Ages
- Primary Years
- Middle Years
- Secondary Years
- Post-Secondary Years
Tifla kienet sejra għand nannitha biex twasslilha ftit fjuri sbieħ. Kellha libsa bajda… sabiħa.
Tifel daqsha raha u ddeċieda li jbikkiha. Qabad ftit tajn u tefgħu għaliha. It-tifla nħasdet… il-libsa ttebbgħet. Iżda flok bdiet tibki, resqet lejn it-tifel u qaltlu:
“Naħfirlek u biex nurik li ħfirtlek ser nagħtik fjura”.
It-tifel immuta…għajnejh imtlew bid-dmugħ…u beda jibki.
Kienet rebħitu bl-imħabba…rebħa li ebda vendetta ma tasal li trebbħek.
In-nies kienu jafuh. Miżmum bħala bniedem għaref li kiteb kotba tqal u sab tarf isawwar dizzjunarju ta’ lsien artu. Imma issa rawh f’nofs il-pjazza fil-post fejn darba, ħafna u ħafna snin qabel, kien jarma bil-kotba missieru.
Kien hemm waħdu f’xita kontinwa bla ma jitħarrek. Ħasbuh li moħħu ħfief xi ftit. Imma donnhom stħaw imorru għalih u jeħduh lura. U baqa’ hemm siegħa sħiħa. Sar għasra. Imbgħad telaq iċeklem lejn il-lukanda.
U bosta bdew jistaqsu l-għaliex ta’ din il-ġrajja. U r-raġel għaref qalilhom.
“Bħal-lum ħamsin sena jien għedt le lil missieri. Talabni bil-ħniena biex niġi miegħu hawn ħalli flimkien inbiegħu l-kotba. Iżda jien ma ridtx mmur ngħinu. U missieri, miskin, mar waħdu jbiegħ il-kotba biex biex b’li jaqla’ jmantni lili, lil ommi u lil ħuti. Missieri llum miet, imma meta nħares lura lejn dik il-ġrajja nibki f’qalbi għall-qalb iebsa lejn dak li bata ħafna birx jien tgħallimt l-iskola u lħaqt fejn wasalt illum. Illum ridt nifdi dnubi. Mort fil-post eżatt fejn kien jarma u domt hemm daqs kemm kien idum hu jbiegħ il-kotba. U l-ilma li niżel fuqi ħassejtu qed jaħsel dnubi”
Hekk spiċċa jirrakonta Samuel Johnson, kittieb prolifiku u awtur ta’ dizzjunarju li dam jissawwar bosta snin u għadu sal-lum miżmum b’għożża minn min iħobb il-lingwa Ingliża.
Mark u Josie ħabbew lil xulxin mill-ewwel darba li ltaqgħu. L-imħabba ta’ bejniethom kibret u ssaħħet matul kull ġurnata tan-namur qasir tagħhom – u jum it-tieġ kien jum ta’ barka. Ma setgħux ikunu aktar ferħanin, u setgħu jħarsu ‘l quddiem għal ħajja feliċi flimkien u l-imħabba ta’ bejniethom kienet tinħass sew waqt iċ-ċerimonja.
Iżda l-imħabba tagħhom ma setgħetx twarrad mill-ewwel għaliex ir-reġiment ta’ Mark kien imsejjaħ għall-gwerra ‘l bogħod minn pajjiżhom. Ma setgħux isibu kwiet. Kif setgħu jaċċettaw il-fatt li ser ikunu mbiegħda minn xulxin! Meta wasal il-jum tant imnikket, Mark ipprova jtaffi l-bogħod ta’ bejniethom billi jwegħdha li jiktbilha kull jum ittra mimlija imħabba – waħda f’kull jum ta’ firda.
Josie ma setgħetx issib sabar tistenna l-ittri. Għaddew għaxart ijiem sa ma lemħet il-pustier jiftaħ il-kanċell ta’ barra. Ġriet biex tilqgħu. Għarfet il-kaligrafija. Xammet l-ittra u għafsitha ma’ qalbha. Irringrazzjat lill-pustier u ġriet lejn id-dar b’qalbha tħabbat sitta sitta. U l-ittra poġġietha fuq l-iskrivanija tal-istudju. L-għada reġgħet qagħdet tistenna. Il-pustier reġa’ mar u newlilha ittra oħra tal-għażiż Mark. Bisitha u ġriet ‘il ġewwa biex tagħmilha fuq l-oħra. It-tielet ittra waslet l-għada.
