Nhar l-Erbgħa 24 ta’ Settembru 2025 bejn l-10:00 am u 12:00 pm, Mons. Isqof Joseph Galea-Curmi stieden għall-ewwel laqgħa għas-sena skolastika 2025-26 lir-Religious Counsellors li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat u ċ-chaplains fl-iskejjel indipendenti. Il-laqgħa li ġiet organizzata mill-Ispiritual Development in Schools saret fis-Sala San Ġwann, ġewwa l-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.
Fr Reuben Gauci, kordinatur tar-religious counsellors u l-iSpiritual Development in Schools laqa’ lir-religious counsellors u chaplains ta merħba lill-Eċċellenza Mons Isqof Joseph Galea-Curmi, Fr Noel Vassallo, Vigarju Epispokali għall-kleru; Fr Andre Zaffarese, Vigarju Episkopali għall-Korindament Pastorali; fr Allistair Aquilina OFM Conv. Assistent Direttur għall-Kura Pastorali fis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika u lir-religious counsellors li pparteċipaw fil-laqgħa. Fr Reuben introduċa t-tema tas-sena ‘Wholesome’ u wassal messaġġ ta’ inkoraġġiment fil-bidu tas-sena skolastika. Prof. Adrian Gellel mexxa sessjoni interessanti fuq il-qawwa tal-istejjer u fuq l-importanza li fi żmienna nanimaw stejjer li jqanqlu memorja u fantasija.
Għat-tema tas-sena ‘Wholesome‘ ġew ippreparati 4 sessjonijiet biex ikunu ta’ għajnuna għar-religious counsellors fil-ħidma tagħhom mal-istudenti. Dawn ġew preżentati lir-religious counsellors permezz ta’ ktejjeb għas-snin bikrin u primarja u ieħor għas-snin Medji u Sekondarja. Is-Sur Matthew Gauci u Sa Anne-Marie Gatt mexxew sessjoni fuq dan il-materjal lir-religious counsellors u kellhom ħin jaqsmu xi ideat fuqhom. Wara Mons Isqof Joseph Galea-Curmi wassal messaġġ ta’ tħeġġiġ lil dawn preżenti. Fost l-oħrajn kien hemm dawn il-punti importanti:
Napprezzaw il-grazzja li għandna li naħdmu pastoralment fl-iskejjel tal-Istat u Indipendenti.
Fjamma żgħira ma nitfuhiex imma fjamma żgħira nħeġġuha.
Il-ħidma rridu nagħmluha mar-realtà kif inhi, u mhux kieku li kienet fil-passat.
Li jkollna l-ispirtu li nkomplu dejjem nitgħallmu.
Il-ħidma tagħna fl-iskejjel hija outreach importanti li nagħmlu b’ħafna ġenerożità.
Laqgħa tar-religious counsellors u ċ-chaplains fl-iskejjel tal-Istat u Indipendenti.
24 ta’ Settembru 2025
Messaġġ tal-Isqof Joseph Galea Curmi
Nixtieq, l-ewwel nett, nuri l-apprezzament tiegħi u nirringrazzjakom għall-preżenza tagħkom illum, u għal dak li tagħmlu fl-iskejjel b’dedikazzjoni matul is-sena.
Mhux dejjem tara l-frott ta’ dak li tkun qed tagħmel. Kultant jista’ jkun li l-ambjent mhux dejjem jilqgħek. Jiddependi skont lil min issib u, ħafna drabi, skont min ikun qed jmexxi l-iskola wkoll. Imma nixtieq nirringrazzjakom ħafna u nħeġġiġkhom biex tkomplu tagħmlu l-ħidma li qed tagħmlu b’ħafna ġenerożità.
Nixtieq ninkoraġġikom għal dan! Aħna għad għandna din il-grazzja. U dejjem ngħid li għad għandna l-grazzja li sal-lum, 24 ta’ Settembru 2025, qiegħda hemm, imma ma nafux ’il quddiem kif tkun. Li aħna nistgħu nidħlu biex nagħtu servizz f’diversi skejjel tal-Istat u anke Indipendenti hija grazzja. Jiena nibqa’ immeraviljat kif ċerti skejjel, anke Indipendenti, illi min-natura tagħhom jilqgħu studenti ħafna drabi gejjin minn familji mhux daqshekk prattikanti, jagħmlu l-punt li jixtiequ jkollhom din il-preżenza reliġjuża. Tiġi minnhom, u din hija ta’ inkoraġġiment kbir.
