Din il-mistoqsija hija marbuta ma’ logħba li lagħbu erbat iħbieb waqt li kienu d-dar jieħdu tazza ċikkulata sħuna flimkien.

Kull wieħed ħa kartonċina minn fuq il-mejda, kiteb l-età tiegħu fin-nofs u mbagħad qasam il-kumplament tal-kartonċina f’erba’ kaxxi. Fl-ewwel kaxxa kitbu: Ħares lura u rringrazzja ’l Alla. Fit-tieni kaxxa kitbu: Ħares ’il quddiem u afda f’Alla. Fit-tielet kaxxa kitbu: Ħares madwarek u aqdi ’l Alla u fir-raba’ kaxxa kitbu: Ħares ġewwa fik u sib ’l Alla.

Iż-żgħażagħ bdew jaħsbu u jiktbu. Il-logħba spiċċat meta ħassewhom li mlew il-kaxxi biżżejjed u kienu lesti jaqsmu dak li kitbu ma’ xulxin.

L-ewwel kaxxa sabuha faċli, għax kitbu ħafna ringrazzjamenti lil Alla. Fosthom irringrazzjawh għall-ġenituri u għad-dedikazzjoni u l-imħabba li rċevew; għall-ikel, ix-xorb, u l-ħwejjeġ li dejjem sabu lesti fid-dar; għan-nanniet li trabbew magħħom; għall-iskola li attendew u għal dak kollu li tgħallmu; u għal ġuvintur u tfajliet maturi u responsabbli li huma stess kienu saru bl-għajnuna ta’ diversi nies.

Fit-tieni kaxxa rriflettew dwar xi inkwiet, diffikultajiet u qtigħ il-qalb li ħafna drabi kienu jħossu. Fosthom jekk hux se jsibu xogħol relatat ma’ dak li qed jistudjaw; xi deadlines li kellhom; jekk hux se jkunu mifhuma meta jiltaqgħu ma’ nies ġodda; jekk hux se jirnexxu fil-proġetti li għandhom quddiemhom; xi vizzju li jixtiequ jeħilsu minnu imma li s’issa ma rnexxielhomx. Din il-kaxxa tathom l-opportunità li jibqgħu jirsistu u jagħmlu l-parti tagħhom sew; mill-bqija jixħtu ħarsithom ’il quddiem u jafdaw f’Alla.

Fit-tielet kaxxa kitbu l-attivitajiet li jagħmlu ma’ tant żgħażagħ tamparhom; fl-anzjani li kull xahar imorru jżuru l-isptar u fil-homes; fit-tfal li jgħixu mas-sorijiet u l-ħin li jgħaddu magħhom waqt li jkunu qed jgħinuhom fil-homework u meta jilagħbu magħhom; fil-volontarjat lokali u meta jsiefru. Fehmu li meta jħarsu sew madwarhom, isibu ħafna mezzi kif jaqdu ’l Alla fil-persuni li kontinwament jiltaqgħu magħhom!

Fir-raba’ kaxxa, dik li tħares ġewwa fik u ssib ’l Alla, sabuha ftit diffiċli. Ħassew li jridu jiskopru aktar lilhom infushom u x’hemm mistur fil-fond ta’ qalbhom. Miġburin flimkien, fehmu li Alla, li ismu huwa mħabba, issibu meta taqdi u tħobb lil ħaddieħor u li diġà qiegħed preżenti fihom u jinsab dejjem magħhom.

Issa jmiss lilek tilgħab din il-logħba ma’ ħutek jew mal-ħbieb!

Ħares lura u rringrazzja ’l Alla

Ħares ’il quddiem u afda f’Alla

Ħares madwarek u aqdi ’l Alla

Ħares ġewwa fik u sib ’l Alla

Frar 2017