Kemm kienet ferħana Josie li Mark ta’ qalbha kien żamm il-wegħda u kien qed jiktbilha ittra kull jum! Mark kien ilu xahar imbiegħed, u ħabiba ta’ Josie marret iżżurha. Dak il-munzell ittri fuq l-iskrivanija imlieha bil-kurżità.
“Dawk x’inhuma?” staqsiet.
“Dawk ittri tal-għażiż żewġi Mark li qiegħed ‘il bogħod għall-gwerra,” weġbitha b’għajnejha mimlija mħabba. “Tant iħobbni li kuljum jiktibli ittra mimlija mħabba”.
“Imma għadek ma ftaħthomx! Aħseb u ara qrajthom!” qaltilha ħabibitha.
“U iva ma għandix bżonn naqrahom. Jien naf li jħobbni!”
Meta taqraha, taħseb li qed taqra ħrafa jew leġġenda imma fil-fatt ġrat tabilħaqq kif jirrakonta Max Lucado, predikatur famuż u awtur ta’ ħila.
Jirrakonta li fil-ħabs ta’ Sing Sing fis-snin għoxrin tas-seklu l-ieħor, daħal jaħdem ċertu Lewis Lawes. Kien raġel twajjeb u kien jistma lill-ħabsin b’rispett avolja xi wħud minnhom kienu qattiela u qegħdin jistennew il-mewt fuq is-siġġu tal-elettriku. Mhux biss kien jistmahom, iżda ħajjar lil martu Catherine tibda iżżurhom u fejn tista’ tgħallimhom. Hekk għamlet ma’ wieħed għama u għallmitu il-braille biex ikun jista’ jaqra billi jħoss ittri imqabżin, u lil min kien nieqes mis-smigħ għallmitu l-lingwa tas-sinjali. Il-priġunieri l-oħra kienu jħobbuha u jieħdu gost meta kienet torganizza xi klassi u tgħallimhom. Bil-mod il-mod rebħithom u kienu verament jistmawha. U minkejja li kellha tliet ulied, kienet tqatta’ ħafna ħin ma’ dawn il-ħabsin. Saret għall-ħabsin it-tieni omm.
Iżda jum wieħed Catherine ma dehritx fil-ħabs. Intebħu li ġrat xi ħaġa. U kien ġara tabilħaqq għax Catherine kienet ittajret minn karrozza u baqgħet mejta fil-post. Meta din l-aħbar ġiet ikkonfermata, il-priġunieri marru fejn id-dirretur tal-ħabs u qalulu: “Nixtiequ ferm li mmorru għall-funeral ta’ Catherine. Niżgurawk li b’rispett tagħha ħadd minna ma jaħrab”.
Id-dirretur infixel. Kien jaf kemm kien hemm rispett reċiproku bejn Catherine u dawn il-ġuvintur iżda beża’ jiftħilhom għax setgħu jaħarbu u mbgħad ħobżu u l-liberta tiegħu jintemmu għax jispiċċa arrestat. Imma qalbu qaltlu li din kinet okkażżjoni fejn dawn il-priġunieri setgħu jaraw, għall-aħħar darba, il-benefattriċi tagħhom u forsi xi ftit minn kliemha kien jidħol ġo qalbhom għal dejjem. U ta’ l-permess li riedu. Ħarġu għall-funeral u qagħdu hemm tul iċ-ċerimonja kollha. U fi tmiemha kull wieħed minnhom irritorna lejn iċ-ċella tiegħu. Ħadd minnhom ma ħarab.
Meta r-raġel abjad rifes fil-kontinent Afrikan u beda dieħel ‘il ġewwa, bogħod mill-baħar qalb il-ġungla u l-boskijiet tal-kontinent, iltaqa’ ma’ bosta tribujiet li kollha kellhom id-drawwiet tagħhom. U fost dawn id-drawwiet tissemma dik imsejħa tal-fjura tar-rebbiegħa. L-ewwel fjura tal-istaġun. Min kien jilmaħ din il-fjura kien ikollu sena sħiħa ta’ ikel għall-familja tiegħu.
