L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Nirringrazzjakom ħafna, li għażiltu li tiġu għal din il-quddiesa, u li għandi ċans, inkellimkom xi ftit. L-ewwel kelma li nixtieq ngħidilkom hi kelma ta’ kuraġġ għax ħafna drabi jiġru affarijiet f’ħajjitna li jaqtgħulna qalbna. Jew ma nkunux ċerti li hemm xi ħadd li tassew iħobbna u jkollna bżonn kbir, li aħna nħossuna maħbubin; li xi ħadd hu tassew ħabib jew ħabiba; li xi ħadd hemm barra, jew qrib tiegħi, jagħti kasi u jimpurtah minni. L-ewwel kelma li jgħidlek Ġesù, jekk inti ttih ċans, hu: Jiena nħobbok, jiena nagħti ħajti għalik. Hawn ħafna reliġjonijiet fid-dinja naħseb anke fl-iskola tagħkom.
X’jagħmilna Nsara? Alla li nemmnu fih aħna ta ħajtu għalina; Alla, li permezz ta’ Ibnu, li sar bniedem, qalilna din il-kelma: “Kif ħabbni missieri, hekk ħabbejtkom jien” (Ġw 15:9).
Dan hu Alla, li aħna nxandru, u li fih nemmnu. Hu Alla li qal, il-ħabib jew il-ħabiba, tagħti ħajjitha, jagħti ħajtu. “M’hemmx imħabba ikbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15:13). Għax inti tista’ tagħti milli jkollok, imma li tagħti ħajtek! U Ġesù, ma qagħadx jaħsibha darbtejn. Ta ħajtu għalina, u għalhekk, għal kull wieħed u kull waħda minna, sar l-ikbar ħabib.
Ġesù jagħtina wegħda speċjali fl-Evanġelju li għadna kemm smajna llum. Wegħidna xi ħadd li jiddefendina. Xi kultant aħna stess nakkużaw lilna nfusna. Tkun għamilt xi żball f’ħajtek, xi waħda tinkiteb bħal kif ngħidu fil-Malti, jew ma tħossokx bravu jew brava biżżejjed, u jkollok bżonn xi ħadd li jipperswatik, li inti għandek valur, li hemm it-tjubija fik; li inti kapaċi tagħmel ħwejjeġ kbar, skont it-talenti tiegħek. Ġesù jibgħatilna ‘difensur’, jgħid. Kelma oħra, għal dan id-difensur hu ‘avukat’. Xi ħadd li jgħinek, meta tinsab fl-inkwiet. Dan ma jitolbokx kont. Hu “l-Ispirtu tal-verità” (Ġw 15:17); u l-ikbar verità, li aħna maħluqa, u msejħin għall-imħabba.
Issa intom u tiskopru s-sbuħija tal-imħabba f’ħajjitkom, fil-ħolm tagħkom, fil-ħbiberija ta’ bejnietkom; ippermettuli, ta’ raġel xiħ. Jien daqt nagħlaq 65, suppost bil-pensjoni, imma qaluli li għad baqagħli. Għax l-isqof ta’ 75 sena jirtira, jekk il-Papa jiddeċiedi li jħallini naqra kwiet; jiġifieri għad fadalli 10 snin. Ara tal-età tiegħi, ta’ 65 sena jibdew igawdu l-pensjoni. Dik waħda mill-affarijiet li jkollu jagħmel l-isqof, jieħu naqra iżjed paċenzja.
Tgħiduli, imma l-isqof x’inhu? Għax aħna qed naraw raġel qasir quddiemna, u għandu karlotta tad-drapp, il-bqija mhux l-istess bħall-qassisin l-oħra? Imma l-isqof x’jagħmel? L-ewwel nett ma tapplikax biex issir isqof. Isejjaħlek in-Nunzju, li hu l-ambaxxatur tal-Papa, bħalma ġrali jiena fl-2015, kważi 10 snin ilu. In-Nunzju qalli, li l-Papa jixtieq li nkun l-Arċisqof ta’ Malta. Aħna hawnhekk, ngħidulu arċisqof, mhux għax hu ikbar mill-oħrajn, imma hu titlu li d-djoċesi ta’ Malta għandha.
L-isqof hu msejjaħ, biex bħal Ġesù, ikun ragħaj. Imma jien l-ewwel vokazzjoni tiegħi, hi li nagħti ħajti bħala ragħaj; bħala dak li jgħallem, jieħu ħsieb, imexxi, u jkun anke xhud. Immaġina ngħidlek: ħabib, ħabiba, jekk inti trid tkun tassew Nisrani, trid tkun lest tħobb anke billi taħfer lil min għamillek il-ħsara. Imbagħad jien ma nagħmilhiex din il-ħaġa. Tgħidli, mela Dun, inti tpaċpaċ imma meta tiġi għas-si u no, ma tagħmilhiex. Tajba din! L-isqof irid ikun ukoll xhud biex il-kelma li jħabbar jgħixha wkoll. Ħafna drabi l-isqof hu msejjaħ jieħu paċenzja.
Forsi hawn min qed jaħseb ‘tgħidli x’tgħidli, jien m’iniex għal qassis; jien irrid niżżewweġ’. U ta’ dan nawguralek. Imma, tkun xi tkun il-vokazzjoni tiegħek, qis din il-ħaġa. Dak li tagħmel, għamlu għax tħobb. Jekk tagħżel persuna f’ħajtek, għażlu jew għażilha għax tħobbu, għax tħobbha. U l-imħabba tfisser, li trid tieħu paċenzja; għax mingħajr paċenzja m’hemmx imħabba vera; għax l-imħabba vera mhix irħisa, mhix tal-likes ta’ Facebook. Kultant nara xi programm fuq it-televiżjoni, u min ikun qed jippreżenta jgħid: ‘Agħmlulna like’. U kulħadd jgħodd kemm għandu likes. Sirna kultura tal-likes.
