Nhar il-Ħamis, 26 ta’ Settembru 2024, l-SDS organizza l-ewwel laqgħa għas-sena skolastika 2024-25 għar-Religious Counsellors li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat u ċ-chaplains fl-iskejjel indipendenti fiċ-Ċentru Pastorali ta’ Ħ’Attard.
Workshop dwar pedagoġija u metodu ta’ tagħlim
Fl-ewwel parti tal-laqgħa, wara eżerċizzju fejn tbissimna ftit u tlabna flimkien, is-Sa Anne Marie Gatt u s-Sur Matthew Gauci, pastoral workers fi ħdan l-SDS, mexxew training qasir u interattiv fuq pedagoġija u metodu ta’ tagħlim biex jiffaċilita l-ħidma tar-religious counsellors u ċ-chaplains mal-istudenti.
Djalogu ma’ Mons Arċisqof Charles Scicluna
Fit-tieni parti tal-laqgħa, Mons Arċisqof Charles Scicluna sema’ l-fehma tar-religious counsellors u ċ-chaplains dwar variji sfidi u kif wieħed għandu jħares ‘il quddiem. Dan sar kemm permezz tal-pjattaforma diġitali Mentimeter u wara diversi religious counsellors komplew jelaboraw.
Ir-religious counsellors qasmu diversi opinjonijiet dwar:
Fil-qosor, dawn is-saċerdoti li jaħdmu fl-iskejjel tal-Istat u Indipendenti qalu li biex jikbru fil-motivazzjoni fil-ministeru tagħhom huma jixtiequ:
- Titjib fil-Komunikazzjoni
- Kollaborazzjoni u Pjanifikazzjoni
- Talb kontinwu u Spiritwalità Personali
- Formazzjoni kontinwa u Għarfien
- Ħsieb pożittiv u Preparazzjoni
- Rikonoxximent tas-Sejħa biex Isservi
- Kollaborazzjoni mal-Amministrazzjoni tal-Iskola
L-Arċisqof Scicluna kompla billi emfasizza l-importanza tal-ministeru tagħhom fil-kuntest edukattiv. Huwa fakkarhom kemm hu kruċjali li joħorġu u jilħqu liż-żgħażagħ u t-tfal fil-postijiet fejn jinsabu, speċjalment fl-iskejjel.
Huwa faħħar ukoll il-preżenza kostanti tal-membri tal-ministeru matul is-sena skolastika, u rrikonoxxa li minkejja li l-istruttura skolastika tkun attiva 9 xhur fis-sena, hemm ukoll skola sajf, li żżid il-ħtieġa għal involviment kontinwu.
Fid-diskors tiegħu, l-Arċisqof saħaq fuq l-importanza li tinħoloq relazzjoni tajba mal-istaff, kif semma’ tajjeb Religious Counsellor, minħabba fil-kapaċità tagħhom li jkunu pont bejn l-istudenti u l-valuri spiritwali. Semma kif l-istaff jista’ jkun strumentali biex jgħin lil dawk l-istudenti li għandhom bżonn l-appoġġ, anke jekk ma juruhx direttament. L-Arċisqof enfasizza li r-rwol tal-ministeru m’għandux ikun meqjus bħala filantropiku jew ta’ welfare soċjali biss, iżda li jiffoka fuq il-persuna sħiħa – mhux biss spiritwalment iżda wkoll psikoloġikament.
Mons Charles Scicluna semma wkoll il-valur tad-djalogu, speċjalment meta huwa jkun mistieden f’diversi skejjel anke tal-Istat. Huwa qal li t-tagħlimiet kbar jiġu mill-mistoqsijiet tal-istudenti u li dan jgħinuh jifhem aħjar it-tamiet u t-tħassib tagħhom. Huwa temm billi rrifletta fuq il-privileġġ li r-Religious Counsellors jkunu dawk li jgħaqqduhom mal-imħabba ta’ Kristu, filwaqt li fakkar li r-responsabbiltà finali mhix tas-saċerdot, iżda ta’ Dak li ħallas b’demmu għall-merħla tiegħu – Ġesù Kristu Sidna. Għalhekk ma jimpurtax jekk mhux dejjem wieħed ikollu risposta għal kull mistoqsija għax huwa Kristu li finalment jista’ jwassalhom għal dak li jkunu qed ifittxu.
Fil-konklużżjoni tal-laqgħa Mons Arċisqof Charles Scicluna talab il-barka t’Alla fuq ir-Religious Counsellors, chaplains u pastoral workers u bagħthom b’fiduċja sħiħa, jaqdu lill-Mulej fl-iskejjel billi jħobbu dejjem u jiżirgħu t-tama f’kull ċirkostanza. Il-laqgħa ntemmet b’mument sabiħ ta’ fraternità fejn diversi baqgħu jieklu u jgħidu kelma flimkien.