U sena minnhom kien daqsxejn ta’ tfajjel li lemaħ din il-fjura mxabbta mal-eħrex dagħbien. Raha, imma ma setgħax jersaq lejha għax kienet f’nofs is-sies. Ried jiddendel għaliha minn fuq. Imma twerwer meta sħabu qalulu li lesti jniżżluh bil-ħabel u meta jaqtagħha, imur u jippreżentaha lill-kap tat-tribu.
Iżda ħares lejn dak id-dagħbien fond u sewdieni…mimli għollieq u ġebel ippuntat, qatgħetlu qalbu. Dlonk wasal missieru li meta sar jaf bis-sejba ma xtaqx jitlef dak il-premju… ta’ sena ikel għall-familja kollha. Anqas ried jitlef lil ibnu li nzerta l-kbir u li kien iħobbu ħafna. Imma xorta qallu:
“Ibni sena ikel għall-familja tagħna tfisser ħafna. Inżel għall-fjura u inżomlok il-ħabel jien. F’idejja tkun fis-sod!”
U t-tifel bla ma ħasibha xejn resaq lejn tarf is-sies, intrabat kif kien tgħallem jagħmel minn eta’ żgħira u ħalla lil missieru jniżżlu biex jaqta l-fjura. U meta qatagħha tela’ ferħan biex imur jippreżentaha lill-kap tat-tribu’.
U sħabu staqsewh:
“Għaliex meta ridna nniżżluk aħna bżajt u meta qallek missierek inżilt bla ebda biża’?”
“Għax kont ċert li missieri ma kienx ser iħallini naqa’”.
Żgħażugħ iswed niżel mit-tren u qabad triq 42 u telqilha bil-mixi għal New York iġorr bagalja u bagoll tqil. Ftit wara ħass min jeħodlu l-bagalja minn idu u b’vuċi ħelwa qallu: “Tidher tqila ġmielha din il-bagalja ħija! Jimporta nerfagħhielek? Jien ukoll għal dik it-triq.”
Dak iż-żagħżugħ baqa’ mistagħġeb kif wieħed abjad offrielu biex jgħinu. Għall-ewwel ma riedx jagħtihielu, imma l-abjad ħadielu minn idu u baqgħu sejrin flimkien jitkellmu u jidħku qishom kienu ilhom jafu ħafna ‘l xulxin. “U dik kienet l-ewwel darba”, qal l-iswed, “li qatt kont rajt lil Theodore Roosevelt, it-26 president tal-Istati Uniti”
Kienu żminijiet oħra meta n-nisa kienu jmorru ħdejn il-bir tar-raħal jimlew l-ilma għall-familja u għall-bhejjem tagħhom. Tlieta minnhom kienu qed jirrakontaw x’kapaċi jagħmlu wliedhom, waqt li qribhom b’pipa f’ħalqu kien hemm xwejjaħ jissemma’ għad li ħadd ma kien qed jagħti kas tiegħu.
“Tiegħi vera intelliġenti. L-għalliema jgħidulu li qatt ma raw tifel intelliġenti daqsu. Jikteb qisu xi kittieb imsemmi. Rari jmissulu kelma minn kitbietu. Żguri li meta jikber għad jkollu suċċess kbir.”
“U tiegħi tgħidx x’vuċi għandu. Leħnu meravilja. Kull fejn ikun ikanta, mijiet jimlew is-swali biex jisimgħu din il-vuċi li għad tidwi mad-dinja kollha.”
It-tielet baqgħet siekta. U l-oħrajn baqgħu jistennewha tgħid tagħha. Imma meta għadda l-ħin u baqgħu bla tweġiba, staqsewha: “u dwar tiegħek x’ser tgħidilna?”
“Xejn speċjali. Ħadd qatt ma qalli li hu eċċezzjonali. Komuni bħal ħafna. Hawn mijiet bħalu.”
Issa kienu mlewh l-ilma. U bilġri poġġew il-lasta fuq spallejhom u telqu lejn darhom iġorru l-bramel tagħhom. U x-xwejjaħ telaq għal warajhom. Fit-triq iltaqgħu ma’ wliedhom. L-intelliġenti resaq qrib ommu u beda jgħid kliem sabiħ dwar id-dehra ta’ madwaru…l-għelieqi jħaddru….l-għasafar ħelwin isaffru ferħana. Tat-tieni wkoll inħakem mill-muża u beda jkanta għanja ħelwa b’vuċi smewwija. Imma t-tielet ma kinx kapaċi jibrilla u għamel biss dak li kien ilu jagħmel. Daħal taħt il-piż tal-lasta li kienet qed iġġorr ommu u dlonk ġennibha ftit biex timxi ħielsa.
