Ferħan se jtir, Daniel ma waqafx jgħid kemm ħa gost matul il-ġimgħa ‘camping’ li attenda mal-grupp tiegħu. Trid tisimgħu jirrakkonta dwar kemm tgħallem jarma l-kampijiet u jorbot il-ħbula! Kemm sajjar ikel fuq il-ħatab, kemm lagħab u ġera wara l-ballun, kemm għam, kemm kanta għanjiet u taqbiliet, u kemm kabbar il-ħbiberija ma’ sħabu! Qalilna wkoll kemm kien kuntent li rebaħ l-unur għas-sens ta’ responsabbiltà u r-rispett li wera lejn sħabu.

“Din is-sena,” kompla Daniel b’entużjażmu, “apparti t-tinda l-kbira li armajna biex nieklu taħtha u l-kampijiet l-oħra biex norqdu fihom, armajna wkoll kamp speċjali taħt siġra kbira ftit lil hinn mill-kampijiet l-oħra. Għall-bidu ħsibt li kienu ġejjin xi żgħażagħ oħra u li kellhom jingħaqdu magħna aktar tard, imma mhux għalhekk! Dan il-kamp twaqqaf biex stajna nsibu ftit ħin għall-kwiet u napprezzaw is-silenzju fost l-istorbju ta’ ħafna attivitajiet li kellna.

Tgħidx kemm ħassejtni tajjeb jien f’dan il-kamp! Veru li għall-bidu ma kienx faċli li nidħol fih u noqgħod waħdi fil-kwiet għax dejjem nafni ngħix fl-istorbju u għaddej minn ħaġa għal oħra. Imma ftit ftit dan il-kwiet beda jogħġobni u bdejt inħossni nieħu r-ruħ. Bilqiegħda hemm ġew ħassejtni kalm u moħħi sab is-serħan. Kien hemm imdendel poster b’vers meħud mill-Bibbja: ‘Be still and know that I am God’. F’dawk il-mumenti qgħadt naħseb x’seta’ jfisser għalija dak il-vers.

Matul il-ġimgħa ‘camping’, nammetti li dħalt diversi drabi f’dan il-kamp. U mhux matul il-jum biss dħalt fih, tafux, imma billejl ukoll. Anzi stajt ninnota wkoll li dan il-kamp rari kien ikun vojt. Minn ġol-kamp kont nixħet ħarsti ’l fuq lejn is-smewwiet u nitpaxxa bl-ammont inkredibbli ta’ kwiekeb. Stagħġibt biċ-ċokon tiegħi u l-immensità ta’ fuqi. B’dak il-kobor quddiem għajnejja, u t-trankwillità f’dawn il-mumenti ta’ paċi f’qalbi u madwari, tqanqalt nitlob kif naf jien. Veru ħassejt lil Alla viċin tiegħi.

Kemm nixtieq li tagħmlu esperjenza bħal din! Dan il-kamp lili għenni nirrifletti li kulħadd għandu bżonn jieqaf għal ftit mumenti ta’ kwiet biex jirkupra ftit is-serħan tal-moħħ, it-trankwillità tal-ġisem u s-serenità tar-ruħ.” Min jaf kieku d-darba li jmissek tmur ‘camping’ int ukoll tipprova tarma kamp speċjali?! Kamp fejn tista’ tiskot u tapprezza s-silenzju li jgħinek tqum fuq saqajk u tkompli miexi ħajtek.

Lulju 2017