Ages
  • Primary Years
  • Middle Years
  • Secondary Years
  • Post-Secondary Years
Bookmark

Id-Direttur tas-Sinfoniji Pierre Monteux inzerta bil-lejl f’belt kbira u mar f’lukanda biex iqatta’ l-lejl. Iżda l-manaġer qallu li kienet mimlija sa ruħ ommha. Meta kien ħiereġ xi ħadd qal lill-manaġer li dak kien iċ-ċelebri Monteux. Il-manaġer ġera warajh u qallu: “Skużani sinjur… ma kontx naf min int. Idħol…għandi kamra sabiħa għalik u għal martek.”

“La ma kellekx post għall-persuna tiegħi lanqas għandek għal ismi.” …u baqa’ sejjer ‘il barra.

Sefa’ waħdu, raġel ta’ sittin u iktar għax martu kienet mietet. Kellu biss iben iżda d-destin firidhom għax waqt li hu kien California, ibnu kien jaħdem bogħod fil-belt li ma torqod qatt – New York City.

Iċemplu lil xulxin iżda qajla jiltaqgħu u għaddew ix-xhur… is-snin, iċemplu iva… iltaqgħu qatt. U darba x-xiħ imbikki ċempel lil ibnu:

“Għidli ibni, ċar u bla tlaqliq, bi ħsiebek tiġi għall-funeral tiegħi?”

“Ejja nitkellmu fuq xi ħaġa oħra pa, nitolbok!” qallu ibnu.

Ix-xiħ baqa’ jinsisti: “Għidli nitolbok – bi ħsiebek tiġi għall-funeral tiegħi?”

“Ma tafx li niġi pa, għandek xi dubju?”

“Anke jekk ikollok ħafna xogħol u impenji?”

“Ninsa kollox…kollox inwarrab u niġi nagħtik l-aħħar tislima għax bħalek ma kelli ‘l ħadd u anqas ikolli.”

Ix-xiħ instema’ jitniehed, “Jekk inhu hekk ibni, ejja llum. U imbagħad ftit jimpurtani jekk tiġix fil-funeral tiegħi għax issa nista’ nisimgħek u nixtieq ferm li nerġa’ nħaddnek bħal meta kont ċkejken tarbija f’ħoġri, tiġri għal fuqi biex ngħollik fuq spallti.”

Tard fil-għaxija, waħda mara kienet qed tistenna ġewwa ajruport sakemm jmiss li jajtulha għat-titjira tagħha. Kien baqa’ ftit sigħat u allura intasbet bilqiegħdha fejn il-gallerija tal-ajruport bi ktieb f’idha u xtrat pakkett gallettini sakemm jgħaddi l-ħin.

Għalkemm kienet mitlufa taqra il-ktieb, xorta waħda bdiet tinnota r-raġel li kien bil-qiegħdha ħdejha. Dan beda jaqbad gallettina jew tnejn mil-pakkett li kien bejniethom. Iżda ddeċidiet li ma tagħtix każ. Wara kollox żewġ gallettini nieqsa tant l-aħjar, bdiet tirraġuna l-mara.

Iżda ir-raġel baqa’ jieħu u jieħu mill-pakkett ma’ kull minuta li tgħaddi. Hawnhekk il-mara bdiet turta ruħha ma’ kull gallettina li bdiet tonqos u bdiet taħseb li kieku kienet ħaddieħor żgur li kienet tgħidlu xi ħaġa.

Ma’ kull gallettina li bdiet tieħu, beda jieħu waħda huwa ukoll. Meta kien għad baqa’ l-aħħar gallettina, baqgħet tistenna minn taħt il-għajn tara x’ser jagħmel. Bi tbissima fuq fommu huwa qabad il-gallettina, qasamha u offra nofsha lill-mara. Ħaditha bl-għerra filwaqt li bejnha u bejn ruħha bdiet taħseb kemm dan ir-raġel kien pastaż u maledukat li lanqas biss irringrazzjaha.

Ħadet ir-ruħ, hekk kif għajtu t-titjira tagħha. Hija qabdet l-affarijiet tagħha u marret fil-gate tal-ajruport, b’ċerta ħeffa mingħajr ma ħarset lejn ir-raġel. Telgħet fuq l-ajruplan u poġġiet fil-post li kellha fuq il-biljett. Ħarġet il-ktieb sabiex tkompli taqra, iżda b’għaġeb kbir tagħha, meta defset idha fil-handbag, sabet il-pakkett tal-gallettini għadu magħluq.