Kultant hija fjamma żgħira li jkun hemm, imma importanti li fjamma żgħira ma nitfuhiex imma nħeġġuha. Kif smajna tajjeb ħafna, u nafu aħna lkoll mill-esperjenza, ir-realtà nbidlet u qed tinbidel b’mod mgħaġġel, u għalhekk aħna nkunu rridu nsiru nafu r-realtà kif inhi. Għax aħna l-ħidma irridu nagħmluha mar-realtà kif inhi mhux ma’ kif kieku nixtiquha jew kif kienet fil-passat. Iktar kmieni fil-laqgħa, semmejna l-ismijiet li llum tant tbiddlu. Kultant, meta nkun għaċ-ċelebrazzjoni tal-Griżma tal-Isqof, ngħidilhom: l-isem għiduli kif tgħidu mhux kif tiktbu, għax mhux dejjem faċli tgħidu.
Li qed ngħid jiena hu li r-realtà nbidlet, u hija ħafna drabi ta’ sfida kbira. Però jien naħseb li huwa importanti ħafna li aħna dejjem jkollna dak l-ispirtu li nkomplu bla ma naqtgħu qalbna, u li nkomplu dejjem nitgħallmu. Nitgħallmu kif l-aħjar li nimxu ma’ dawn il-persuni. Jiena dejjem nara din ta’ għajnuna kbira: li dejjem titgħallem, anke mil-laqgħat bħal dak ta’ llum pereżempju.
Aħna l-Kurja jkollna ħafna laqgħat. U gieli jkun hemm min qisu jilmenta li ġie għal xi laqgħa u ma ħa xejn. Jien dejjem nitgħallem mil-laqgħat. Jew kif għandha tkun laqgħa jew kif m’għandiex tkun; jew kif għandek tmexxiha jew kif m’għandekx. Imma dejjem nitgħallem.
Naħseb din importanti anke għalina, għal mal-ħidma tagħna mal-istudenti. U speċjalment li aħna, kif tkellem tajjeb Adrian, nagħfsu ħafna fuq ir-relazzjonijiet umani. Minn hemm imbagħad tinbena xi ħaġa iktar profonda. L-għaliex, kif nafu, Adrian ippreżenta dik il-pittura u qal x’inhu l-fil komuni fid-diversi partijiet tal-pittura. Il-fil hu l-omm – saret omm fit-Tħabbira mill-Anġlu Gabriel, u hi omm wkoll taħt is-salib – li hu veru! Imma fl-istess waqt, illum fir-relazzjonijiet, nindunaw li hawn min l-esperjenza ta’ omm mhix hekk. Allura wkoll hija sfida, bhalma hija meta niġu biex nippreżentaw lil Alla l-Missier. Aħna ngħidu ‘Missierna’, u ngħidu hekk fit-talba tal-Missierna u, nippreżentaw lill-Missier il-ħanin fil-parabbola tal-Iben il-Ħali – imma għal uħud l-esperjenza ta’ missier mhix hekk! Allura dejjem għandna din l-isfida. Imma għalhekk huwa importanti ħafna dan il-kuntatt uman biex minnu nistgħu ngħinu għal xi ħaġa aktar profonda.
U nafu li dak li nagħmlu huwa proprju dak li qed nsemmu meta nitkellmu fuq il-ħtieġa li l-Knisja tagħmel outreach illum. Fejn hi l-outreach, fejn tista’ tagħmilha? Qiegħda f’kull skola li tmorru. Hija outreach, għax l-iskejjel li fihom tmorru mhumiex l-ambjent ta’ Knisja jew ta’ għaqda fil-Knisja. Jiġifieri, jekk tgħidli inti: fejn nagħmel outreach illum? Fl-iskejjel. Huma kollha mezz ta’ kif nagħmlu outreach ma’ dawn l-istudenti, mal-għalliema, mal-familji tagħhom u l-edukaturi kollha.
Nawguralkom ħafna u l-Mulej jbierek lilkom u l-ħidma kollha tagħkom. Grazzi ħafna.