kuntesti nistgħu nabbużaw bla ma nibbenefikaw. Mhux kull min jiffrekwenta gym imur biex jitħarreġ b’serjetà. Min imur jissoċjalizza, min biex jgħaddi siegħa żmien, min għax moda u min għall-isem jew biex mingħalih ikun superjuri. L-istess jiġri fir-rigward tal-quddiesa. Huwa dmir tagħna li nieħdu ħsieb saħħitna bil-mezzi materjali provduti lilna minn Alla nnifsu. Madankollu, jkun ta ġwadan akbar għar-ruħ jekk matul din l-istess mixja temporanja fl-art, nirrikorru għas-supplimenti li jmorru lil hinn mit-tkabbir tal-muskoli, iżda li jatrezzawna biex ninvestu f’meta ‘l qalb li tant tkun ħabbtet, tieqaf. Kollox jiddependi mir-rieda tagħna!
Is-Sur Clinton Carter huwa għalliem tal-Arti u parti mit-tim pastorali ġewwa l-Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja, Kirkop.