Bdiet taħseb li jekk il-pakkett tagħha għadu magħluq, l-oħrajn kienu tiegħu u allura kien qed jaqsam magħha. Bdiet tipprova tara tilmaħx lir-raġel fuq l-ajruplan sabiex titolbu skuża ta’ kemm kienet tosta u ingrata hi, iżda kien kollu għalxejn.

Fil-ħajja tagħna tajjeb li nkunu nafu l-fatti veri qabel ngħaddu ġudizzju fuq l-oħrajn u nuru nuqqas ta’ rispett lejn xulxin.

Meta Napuljun kien qed iħejji biex jinvadi l-Ingilterra, ġabulu żagħżugħ Ingliż li kien priġunier tal-gwerra mixli li pprova jaħrab lejn l-Ingilterra fuq ċatra.

“Għamilt ħażin li ppruvajt taħrab u għamilt ħażin iżjed li għamilt dan fuq ċatra. Ma tafx kemm maltemp jista’ jinqala’ f’din il-biċċa baħar”, qallu bil-kalma Napuljun.

“Sinjur, anke bil-għawm nasal. Id-dar hemm ommi qiegħda tmut u jeħtieġ li nkun ħdejha qabel tħallini għal dejjem.”

“Biex tara lil ommok, mur”, qallu Napuljun. U ordna lil min ġabu biex iħalluh jaħrab.

Dr Albert Schweitzer famuż fil-qasam mediku, missjunarju, teoloġiku u organista mill-aqwa darba waħda kien qiegħed jagħmel ikla f’restaurant ma’ wħud mill-aħjar ħbieb tiegħu. F’ħin minnhom il-waiter ġabilhom kejk sabiħ u l-ħbieb talbu lil Schweitzer biex jaqsmu. B’sengħa kbira, dan qabad is-sikkina u qasmu f’għaxar porzjonijiet.

“Albert, għax qsamtu f’għaxra l-kejk? Aħna mhux disgħa qegħdin?” qallu sieħeb Albert. “Naf li qegħdin disgħa imma ma taħsibx li l-waiter li jservina b’tant ġentilizza, ħaqqu biċċa hu ukoll?”

Lejla waħda Federiku l-Kbir, ir-Re tal-Prussja, ma setax jorqod. Sejjaħ il-gwardjan tiegħu li kien jorqod qribu biex iġiblu ktieb. Il-gwardja, li ‘l quddiem kellu jsir il-Ġeneral Ziethen, kien għadda ħafna ljieli mqajjem u din id-darba għajnu marret bih u ma semgħux jgħajjatlu.

Meta r-re ma kellu l-ebda tweġiba qam jara x’ġara u jsib lil Zeithen rieqed b’karta miktuba maġenbu. Kienet ittra miktuba lil ommu li tgħid hekk: “Ma, bħalissa għandi ngħas kbir, għax għaddejt ħafna ljieli għassa avolja ma kienx imissni. Xtaqt naqla’ xi ħaġa tal-flus żejda biex inkun nista’ nibgħathomlok. Qed nibgħatlek għaxar xelini li qlajthom b’dan il-mod.” Wara li r-re qara dik l-ittra ta flus tad-deheb u poġġihomlu fuq l-ittra mingħajr ma qajjem lil Ziethem.

Rudyard Kipling il-kittieb Ingliż magħruf għall-ktieb tiegħu The Jungle Book flimkien mal-mara tiegħu iddeċidew li jixtru razzett fuq muntanja fejn jgħixu ftit nies. Darba minnhom it-tnejn li huma niżlu mill-muntanja, qasmu x-xmara u telgħu fuq għolja ftit ‘l bogħod. Hemmhekk Rudyard Kipling u martu ltaqgħu ma’ dar ċkejkna li kienet toqgħod fiha mara anzjana. Il-mara staqsiethom: “Intom dawk li toqgħodu fuq in-naħa l-oħra tal-muntanja?” Dawk wieġbuha iva. U l-mara anzjana bdiet tirrakontalhom b’entużjażmu kbir kemm issib wens u kumpanija matul il-lejl meta tara t-twieqi mixgħulin tal-familja ta’ Rudyard Kipling. Imbagħad il-mara anzjana iserjat u qaltilhom: “Imma intom ser tibqgħu toqgħodu hemm hux u d-dawl ser tħalluh mixgħul?”

