Tħobb Tiġbed Ritratti?

Storja għaż-żgħażagħ minn Silvana Cardona

Bookmark
Stejjer Thobb Tigbed Ritrattti

Isma’ l-istorja:

Aqra l-istorja

Reġa’ wasal ir-Randan. Diġà qed nisma’ lil ommi u n-nanniet itanbruli biex nagħmel xi tip ta’ sagrifiċċju matul dawn l-erbgħin jum. Uff xi dwejjaq! Dejjem l-istess! Ma tistax tiekol laħam, ħelu u dik iċ-ċikkulata li tant inħobb!

Imma din is-sena beħsiebni nagħmel xi ħaġa differenti. Beħsiebni nieqaf ftit mill-ġirja tal-ħajja ta’ kuljum u ndur dawra miegħi nnifsi, u niċċekkja dak li qed nagħmel u kif u b’liema mod qed nagħmlu. B’hekk nista’ nħares ’il quddiem u lil ħajti nagħtiha direzzjoni biex tqarribni aktar lejn Alla.

Biex nagħmel dan se nimpenja ruħi li nagħmel xi ħaġa kuljum permezz tal-aktar ħaġa li nħobb nagħmel fil-ħin liberu tiegħi: niġbed ir-ritratti. Iva, f’dawn l-erbgħin jum se nirrifletti dwar xi tema partikolari u niġbed ritratt tagħha biex imbagħad nagħmel album żgħir b’xi ħsibijiet dwarha. Probabbli ntellagħhom fuq l-internet ukoll biex ningħaqad ma’ żgħażagħ bħali li qed jagħmlu din l-isfida ta’ 40 ritratt għal żmien ir-Randan (#Randan2016) u flimkien noqogħdu narawhom u nikkummentaw fuqhom.

Din hija l-lista li dwarha se niġbed ir-ritratti għal kull jum. Ingħaqad miegħi inti wkoll!

  1. Ras ir-Randan – Ritratt tal-irmied li jagħmilli s-saċerdot fuq rasi. Nikteb: “Ftakar li trab kont u trab trid terġa’ ssir.”
  2. Ritratt ta’ xi ħaġa vjola, il-kulur li jintuża fir-Randan fil-knisja.
  3. Ritratt ta’ xi sagrifiċċju li se nagħmel.
  4. Ritratt tal-Bibbja li nħobb naqra minnha.
  5. Il-poster tal-eżerċizzji spiritwali li se nattendi.
  6. Ritratt ta’ konfessjonarju. Nikteb kif inħossni wara li nqerr.
  7. Ritratt ta’ tabernaklu. Nikteb x’inħoss quddiem il-preżenza tiegħu.
  8. Ritratt tal-knisja fejn se nisma’ quddiesa, avolja mhux il-Ħadd.
  9. Ritratt ta’ sigaretti jew alkoħol li ma ħadtx.
  10. Il-laptop / tablet / televixin. Se nnaqqas il-ħin fuqhom u ngħaddih nitkellem mal-familja.
  11. Ritratt tal-post fejn kont sejjer jew il-flus li kont se nonfoq, u minflok nagħtihom karità.
  12. Ġesù spiss kien imur fuq il-muntanji biex jitlob. Insib post fl-għoli u niġbed ritratt waqt li ngħid talba jew naqra xi silta mill-Vanġelu.
  13. Ritratt ta’ CD b’songs li nħobb nisma’ matul dan iż-żmien.
  14. Ritratt qed ngħannaq lil xi ħadd bħala sinjal ta’ maħfra.
  15. Ritratt tal-laħam, għaġin, pakketti li qgħadt lura minnhom, u se ngħaddihom lil xi ħadd fil-bżonn.
  16. Ritratt ta’ arloġġ. Ngħaddi ħin inżur lil anzjan jew marid l-isptar jew f’home.
  17. Il-ħwejjeġ li ma xtrajtx u flushom tajthom lil xi ħadd fil-bżonn.
  18. Bieb ta’ ħabs. Ritratt tat-talba li ngħid għall-bżonnijiet tal-inmates jew tal-pageant li jsir minnhom f’dawn il-jiem.
  19. Ritratt tal-Via Sagra li se nagħmel.
  20. Ritratt ngħidu r-rużarju mal-ħbieb jew il-grupp jew il-familja.
  21. Ritratt juri li qed nilqa’ lil xi ħadd ġdid jew barrani f’ħajti.
  22. Ritratt tal-kafè jew drink li se nieħu ma’ persuna li normalment ma ssibx ma’ min toqgħod.
  23. Qalb li qlajt jew tajt f’San Valentinu. Nikteb messaġġ ta’ mħabba għal min din ma jafx xi tfisser.
  24. Ritratt ta’ post kwiet. Nikteb xi jfisser għalija l-kwiet.
  25. Borża b’affarijiet bażiċi u bżonnjużi ta’ kuljum li se nagħti lil xi ħadd.
  26. Dar/Istitut, fejn nixtieq noffri ħini u l-għajnuna tiegħi fir-Randan.
  27. Ritratt tas-siġra li nħobb jien biex tfakkarni fil-bidla li siġra ġabet fil-ħajja ta’ Żakkew u fis-siġra li l-injam tagħha ntuża biex sallbu lil Ġesù.
  28. Ġesù fejjaq ħafna morda f’ġisimhom jew ruħhom. Nieħu ritratt ta’ xi fejqan u nikteb xi jfisser dan għalija.
  29. Ritratt ta’ xemgħa b’simbolu li juri li Ġesù huwa l-uniku dawl li jmexxini.
  30. Ritratt ta’ ħobż u l-inbid. Nitlob għal min għadu ma japprezzax l-Ewkaristija.
  31. Ritratt ta’ arloġġ juri l-ħin tat-tlieta. Niftakar f’Ġesù li miet dan il-ħin.
  32. Imsiemer jew xewk, li jfakkruni fit-tbatija ta’ Ġesù. Nipprova ma nkunx xewka għal ta’ madwari.
  33. Idejn jitolbu. Insib ħin biex nitlob kuljum.
  34. Ritratt ta’ ħaruf, simbolu ta’ Ġesù, il-Ħaruf tal-Għid.
  35. Weraq tal-palm jew żebbuġ, b’tifkira ta’ Ħadd il-Palm.
  36. Ritratt taż-żjut li jitbierku fil-katidral f’Ħamis ix-Xirka.
  37. Il-ġarra tal-ilma li tintuża fil-ħasil tar-riġlejn f’Ħamis ix-Xirka. Nikteb xi jfisser l-ilma għalija.
  38. Ritratt ta’ riġlejn. Kif nista’ bħal Ġesù ‘naħsel’ riġlejn ħaddieħor?
  39. Ritratt ta’ salib għażiż għalija.
  40. Sibt il-Għid – Ritratt tan-nar fil-bieb tal-knisja li minnu jinxtegħel il-blandun. Insegwi sew u nirrifletti dwar dak kollu li jsir f’dan il-lejl qaddis.
  41. Ħadd il-Għid – Ritratt ta’ statwa jew stampa ta’ Kristu Rxoxt. Nirringrazzja lil Ġesù li bil-mewt u l-qawmien tiegħu salvani u tani ħajja li ma tintemm qatt.

Mill-ħarġa ta’ Frar 2016 tar-Rivista FLIMKIEN