Jien kultant jiġini dan il-ħsieb. Allura jiena niswa daqskemm għandi likes? Jew niswa skont kemm inħobb u nemmen fija nnifsi? Għalija importanti kif jarawni n-nies jew skont xi tjubija hemm fija nnifsi? Kultant niltaqa’ ma’ żgħażagħ imdejqin u inkwetati għax kellhom ftit ħbieb u m’għadhomx ħbieb magħhom fuq Facebook jew xi pjattaformi diġitali oħra.
Għandek raġun, jiddispjaċik. Imma ma waqgħetx id-dinja. Inti bravu għax għandek ħafna followers jew għandek ħafna likes? Aħna rridu nkunu xhieda fil-qalb tagħna minn ta’ min aħna. Din hi kultura, li rridu nbiddluha bid-deċiżjonijiet tagħna. Li l-bniedem hu tajjeb, anke kif inħarsu lejn xulxin. Is-sbuħija, is-saħħa, is-suċċess huma sbieħ – kollox jgħaddi; imma inti għażel ħbieb li jkunu twajba, u li jkunu leali. Il-ħbieb ippruvahom! Għaddihom mill-eżami. Hemm eżamijiet tal-ħajja, li mhumiex orali jew bil-miktub, imma li huma ta’ vera. Persuna, qabel tgħid, din hi l-partner ta’ ħajti, dan hu l-maħbub ta’ ħajti, ippruvaha. Dan il-kelma tiegħu tgħodd? Tirrispettani ta’ veru? Jekk kelb fit-triq jagħtih bis-sieq, se jirrispetta lili! Allura tindunaw ukoll, li l-imħabba tagħna, ma tridx tkun biss lejn il-persuni, imma anke lejn il-ħolqien, lejn oħrajn li ma jaqblux magħna.
U l-Mulej, li ta ħajtu għalina, jgħallimna l-ikbar kmandament. X’inhu? Mhux li tmur il-quddies. Dak tajjeb. Imma l-ewwel, li tħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek. Għax Ġesù jgħid, li trid tħobb lilek innifsek billi tieħu ħsieb saħħtek, is-saħħa fiżika u mentali; li tfittex ħbieb tajbin; li tevita d-droga, u l-vizzji li jħassrulek qalbek, anke kif nużaw l-internet. Nieħu ħsieb lili nnifsi u nħobb lili nnifsi biex ħajti ngawdiha; ma jisraqhieli ħadd, ma jirvinahieli ħadd. Nieħu ħsiebha ħajti mbagħad inħobb lill-proxxmu tiegħi. Għax aħna għandna bżonn l-imħabba.
It-talb mhux xi ħaġa li tgħid bl-amment imma li inti tagħraf lill-Ħallieq u tapprezza b’liema barka berikna.
Int, min int, mill-Papa ’l isfel, għandna bżonn li nkunu maħbubin, u li nħobbu, skont il-vokazzjoni tagħna. Jekk tridu tkunu tafu fejn qiegħda l-imħabba tagħkom, staqsu lilkom infuskom fil-qalb tagħna: jekk nara lil xi ħadd fil-bżonn nagħlaq għajnejja? Qisni ma rajtux jew ma rajthiex? Nibqa’ sejjer jew nieqaf u nagħti l-għajuna? Immaġina xi ħadd minnkom iħossu ħażin fil-pjazza u jaqa’, x’se tagħmel? Jiena ma rajt xejn, ma rridx inkwiet, ħa nitlaq ’l hemm. Jew se tmur tfittex l-għajnuna biex ngħinuh. Taf issalva l-ħajja ta’ xi ħadd jekk inti tieħu l-inizjattiva. Forsi qatt ma jgħidlek grazzi, imma inti fil-qalb tiegħek, taf li salvajt lil xi ħadd għax tajt kas; ħabbejt lill-proxxmu mingħajr ma stennejt il-grazzi.
U lil Alla tħobbu jekk tħobb lil ħuk. Lil Alla tħobbu jekk tagħtih iċ-ċans iħobbok. Ħafna drabi, jien nippreferi nitlob fil-kampanja, imqar fi ġnien ċkejken, mhux bilfors fil-knisja. Għax kultant kif nasal fil-knisja jiġu jkellmuni jew biex nitlob għalihom. Jiena ħajti biex inkun mal-poplu imma għandi bżonn ukoll is-silenzju u l-ispazju tiegħi għat-talb. Kultant nifhem għaliex Ġesù, kmieni filgħodu, kien jitlaq xi mkien ’il bogħod, u jinqata’ waħdu jitlob. Jiena ħafna drabi, l-ikbar katidral għalija, hu l-kampanja jew xatt il-baħar. Inqas ma nara krejnijiet, aħjar! Naħseb bħalkom.
Allura, nħoss li dik il-ħaġa tqarribni lejn Alla li ħalaq il-fjuri, li ħalaq il-widien, mingħajr ma ħlaqthom jien. Għax aħna mingħalina, li ħlaqna kollox aħna. Imma iżjed ma tagħraf l-isbuħija tal-ambjent, iżjed tinduna li aħna għandna għalfejn ngħidulu ‘grazzi’. U din il-ħaġa ssir talba. It-talb mhux xi ħaġa li tgħid bl-amment imma li inti tagħraf lill-Ħallieq u tapprezza b’liema barka berikna. Dak hu t-talb.
Il-kelma li nagħtikom ta’ kuraġġ hi din: l-iskola importanti imma tinsewx, li mas-suġġetti sbieħ li titgħallmu, tgħallmu wkoll ħobbu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
(Source: Archdiocese of Malta website)