The story is about a family who likes to go for a walk and swim in Mistra Bay. Daddy plans fun games to play with his children like ‘Hide and Seek’ among the reeds and trees and on the sand. Once they played a game with pebbles. First, they thought of people who said unkind words to them and hurt their feelings. Then, they threw the pebbles into the sea as a sign of forgiveness.
Ages
- Primary Years
- Middle Years
Żomm Ċagħka f’Idejk u Itlaqha
“Min hu barra barra u min hu ġewwa ġewwa!” qal il-papà hekk kif Ryan u ħutu marru jiġru jistaħbew wara s-siġar u l-ħitan tas-sejjieħ. U l-papà beda jfittex lit-tfal tiegħu wieħed wieħed u waħda waħda. Kull darba li jsib lil xi ħadd fil-moħba tiegħu jgħajjat l-isem biex juri li jkun rah jew raha u jgħajjat il-kelma ‘Rajtek’. Imbagħad dak li jkun, imur jiġri fuq il-papà biex jerfgħu minn taħt idejh, jgħollih ’il fuq u jgħannqu waħda kbira miegħu.
Din hija waħda mill-logħbiet favoriti ta’ Ryan. Huwa jħobb jilgħab Noli, qalb is-siġar u l-friegħi tal-qasab tul il-passaġġ li jwasslek għall-Bajja tal-Mistra, limiti tax-Xemxija. Il-familja tiegħu ta’ spiss imorru jagħmlu mixjiet fil-Mistra speċjalment fir-rebbiegħa meta n-natura tkun qed tieħu l-ħajja.

Fis-sajf, iħobbu jmorru tard waranofsinhar biex ix-xemx ma tkunx taħraq ħafna. Huma jħobbu jgħaddu l-ħin fuq il-bajja, jilagħbu fuq ir-ramel, jieklu, jgħumu u jitkellmu bejniethom sa tard filgħaxija.
Trid tarahom jilagħbu kollha flimkien bħala familja bl-aktar affarijiet sempliċi. Xi drabi l-bajja tkun mimlija alka niexfa u l-gost tagħhom jintefgħu fuqha waqt li ġisimhom jinkesa kollu bl-alka kannella. Dak il-ħin isiru karattri immaġinattivi u jibdew jiġru wara xulxin bl-alka mwaħħla magħhom. Kemm jidħqu bil-qalb meta missierhom jivvinta xi kummiedja biex ikompli jdaħħaqhom u jferraħhom! Imbagħad ġirja waħda kollha għal ġol-baħar u l-alka titlaq kollha.
Huma jkomplu jilagħbu fil-baħar billi xi aħwa joqogħdu jitfgħu l-ballun lil xulxin filwaqt li l-oħrajn jew jinku lil xulxin bħal meta jtajru l-ilma jew jirrumblaw lil xulxin minn fuq il-lilo.
Darba minnhom il-papà qal lit-tfal tiegħu: “Illum ser nilagħbu logħba differenti biċ-ċagħak u ser insemmuha, ‘Żommni ftit f’idejk u itlaqni fil-baħar’. U li ser nagħmlu huwa hekk: Ser immorru fit-tarf tal-bajja, noqogħdu bilqiegħda fuq iċ-ċagħak u nżommu ftit distanza biex ma ntellfux lil xulxin.
Imbagħad se naqbdu ċagħka u waqt li nżommuha għal ftit ħin f’idejna, ser naħsbu f’persuni li qalulna kliem iebes jew għamlulna xi ħaġa kerha u b’hekk weġġgħulna qalbna. Imbagħad meta tħossukom lesti, itfgħu ċ-ċagħka l-baħar bħala sinjal li ħfirtulhom. Min irid jista’ jkompli jaħseb u jitfa’ aktar ċagħak.”
Wieħed mill-aħwa qabad ċagħka żgħira f’idu u ħaseb meta ħuh l-ieħor ħadlu t-trakk biex jilgħab bih u spiċċa nesieh warajh ġol-ħaxix. Għalkemm kien ħassu rrabjat ħafna kien lest li jinsa u jaħfirlu u għalhekk tefa’ ċ-ċagħka l-baħar, bħala sinjal li ħafirlu. ‘Splaxx!’

Oħtu qabdet ċagħka sabiħa u ħasbet f’xi ħbieb li għall-ewwel kienu ħelwin magħha, imbagħad bdew jinkuha u jaqbdu magħha għal xejn b’xejn. Għalkemm ma kinitx faċli għaliha, hi tefgħet iċ-ċagħka l-baħar u ħafritilhom ukoll. ‘Splaxx!’
Ħuhom ieħor qabad ċagħka kbira f’idu u ħaseb f’meta xi ħadd mill-klassi tiegħu waħħal fih li seraq il-pokit tal-lapsijiet.
Huwa żammha magħfusa f’idu għal ftit ħin imbagħad tefa’ ċ-ċagħka l-baħar għax kien lest li jaħfer lil dak li gideb fuqu.
Oħthom tan-nofs ħasbet f’meta kienet marret skola ġdida u għall-bidu ħadd ma ried jaċċettaha u jilgħab magħha. Hija ħafritilhom u tefgħet iċ-ċagħka l-baħar ukoll.
Ryan, il-kbir fost l-aħwa, sab post aktar lil hinn minn ħutu biex ikun għas-skiet u l-ħemda tal-bajja. Waqt li poġġa fuq iċ-ċagħak, beda jaħseb f’dawk il-mumenti li xi drabi ħassu xi ftit imwarrab mill-ġenituri tiegħu biex jagħtu l-attenzjoni tagħhom lit-tarbija l-ġdida li kellhom. Fis-skiet qabad ċagħka u żammha f’idu. Huwa talab lil Alla jgħinu biex ma jibqax iħossu mwarrab u biex jifhem aktar il-bżonnijiet li għandha t-tarbija l-ġdida.
Wara li lestew il-logħba taċ-ċagħak, il-ġenituri u t-tfal reġgħu nġabru flimkien. Kollha qalu li ħassewhom tajjeb wara li tefgħu ċ-ċagħak fil-baħar bħala sinjal li ħafru lill-persuni li ħasbu fihom. Imbagħad irringrazzjaw lil Alla tal-ħin sabiħ li għaddew flimkien u tas-sens sabiħ li bħala familja dejjem jiskopru xi ħaġa ġdida flimkien.
Resources related to this story
We want to get to know you. To be able to bookmark your favourite content, please log in or sign up below.
User Sign Up
Discover more resources