Rebbiħin

Flimkien ma' Alla nirbħu

Bookmark
Skola SajfStejjer

English

“Ħellow tfal, kif tħossukom dalgħodu wara tmiem il-ġimgħa?” staqsa l-għalliem tal-PE lill-istudenti tiegħu li daħlu ferħana fil-gym. U kompla jgħidilhom. “Jalla tħossukom tajjeb!  Issa llum qabel ma nibdew bl-eżerċizzji fiżiċi, ser nagħmlilkom mistoqsija u min iwieġeb tajjeb, jagħżel hu liema eżerċizzji jew logħba jixtieq li nagħmlu.”  U staqsihom: “Tafu ssemu xi avvenimenti li jsiru kull erba’ snin?” Pront, pront, Ivan wieġeb: “It-Tazza tad-Dinja, ser!” Filwaqt li Lisa qaltlu: “Il-Logħob Olimpiku, ser!” U Ben qallu: “Ikollna sena biżestili, ser!”

“Bravi, t-tlieta li intom weġitbu tajjeb” qalilhom l-għalliem filwaqt li kompla jgħidilhom: “U proprju llum ser naraw vidjow klipp qasir dwar il-Logħob Olimpiku u wara nitkellmu ftit dwaru ukoll. Min irid imbagħad jista’ jagħmel xi chart dwar l-avvenimenti sportivi internazzjonali li jsiru minn eluf ta’ atleti madwar id-dinja f’kompetizzjoni sportivi kemm tax-xitwa kif ukoll tas-sajf. Tistgħu tfittxu fuq l-internet dwar l-istorja tal-Logħob Olimpiku, l-għala jissejħu hekk, kif ukoll dwar is-simboli tal-Logħob Olimpiku. Dawn tistgħu tpinġuhom ukoll.” 

Fil-vidjow klipp it-tfal setgħu jaraw kif l-atleti kollha li jikkompetu bil-għan li jirbħu xi tazza jew midalja, iridu jkunu ddixxiplinati magħhom infushom, jagħmlu moħħhom hemm, jittrenjaw kuljum u b’hekk jum wara jum mhux biss isiru tajbin imma jsiru l-aqwa u l-aħjar. Wara li raw il-vidjow klipp l-għalliem użah bħala spunt għad-diskussjoni mat-tfal u beda jgħidilhom:  “Issa li rajna lil dawn l-atleti bravi joħorġu rebbieħa fil-kompetizzjonijiet tagħhom, nixtieqkom taħsbu kif intom ukoll tistgħu tkunu rebbieħa fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum.”  Wara ftit minuti jaħsbu, wieħed tifel qal: “Jien inkun rebbieħ meta nagħraf it-talenti li tani Alla u nużahom għall-ġid tal-oħrajn.

Tifel ieħor qal: “Jien inkun rebbieħ meta kuljum noqgħod attent li nagħmel dak li jixtieq u jogħġob lil Alla. Waħda tifla qalet: “Jien minflok nigdeb nipprova ngħid il-verità. Minflok nisraq dak li mhux tiegħi nipprova ngħin li min hu fil-bżonn. Xi ħaddieħor qal: “Jien minflok inkun irrabjat, naħfer lill-oħrajn u minflok li ngħid kliem ħażin, nitkellem sew u b’rispett. U meta nħossni ngħir għall-affarijiet ta’ ħaddieħor, inkun grat għal dak li għandi. Wara li semgħu lil xulxin, l-għalliem faħħar lit-tfal. Imbagħad stedinhom iħarsu lejn it-tazza tal-fidda li kien hemm fuq il-podium mal-ġenb tal-gym. U żid jgħidilhom: “Issa min jixtieq, jista’ jmur ħdejn it-tazza tal-fidda u jaqra dak li hemm imnaqqax u miktub fuqha.” It-tfal imxew bil-galbu u wieħed wieħed bdew jaqraw: Biex toħroġ rebbieħ fuq id-dgħufijiet tiegħek u tirbaħ l-isbaħ tazza tad-dinja, itlob l’Alla jgħinek tagħmel dejjem dak li hu sew u b’hekk tgħix ħajja sew.

Ftakar ukoll li Alla jinsab miegħek u li dejjem ser jgħinek tegħleb il-ħażen.

English