Il-koppja Kipling qalulha li kienu ser jibqgħu joqgħodu hemm għal xi żmien. Meta huma telqu mir-razzett, irranġaw ma’ sidu sabiex iħalli d-dawl jixgħel matul il-lejl. Huma neħħew ukoll il-purtieri ħalli b’hekk lil dik il-mara anzjana jilħaqa iktar dawl mis-soltu.

Richard Gilder, poeta u bijografu Amerikan, darba minnhom kien fuq vjaġġ bil-ferrovija. Gilder kien jaf li l-president Stephen Grover Cleveland, it-28 president tal-Istati Uniti kien fuq l-istess ferrovija li kien qed jivjaġġa hu. Peress li Gilder kellu aħbar importanti xi jwassal lil president beda jfittxu fuq it-trejn. Fittxu madwar il-ferrovija kollha li kienet ippakjata bin-nies iżda kien kollu għalxejn. Fl-aħħar Richard Gilder mar fil-vaguna tal-baggalji sabiex jistaqsi lill-kunduttur jekk kienx hemm il-bagalja tiegħu. Ma setax jemmen lil għajnejh hekk kif daħal fil-vaguna tal-bagalji jara lill-President bil-qiegħdha fuq kaxxa u jserraħ daru mal-istess vaguna.

Gilder qallu: “Eċċellenza, inti mhux hawn postok!” iżda pront il-President Clevland wieġbu: “Mara b’tarbija telgħet fuq il-ferrovija u ma kelliex fejn toqgħod u jiena ċedejtilha l-post tiegħi”.

Mara Amerikana kienet qed tagħmel vjaġġ minn New York għal Philadelphia u sabet ruħha bil-qiegħda fejn raġel pjuttost matnazz. Fil-kompartament tal-ferrovija huma kienu weħidhom. Ir-raġel ħareġ sigarru u beda jpejjep. Il-mara bdiet tqaħqaħ u tisgħol sabiex turi li ma tantx ħadet pjaċir b’dik ir-riħa izda ir-raġel baqa’ jpejjep. Għalhekk daret fuqu u qaltlu:

 “Jaqaw, inti barrani? Ma tafx naħseb li hawn vaguna apposta għal min irid ipejjep. Hawnhekk mhux permess tipjip.”

Mingħajr ma qal kelma r-raġel qabad is-sigarru u tfiegħ. Meta l-kunduttur ġie jdur għall-biljetti, il-mara nħasdet meta rat l-isem ta’ dak ir-raġel ma kien ħadd ħlief il-Ġeneral Ulysses Grant u li hi kienet fil-vaguna privata tiegħu bla permess. Bdiet tfittex minn fejn tgħaddi ‘l barra baxx baxx iżda l-Ġeneral ma għamel l-ebda reazzjoni ħalli ma jimbarazzahiex.

Il-poeta Ingliż George Herbert kien fi triqtu sabiex jara kunċert mużikali. Fit-triq huwa iltaqa’ ma bejjiegħ fqir tal-kotba u li ż-żiemel tiegħu beda jogħtor taħt it-tagħbija li kellu. Il-poeta waqaf sabiex jagħtih l-għajnuna u jneħħi ftit mit-toqol li kien qed iġorr dak il-povru żiemel. Wara dan, George Herbert ta somma flus lil dak ir-raġel sabiex jixtri l-ikel għalih u ż-żiemel tiegħu.

Meta wasal fis-sala tal-kunċert, sħab George stagħġbu jaraw f’liema stat kien, bil-ħwejjeġ tiegħu imqattgħin u maħmuġin. Meta huwa qalilhom ma min kien iltaqa u x’għamel fit-triq, xi ħadd qallu li b’dak li għamel waqa’ lilu nnifsu fil-baxx biex jagħmel xi ħaġa bħal dik.

