Isma’ l-istorja:
Aqra l-istorja
Reġa’ wasal ir-Randan. Diġà qed nisma’ lil ommi u n-nanniet itanbruli biex nagħmel xi tip ta’ sagrifiċċju matul dawn l-erbgħin jum. Uff xi dwejjaq! Dejjem l-istess! Ma tistax tiekol laħam, ħelu u dik iċ-ċikkulata li tant inħobb!
Imma din is-sena beħsiebni nagħmel xi ħaġa differenti. Beħsiebni nieqaf ftit mill-ġirja tal-ħajja ta’ kuljum u ndur dawra miegħi nnifsi, u niċċekkja dak li qed nagħmel u kif u b’liema mod qed nagħmlu. B’hekk nista’ nħares ’il quddiem u lil ħajti nagħtiha direzzjoni biex tqarribni aktar lejn Alla.
Biex nagħmel dan se nimpenja ruħi li nagħmel xi ħaġa kuljum permezz tal-aktar ħaġa li nħobb nagħmel fil-ħin liberu tiegħi: niġbed ir-ritratti. Iva, f’dawn l-erbgħin jum se nirrifletti dwar xi tema partikolari u niġbed ritratt tagħha biex imbagħad nagħmel album żgħir b’xi ħsibijiet dwarha. Probabbli ntellagħhom fuq l-internet ukoll biex ningħaqad ma’ żgħażagħ bħali li qed jagħmlu din l-isfida ta’ 40 ritratt għal żmien ir-Randan (#Randan2016) u flimkien noqogħdu narawhom u nikkummentaw fuqhom.
Din hija l-lista li dwarha se niġbed ir-ritratti għal kull jum. Ingħaqad miegħi inti wkoll!
- Ras ir-Randan – Ritratt tal-irmied li jagħmilli s-saċerdot fuq rasi. Nikteb: “Ftakar li trab kont u trab trid terġa’ ssir.”
- Ritratt ta’ xi ħaġa vjola, il-kulur li jintuża fir-Randan fil-knisja.
- Ritratt ta’ xi sagrifiċċju li se nagħmel.
- Ritratt tal-Bibbja li nħobb naqra minnha.
- Il-poster tal-eżerċizzji spiritwali li se nattendi.
- Ritratt ta’ konfessjonarju. Nikteb kif inħossni wara li nqerr.
- Ritratt ta’ tabernaklu. Nikteb x’inħoss quddiem il-preżenza tiegħu.
- Ritratt tal-knisja fejn se nisma’ quddiesa, avolja mhux il-Ħadd.
- Ritratt ta’ sigaretti jew alkoħol li ma ħadtx.
- Il-laptop / tablet / televixin. Se nnaqqas il-ħin fuqhom u ngħaddih nitkellem mal-familja.
- Ritratt tal-post fejn kont sejjer jew il-flus li kont se nonfoq, u minflok nagħtihom karità.
- Ġesù spiss kien imur fuq il-muntanji biex jitlob. Insib post fl-għoli u niġbed ritratt waqt li ngħid talba jew naqra xi silta mill-Vanġelu.
- Ritratt ta’ CD b’songs li nħobb nisma’ matul dan iż-żmien.
- Ritratt qed ngħannaq lil xi ħadd bħala sinjal ta’ maħfra.
- Ritratt tal-laħam, għaġin, pakketti li qgħadt lura minnhom, u se ngħaddihom lil xi ħadd fil-bżonn.
- Ritratt ta’ arloġġ. Ngħaddi ħin inżur lil anzjan jew marid l-isptar jew f’home.
- Il-ħwejjeġ li ma xtrajtx u flushom tajthom lil xi ħadd fil-bżonn.
- Bieb ta’ ħabs. Ritratt tat-talba li ngħid għall-bżonnijiet tal-inmates jew tal-pageant li jsir minnhom f’dawn il-jiem.
- Ritratt tal-Via Sagra li se nagħmel.
- Ritratt ngħidu r-rużarju mal-ħbieb jew il-grupp jew il-familja.
- Ritratt juri li qed nilqa’ lil xi ħadd ġdid jew barrani f’ħajti.
- Ritratt tal-kafè jew drink li se nieħu ma’ persuna li normalment ma ssibx ma’ min toqgħod.
- Qalb li qlajt jew tajt f’San Valentinu. Nikteb messaġġ ta’ mħabba għal min din ma jafx xi tfisser.
- Ritratt ta’ post kwiet. Nikteb xi jfisser għalija l-kwiet.
- Borża b’affarijiet bażiċi u bżonnjużi ta’ kuljum li se nagħti lil xi ħadd.
- Dar/Istitut, fejn nixtieq noffri ħini u l-għajnuna tiegħi fir-Randan.
- Ritratt tas-siġra li nħobb jien biex tfakkarni fil-bidla li siġra ġabet fil-ħajja ta’ Żakkew u fis-siġra li l-injam tagħha ntuża biex sallbu lil Ġesù.
- Ġesù fejjaq ħafna morda f’ġisimhom jew ruħhom. Nieħu ritratt ta’ xi fejqan u nikteb xi jfisser dan għalija.
- Ritratt ta’ xemgħa b’simbolu li juri li Ġesù huwa l-uniku dawl li jmexxini.
- Ritratt ta’ ħobż u l-inbid. Nitlob għal min għadu ma japprezzax l-Ewkaristija.
- Ritratt ta’ arloġġ juri l-ħin tat-tlieta. Niftakar f’Ġesù li miet dan il-ħin.
- Imsiemer jew xewk, li jfakkruni fit-tbatija ta’ Ġesù. Nipprova ma nkunx xewka għal ta’ madwari.
- Idejn jitolbu. Insib ħin biex nitlob kuljum.
- Ritratt ta’ ħaruf, simbolu ta’ Ġesù, il-Ħaruf tal-Għid.
- Weraq tal-palm jew żebbuġ, b’tifkira ta’ Ħadd il-Palm.
- Ritratt taż-żjut li jitbierku fil-katidral f’Ħamis ix-Xirka.
- Il-ġarra tal-ilma li tintuża fil-ħasil tar-riġlejn f’Ħamis ix-Xirka. Nikteb xi jfisser l-ilma għalija.
- Ritratt ta’ riġlejn. Kif nista’ bħal Ġesù ‘naħsel’ riġlejn ħaddieħor?
- Ritratt ta’ salib għażiż għalija.
- Sibt il-Għid – Ritratt tan-nar fil-bieb tal-knisja li minnu jinxtegħel il-blandun. Insegwi sew u nirrifletti dwar dak kollu li jsir f’dan il-lejl qaddis.
- Ħadd il-Għid – Ritratt ta’ statwa jew stampa ta’ Kristu Rxoxt. Nirringrazzja lil Ġesù li bil-mewt u l-qawmien tiegħu salvani u tani ħajja li ma tintemm qatt.
Mill-ħarġa ta’ Frar 2016 tar-Rivista FLIMKIEN