X’tixtieq twettaq matul is-sena l-ġdida? Għal xiex qed tispira? Għandek xi ħolma kbira li forsi bħalissa qed taraha impossibbli?
Martina bdiet taħseb f’kemm tixtieq titgħallem iddoqq l-arpa, li trabbi kelb, u li jkollha smartphone. Imma mhux biss!
Kellha wkoll xewqat ferm aktar profondi li setgħu jġibu bidla għall-aħjar fiha nnifisha, f’ta’ madwarha, u fir-relazzjoni tagħha ma’ Alla. Fuq l-internet, kienet rat u semgħet diskors tal-Papa Franġisku fil-bidu tas-sena 2015. Dan id-diskors ispiraha biex tapplikah għal ħajjitha għas-sena ta’ wara. Għalhekk, qabdet kalendarju u f’kull xahar bdiet tniżżel ix-xewqa tagħha u kif se tasal għaliha. Il-kalendarju qassmitu hekk:
- Nara li meta jinqala’ xi argument ma’ ħuti, inkun jien l-ewwel li nara kif nerġa’ nġib l-għaqda bejnietna.
- Irrid nissapportja u nisma’ lill-ġenituri meta narahom għajjenin u mtaqqlin wara ġurnata xogħol.
- Nara li r-relazzjoni tiegħi mal-ħbieb u l-proxxmu tkun tajba u nkun konxju ta’ dawk li veru għandhom bżonn xi tip t’għajnuna.
- Nuża lsieni sew billi ma ngħidx kliem iebes li jweġġa’. Barra minn hekk irrid inneħħi minn ilsieni kliem vulgari li forsi drajt ngħid.
- Irrid indewwi l-weġgħat li għandi f’qalbi billi naħfer lil min weġġagħni b’xi mod fil-passat.
- Nara li xogħli nagħmlu bil-qalb, b’entużjażmu … u tajjeb!
- Ma rridx nimtela bl-għira għal sħabi għall-affarijiet materjali li għandhom u li jien m’għandix, jew għal dak li jafu jagħmlu u jien ma nafx.
- Intajjar ħsibijiet negattivi li jtellfuli l-paċi interjuri ta’ qalbi.
- Nikkontrolla r-rabja tiegħi biex meta nħossni rrabjata ma nasalx f’punt li nkun nixtieq inpattiha wkoll.
- Matul il-ġurnata ma nitgħażżinx u ma nintelaqx.
- Inqis li ma ngorrx għal kull ħaġa ta’ xejn għax nispiċċa negħja jien u ndejjaq lil ta’ madwari.
- lil min hu batut, lill-anzjan, lill-barrani.
Martina tixtieq tagħmel dan kollu għax taf li se jkun għall-ġid tagħha stess. Għalhekk tixtieq li meta tħossha se taqta’ qalbha, tagħmel kuraġġ. Sena ġdida dejjem hija okkażjoni fejn tista’ tibda mill-ġdid. Agħmel l-ewwel pass int ukoll, bħal Martina. Tibqax toħlom biss. Wettaq ukoll il-ħolm u x-xewqat li għandek, għall-ġid tiegħek u ta’ dawk ta’ madwarek.
Jekk trid taqra d-diskors kollu tal-Papa: https://cnsblog.wordpress.com/2015/01/01/pope-francis-suggested-new-years-resolutions/
–
Jannar 2017