Herbert kien pront wieġeb: “Dak li għamilt, jdoqqli bħal mużika għalija anke matul il-lejl. Minn naħa l-oħra, li kieku ma waqaftx, il-kuxjenza tiegħi kienet idoqqli il-ħin kollu bħal kunċert skurdat.”

Darba waħda, tifel fqajjar kien qed ibiegħ xi affarijiet bieb bieb, ħalli b’hekk jkun jista’ jħallas l-iskola. Waqt li kien għaddej bil-ħidma tiegħu qabdu l-ġuħ iżda ma riedx juża mill-flus li kien għadu kemm qala’. Għalhekk iddeċieda li jistaqsi għal ftit ikel fl-ewwel dar li jħabbat. Iżda l-misthija għelbitu meta mara sabiħa fetħet il-bieb tad-dar. Minflok għal ftit ikel huwa talab għall-tazza ilma. Il-mara meta ratu ftit debboli ġabitlu tazza ħalib friska. It-tifel xorob il-ħalib ftit ftit u wara  li spiċċaha staqsieha: “Kemm għandi nagħtik?” Il-mara qaltlu: “Ma għandekx għalfejn tagħtini xejn, ommi dejjem għallmitna biex ma naċċetawx qliegħ meta nkunu ġentili u nuru rispett lejn l-oħrajn.”

It-tifel irringrazzja minn qalbu u telaq fi triqtu.

Meta t-tifel, Howard Kelly kien fi triqtu lura d-dar, mhux talli kien jinsab b’saħħtu fiżikament, imma l-fidi tiegħu f’Alla u fil-bniedem isaħħet. Snin wara, dik il-mara sabiħa mardet serjament. It-tobba tal-lokal kienu mħassba u allura bagħtuha ġo sptar ieħor fejn il-kura kienet ħafna aħjar sabiex jistudjaw il-marda rari tagħha. Għalhekk bagħtu għal Dr Howard Kelly sabiex jagħmel l-analiżi tiegħu. Meta sar jaf mil-liema raħal kienet ġejja, huwa ried jiltaqa’ magħha għax kienet mill-istess raħal ta’ twelidu.

Hekk kif wasal ħdejha, għarafha mill-ewwel u meta mar lura fil-kamra tiegħu kien determinat li jagħmel minn kollox biex isalvalha ħajjitha. Wara battalja twila, u l-mara fieqet. Dr Kelly talab lil dawk li jieħdu ħsieb l-accounts tal-isptar sabiex jgħaddulu l-kont finali tal-mara. Huwa ħares lejh u kiteb xi ħaġa fuqu filwaqt li bagħtu fil-kamra tagħha. Il-mara beżgħet tiftħu għaliex ħasbet li għandha il-kumplament ta’ ħajjitha biex tħallsu. Meta ratu sew, indunat bil-kitba u bdiet taqra l-kliem: “Imħallas kollu, b’tazza ħalib.” Iffirmat Dr Howard Kelly.

Johannes Brahms kien kompożitur u pjanist Ġermaniż kien magħruf għall-kwalitajiet imaġinattivi tar-rispett u l-ġentilezza. Darba waħda hu u sieħbu l-vjolinist Joseph Joachim kellhom diversi kunċerti ġewwa l-Ungerija. Lejla minnhom l-udjenza kienet tikkonsisti biss f’persuna waħda. Joachim kien sejjer jagħti l-flus lura lir-raġel meta fil-pront żammu Brahms filwaqt li qallu: “Le, l-uniku persuna li ġiet tarana ma jixirqiliex dan in-nuqqas ta’ rispett. Ejja nkomplu daqs li kieku għandna udjenza kbira.”

Il-kunċert beda u Brahms u Joachim bdew idoqqu kull numru li beda jitlobhom l-unika persuna fil-kunċert.

Fl-1922, Gandhi, ex-mexxej tal-pajjiż tal-Indja kien ikkundanat 6 snin priġunerija u ntbagħat fil-ħabs ta’ Yeravda. Il-direttur tal-ħabs, li kien jaf kemm Gandhi kien rispettat kemm mill-Induwisti u anke mill-Musulmani, għażel persuna Afrikana sabiex joqgħod ma’ Gandhi. Dan l-Afrikan ma kienx jaf kelma bl-Indjan u allura ma kienx ta’ periklu. B’hekk Gandhi u r-raġel Afrikan kienu jiftehmu permezz tas-sinjali.