L-ommijiet ħarsu madwarhom u lemħu lix-xwejjaħ. Talbuh jgħidilhom x’jidhirlu minn uliedhom. Riedu jkunu jafu kif jaħsibha dwar l-intelliġenti u l-kantant ta’ ħila. Imma x-xwejjaħ deher imħasseb.
‘jiddispjaċini, iżda f’din ix-xena kollha rajt biss wild wieħed. Wieħed biss mexa ta’ iben lejn ommu għad li ma qal xejn speċjali u anqas kanta.”
Kienu ilhom żmien jaħdmu ċ-Ċina. Hu tabib u martu nurse fi klinika. Xogħol li ftit kien jirrendi imma għażluh huma għax riedu jagħtu sehemhom biex inaqssu t-tbatija.
Kien żmien il-persekuzzjoni u fiċ-Ċina ma ridux barranin fosthom u waslet l-ordni li t-tabib u martu riedu jitilqu. Kellhom permess biss li jieħdu magħhom 200 kilogramm ta’ proprjetà bejniethom.
U bdew jagħżlu fost il-mobbli l-iktar affarijiet għeżież li kellhom… xi vażun…kikkri…tapit…bizzilla, oġġetti li kienu xtraw f’għaxar snin ta’ ħidma. Kienu oġġetti sbieħ, għeżież għalihom u meta waslu għaċ-ċifra msemmija għalqu kollox f’kaxxa u ddispjaċihom li ser iħallu għexieren ta’ oġġetti oħra warajhom.
Waslu s-suldati u meta wiżnu l-kaxxa u sabu ċifra li toqrob il-200 kilo qalulhom:
“Mela ser tħalluhom warajkom lil uliedkom?”
It-tabib u martu tbikkmu. Għalihom uliedhom ma kinux oġġetti iżda s-suldati baqgħu jinsistu u dawn tawhom bla ħsieb xejn il-kaxxa b’kollox u ħaddnu magħhom lil uliedhom għax dawn kienu għeżeż ferm iktar mill-vażuni, twapet u bizzilla, u għebet minn qalbhom kull diqa li ħallew warajhom xi ħaġa għażiża.
Xi merkanti wasslu lil Filippu, missier il-Ġeneral Allessandru l-Kbir, numru ta’ żwiemel il-ġmiel tagħhom. Wieħed minnhom, l-iktar wieħed għoli u żvelt, deher li ma setgħux isibu tarfu…. jitħabat u ma jobdix. Filippu qal lill-merkanti:
“Dak ħuduh lura u meta timmansawh erġgħu ejjew”.
“Sinjur dak kien mans bħall-oħrajn u ma nistgħux nifhmu x’ġara!”
Alessandru kien qiegħed jismagħhom u pront qalilhom:
“Ħalluh f’idejja. Naħseb li naf x’għandu.”
U ħadu f’idejh, ħaddnu miegħu, beda jkellmu u jmellsu, ma ħalliehx iħares f’wiċċ ix-xemx u ż-żiemel spiċċa mans daqs ħaruf.
“Pa, żwiemel bħal dawn mhux saħħa jridu biex trażżanhom imma ftit imħabba.”
Leslie B. Flynn awtur, jirrakonta kif darba waqt li kien dieħel f’restaurant jilmaħ tifel imċerċer jittewweb bil-ġuħ. Ħaddnu miegħu u daħħlu biex jagħtih ikla. Iżda ċ-ċkejken bil-kemm ried iduqu l-ikel. Meta leslie rah iteftef flok jiekol staqsieh jekk kienx iħobb dak li offrielu:
“L-ikel tajjeb u jien bil-ġuħ”.
“Mela kul!”
“Kif nista’ niekol bil-qalb meta naf li ħija ż-żgħir barra ser jibqa’ bil-ġuħ!”
U dlonk mal-ħġieġ tar-restaurant raw tfajjel iħares b’għajnejh għatxana. Leslie ħareġ għalih u offrielu wkoll platt sħun. Imbgħad l-aħwa kielu bil-qalb…setgħu ma ħasluhomx il-platti li użaw!
L-omm talbet liż-żgħir tagħha jibblakkalha ż-żarbun. Dan obda mill-ewwel u għamel mill-aħjar li seta’.
