Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Kbir f’għemilu l-Mulej magħna. (Salm 125)
1. Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur tal-Lhudija, Erodi tetrarka tal-Galilija, ħuh Filippu tetrarka tal-artijiet tal-Iturija u t-Trakonija, u Lisanja tetrarka ta’ Abileni, fiż-żmien meta l-uffiċċju ta’ qassis il-kbir kien f’idejn Anna u Kajfa, il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-deżert. U ġie fl-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, ixandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet, kif hemm imniżżel fil-ktieb tal-profeziji ta’ Iżaija:
“Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.
Kull wied jimtela,
kull muntanja u għolja titbaxxa,
il-mogħdijiet mgħawwġa jiddrittaw,
u t-triqat imħarbta jitwittew.
U l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla!”. (Lq 3, 1-6)
i. Fis-sena ħmistax tal-ħakma ta’ Tiberju Ċesari, meta Ponzju Pilatu kien gvernatur … il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija
Il-kbar imexxu l-istorja:
huma jgħaddu l-liġijiet u jiddeċiedu min isegwihom
(u min jista’ ma jsegwihomx);
huma n-nies importanti,
mingħandhom il-favuri!
M’hemmx x’tagħmel!
Jew hemm?
Minn daqstant ħakkiema,
ir-rakkont tal-istorja li biddlet (u għadha tbiddel) id-dinja
tibda minn Ġwanni.
Irrifletti:
X’tispira fik din l-għażla t’Alla?
ii. il-kelma tal-Mulej ġiet fuq Ġwanni bin Żakkarija, fid-DEŻERT
Mhux fl-apparat tal-palazzi u l-uffiċċji fejn nieħdu l-kontroll f’idejna
- fejn mhemmx post għall-verità (ara Pilatu)
- fejn nista’ nistgħu niddeċiedu lil min noqtlu (ara Erodi)
Mhux fit-tempji ta’ ritwali solenni li jgħidu lil Alla sa fejn jista’ u ma jistax jasal
- fejn tintilef il-fiduċja f’Alla (Żakkarija kellu bżonn is-skiet biex jirkupra)
- fejn nużaw lil Alla għall-vantaġġi tagħna (ara l-manipulazzjoni ta’ Anna u Qajfa)
imma fid-deżert (midbar):
fejn tħalli l-kelma (dabar) tal-Mulej tkun kollox f’ħajjitna:
minn hemm tinbidel l-istorja.
Irrifletti
Xi tfisser għalik li ma tibqax aljenat?
iii. “Kull wied jimtela,kull muntanja u għolja titbaxxa”.
F’sitwazzjoni soċjali u politika ta’ skuraġġiment,
l-istorja l-ġdida tibda bi Ġwanni
li ma jibdiex minn barra imma minnu nnifsu:
li qalbu tkun f’postha,
li l-viżjoni tkun ċara,
li jirbaħ l-ostakli li jtellfuh milli jara ċar:
l-iskuraġġiment totali li jitfgħu f’qiegħ ta’ wied
il-kburija u s-suppervja li hemm bżonn jitbaxxew:
minn hemm seta’ jagħraf sew lilu nnifsu u r-realtà,
u jistieden lil ħaddieħor jagħmel l-istess.
Irrifletti:
Ieqaf ftit, ibda minnek innifsek billi titlob b’dan it-test:
Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha,
u tafdax fl-għaqal tiegħek.
Fih aħseb f’kulma tagħmel,
u hu jwittilek triqatek
(Prov 3, 5-6)
3. Missierna
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għall-preparazzjoni ta’ din ir-riflessjoni