Darba minnhom, ir-raġel Afrikan ġie migdum minn skorpjun u ġie jiġri għand Ghandi, fost l-uġiegħ li kellu. Mingħajr ma tilef ħin, Gandhi neħħa l-velenu billi poġġa xufftejh mal-ferita u ġibdu ‘l barra. Ir-raġel Afrikan kien diġa beda jħossu aħjar u flimkien ma’ xi ingwenti oħrajn l-uġiegħ telaq kollu. Kienet l-ewwel darba għal dak l-Afrikan li xi ħadd b’tant rispett u għożża kien wera ftit imħabba miegħu. Wara din il-ġrajja huwa serva lil Gandhi b’żelu kbir u b’tant ħerqa.

Bill Haven, wieħed mill-membri tal-canoe team li kellu jipparteċipa fil-logħob Olimpiku ta’ Pariġi, ħass li għandu jirtira mit-team peress li martu kienet qed tistenna t-twelid tat-tarbija tagħhom. Martu ħeġġittu biex ma jitlifx dan iċ-ċans kbir li jikseb medalja tad-deheb iżda Bill baqa’ deċiż. Feraħ bit-twelid ta’ ibnu iżda fil-qiegħ ta’ qalbu ħass diżappunt meta sar jaf li sħabu kienu rebħu medalja tad-deheb.

Iż-żmien għadda…ibnu kiber u hu wkoll ġie magħżul biex jipparteċipa fil-logħob Olimpiku li kellu jsir f’Helsinki. U kien tajjeb biżżejjed li rebaħ medalja tad-deheb għalih u għal pajjiżu. Immedjatament kiteb lil missieru u qallu: “Pa, dak li ma ksibtx int minħabba fija ksibtu jien. Malli nasal nagħtik il-medalja li rbaħt għax inħoss li tistħoqq lilek ferm iktar milli tistħoqq lili!”

L-Amerikani kienu jafuh sew lill-attur Henry Sanders tas-sensiela Dr Quinn. Iżda forsi ftit jafu b’esperjenza li jħobb jirrakonta.

Jgħid kif darba, meta hu kien spiċċa mill-kors tal-akkademja, ġie fuqu sid ta’ teatru żgħir f’belt imdaqqsa u talbu jieħu ħsieb u jaħdem fi play li kellha tieħu tlitt xhur; serata kull nhar ta’ Ħadd fil-għaxija. Offrielu paga diċenti u Sanders aċċetta. Iffirma kuntratt għat-tlitt xhur ta’ wara.

Ġimgħa wara l-iffirmar ċemplulu minn Hollywood għax min kien jgħallmu fl-akkademja kien irrakomandah u qalulu li riduh imur malajr f’Los Angeles għax riedu jibdew sensiela ġdida u għażluh bħala l-protagonista b’paga favoluża.

Sanders ħassu bejn ħaltejn għax issa kien diġa ta l-kelma li għal tlitt xhur mhux ser jitħarrek mill-belt li fiha kienet qed issir il-play. Kien marbut b’kuntratt imma iktar minn hekk kien marbut b’kelmtu u r-rispett li kellu lejn minn impjegah. Seta’ jikser il-kuntratt u Hollywood iħallas id-danni iżda hu ħass li la darba ta’ kelma għandu jżommha u kontra qalbu qalilhom x’iddeċieda.

U ta’ Hollywood tant stagħġbu b’irġulitu li għażlu li jistennew tlitt xhur flok ma għamlu bħas-soltu u għażlu attur ieħor.

Dwight Eisenhower eks-Ġeneral tal-armata Amerikana jgħid hekk: Ejjew nevitaw mid-dinja tagħna, komunità li tibaża kollox fuq il-biża’ u l-mibgħeda. Minflok ejjew nagħmlu soċjetà mibnija fuq il-fiduċja u r-rispett.

Grazzi lis-Sur Duncan Ciappara li ġabar u qasam dal-istejjer.



We want to get to know you. To be able to bookmark your favourite content, please log in or sign up below.

User Sign Up

  • This field is for validation purposes and should be left unchanged.


Discover more resources