L-omm dehret sodisfatta u biex turih kemm ħadet pjaċir tagħtu għaxar ċenteżmi. Imma t-tifel qalilha:
“Ma, jekk tħallasni bil-flus inkun tlift il-gost kollu li ħassejt meta kont qed nibblakkalek iż-żarbun”.
Madre Tereża kienet tgħid hekk: L-Imħabba hija frotta ta’ kull staġun u qiegħda viċin ta’ kull persuna.
U kienet tgħid ukoll: L-imħabba tibda mid-dar…mhux kemm nagħmlu jgħodd, imma kemm imħabba inpoġġu f’dik l-azzjoni.
Tlitt eremiti kienu jgħixu fl-għerien, kull wieħed ifendi għal rasu f’ħajja iebsa u qaddisa. U damu hekk għal żmien twil.
Għodwa waħda, iżda, filwaqt li ltaqgħu flimkien ħdejn in-nixxiegħa biex jimlew l-ilma frisk li jleqq sabiħ fid-dawl tax-xemx, waqfu jitkellmu ftit u waqagħlhom f’moħħhom li jekk jibdew jgħixu t-tlieta f’għar wieħed f’ħajja komuni jaħbtu aħjar minn qatt qabel. Għalhekk ftiehmu, sabu għar akbar u qagħdu fih, jaħdmu u jitolbu, jieklu u jorqdu.
Xi sena wara, wieħed żagħżugħ li kien iħossu miġbud mil-qawwa tas-skiet u mis-seħer tal-blat u tal-ilma li jagħmel il-wied u l-għerien, kien qed jagħmel dawra lejn dawk l-inħawi, b’għajnejh miftuħa beraħ u b’qalbu tħabbat bil-hena. F’daqqa waħda, waqaf quddiem għar imdaqqas u ħares ‘il ġewwa. “Għaddi,” stednuh l-eremiti.
Iż-żagħżugħ daħal u qagħad jitkellem magħhom fuq l-imħabba tiegħu lejn il-ħemda tal-kampanja. Imbagħad l-eremiti ukoll tħaddtu miegħu u wrew ix-xewqa tagħhom li jsir bħalhom.
Iż-żagħżugħ staqsiehom: “ X’inhi l-aħjar ħaġa li għandkom hawnhekk?”
U l-ixjaħ eremita wieġbu: “L-aħjar ħaġa li għandna hi li ngħixu flimkien f’ħajja waħda bħal tlett aħwa, nagħmlu l-qalb u ngħinu lil xulxin.”
Iż-żagħżugħ ried jaf aktar għax reġa’ staqsa, “U x’inhi l-agħar ħaġa li għandkom hawn?”
Ix-xiħ wieġeb u qallu: “L-agħar ħaġa li nsibu hi li ngħixu flimkien ukoll għax tqila tassew biex bniedem jissapporti lill-ieħor u jgħix miegħu kull ħin u kuljum.”
Iż-żgħażugħ ħares għal ftit lejn dawk it-tlett uċuh li kellu quddiemu, imbagħad qalilhom: “Ser nibqa’ hawn, iżda qtajtha li ngħammar waħdi f’għar ieħor tal-wied”.
Fl-aħħar gwerra, omm Amerikana kienet tikteb ittra kuljum lil binha suldat. Dan darba qalilha li fil-battaljun tiegħu kien hemm għaxra minn sħabu li qatt ma jirċievu ittra mid-dar. Meta semgħet hekk l-omm bdiet tiktbilhom ukoll….qishom uliedha. Spiċċat il-gwerra….binha miet….u miegħu mietu tnejn minn dawn l-għaxar suldati. Iżda t-tmienja l-oħra baqgħu jirrispettawha bħallikieku kienet ommhom tad-demm u l-laħam u tul ħajjitha sabithom dejjem lesti li jgħinuha…tilfet iben u sabet bosta…għax ħennet.
Oscar Hammerstein, mil-film Sound of Music jgħidilna hekk:
Qanpiena, mhix qanpiena sakemm ma tindaqx,
Kanzunetta, mhix kanzunetta sakemm ma titkantax,
U l-imħabba ġewwa qalbek
Mhix qiegħdha hemm biex tieqaf miegħek.
L-Imħabba mhix imħabba sakemm ma tingħatax lil ħaddieħor.
Grazzi lis-Sur Duncan Ciappara li ġabar u qasam dal-istejjer.